Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Meta xi ħadd maħbub imut

Meta xi ħadd maħbub imut

“Alla jaf x’inhu l-​aħjar, qalbi. . . . Toqgħodx . . . tibki.”

Dan il-​kliem ġie mlissen bil-​mod f’widnejn mara jisimha Bebe. Kienet fil-​funeral taʼ missierha, li kien miet f’inċident tat-​traffiku.

Bebe kienet ħabiba ħafna maʼ missierha. Il-​kumment ġie minn ħabib tal-​familja li xtaqilhom il-​ġid, imma Bebe sabitu iktar taʼ wġigħ milli taʼ faraġ. “Il-​mewta tiegħu ma kinitx għall-​aħjar,” baqgħet tgħid lilha nfisha. Deher ċar li meta Bebe kitbet il-​ġrajja fi ktieb, snin wara, hi kienet għadha mnikkta.

Bħalma esperjenzat Bebe, wieħed jistaʼ jirrikjedi żmien twil biex jegħleb in-​niket, speċjalment meta l-​persuna li ġarrbet it-​telfa kienet qrib ħafna taʼ dak li miet. Fil-​Bibbja, il-​mewt tiġi deskritta tajjeb bħala “l-​aħħar għadu.” (1 Korintin 15:26) Tiġi fuqna u tħarbtilna ħajjitna u xejn ma jwaqqafha, spiss meta l-​inqas nistennewha, u tisirqilna lil dawk li huma għeżież għalina. Ħadd minna ma jistaʼ jiskansa l-​ħsarat li ġġib magħha. Mela, ma nissorprendux ruħna jekk inħossuna ma nafux x’naqbdu nagħmlu meta niġu ffaċċjati bil-​mewt u l-​konsegwenzi tagħha.

Forsi għedt bejnek u bejn ruħek: ‘Kemm irid jgħaddi żmien biex nirkupra min-​niket? Persuna kif tistaʼ tkampa man-​niket? Kif nistaʼ nfarraġ oħrajn li ġarrbu telfa? Hemm xi tama għall-​maħbubin tagħna li mietu?’