Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kont taf?

Kont taf?

Min kien missier Ġużeppi?

Ġużeppi, il-​mastrudaxxa minn Nazaret, kien il-​missier adottiv taʼ Ġesù. Imma min kien missier Ġużeppi? Il-​ġenealoġija taʼ Ġesù fl-​Evanġelju taʼ Mattew issemmi lil ċertu Ġakobb, filwaqt li dak taʼ Luqa jgħid li Ġużeppi kien “bin Għeli.” Għala hemm dik li tidher li hi diskrepanza?—Luqa 3:23; Mattew 1:16.

Ir-​rakkont taʼ Mattew jaqra: “Ġakobb nissel lil Ġużeppi,” u juża terminu Grieg li jindika ċar li Ġakobb kien il-​missier naturali taʼ Ġużeppi. Għalhekk, Mattew kien qed isegwi l-​ġenealoġija naturali taʼ Ġużeppi, il-​linja rjali taʼ David, li minnha, id-​dritt legali għat-​tron għadda lill-​iben adottiv tiegħu, Ġesù.

Mill-​banda l-​oħra, ir-​rakkont taʼ Luqa jgħid: “Ġużeppi, bin Għeli.” Dik l-​espressjoni “bin” tistaʼ tinftiehem “ħaten.” Każ simili jinsab f’​Luqa 3:27, fejn Saltijel, li fir-​realtà missieru kien Ġekonija, hu mniżżel bħala “bin Neri.” (1 Kronaki 3:17; Mattew 1:12) Aktarx li Saltijel kien miżżewweġ lil waħda mill-​bniet taʼ Neri li ma tissemmiex b’isimha, u b’hekk sar ħatnu. Bl-​istess mod, Ġużeppi kien “iben” Għeli, peress li żżewweġ lil bintu Marija. Mela Luqa jsegwi l-​linja naturali taʼ Ġesù, “skond il-​laħam,” minn ommu bijoloġika, Marija. (Rumani 1:3) B’hekk, il-​Bibbja tagħtina żewġ linji ġenealoġiċi differenti u siewja għal Ġesù.

Xi drappijiet u żebgħa kien hemm fi żminijiet Bibliċi?

Suf miżbugħ misjub f’għar qrib il-Baħar il-Mejjet, iddatat minn qabel is-sena 135 WK

Is-​suf tan-​nagħaġ kien jintuża ħafna biex isiru drappijiet fil-​Lvant Nofsani fil-​qedem, bħalma kien ix-​xagħar tal-​mogħoż u l-​iġmla. L-​iktar drapp komuni kien tas-​suf, u l-​Bibbja spiss tirreferi għan-​nagħaġ, għall-​ġeżż, u għall-​ħwejjeġ tas-​suf. (1 Samwel 25:2; 2 Slaten 3:4; Ġob 31:20) Il-​kittien, użat biex jiġi prodott l-​għażel, kien jitkabbar fl-​Eġittu u fl-​Iżrael. (Ġenesi 41:42; Ġożwè 2:6) Mhuwiex magħruf jekk l-​Iżraelin ta’ żminijiet Bibliċi kinux ikabbru l-​qoton, imma l-​Iskrittura ssemmi l-​użu tat-​tajjar fil-​Persja. (Ester 1:6) Il-​ħarir kien materjal jiswa l-​flus, aktarx importat biss minn negozjanti li jivvjaġġaw mil-​Lvant Imbiegħed.​—Rivelazzjoni 18:​11, 12.

Il-​ktieb Jesus and His World jgħid li “s-​suf kien jiġi f’varjetà ta’ kuluri naturali, minn abjad ċar sa kannella skur u l-​ħafna kuluri li joħorġu minnhom.” Iżjed minn hekk, is-​suf spiss kien jinżebagħ. Żebgħa vjola tiswa l-​flus kienet tiġi minn ċertu bebbux tal-​baħar, u diversi pjanti, għeruq, weraq, u insetti kienu jintużaw biex issir żebgħa għad-​drappijiet ta’ kuluri bħalma huma l-​aħmar, l-​isfar, il-​blu, u l-​iswed.