Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | META XI ĦADD MAĦBUB IMUT

Kif tkampa man-niket tiegħek

Kif tkampa man-niket tiegħek

Qatt ma jistaʼ jkun hemm biżżejjed pariri fuq dan is-​suġġett. Imma mhux kollha jkunu taʼ għajnuna. Pereżempju, jistaʼ jkun li xi wħud jgħidulek biex ma tibkix jew biex ma turix is-​sentimenti tiegħek b’xi mod. Oħrajn forsi jġegħluk tagħmel l-​oppost billi tesprimi s-​sentimenti kollha. Il-​Bibbja tippreżenta ħarsa iżjed bilanċjata, waħda li hi appoġġjata mir-​riċerka moderna.

F’xi kulturi, li raġel jibki jitqies bħala dgħufija. Imma veru hemm bżonn li tistħi tibki, anke fil-​pubbliku? Il-​professjonisti tas-​saħħa mentali jirrikonoxxu li l-​biki hu parti normali milli wieħed jitnikket. U jistaʼ jkun li n-​niket maż-​żmien jgħinek tirkupra avolja esperjenzajt telfa kbira. Li żżomm ġo fik, madankollu, jistaʼ jagħmel iżjed ħsara milli ġid. Il-​Bibbja ma tappoġġjax l-​idea li dan hu ħażin jew li tkun dgħufija jekk jaqbiżlek id-​dmugħ minħabba n-​niket. Pereżempju, aħseb dwar Ġesù. Fil-​mewt tal-​ħabib għażiż tiegħu Lazzru, Ġesù beka quddiem kulħadd avolja kellu l-​qawwa biex iqajjem il-​mejtin!—Ġwanni 11:33-​35.

Mumenti taʼ rabja spiss ikunu parti milli wieħed jitnikket, speċjalment f’każi taʼ mewt għal għarrieda u mhix mistennija. Hemm ħafna raġunijiet għala persuna mnikkta tistaʼ tħossha rrabjata, pereżempju meta kummenti bla ħsieb u bla bażi jintqalu minn persuna rispettata. “Kelli biss 14-​il sena meta miet missieri,” jispjega raġel mill-​Afrika t’Isfel jismu Mike. “Fil-​funeral, il-​qassis Anglikan qal li Alla jkollu bżonn nies tajbin u jsejħilhom kmieni. * Dan irrabjani għaliex aħna kellna bżonn ħafna lil missierna. Issa, 63 sena wara, għadni ddispjaċut.”

U xi ngħidu dwar is-​sens taʼ ħtija? Speċjalment fil-​każ taʼ mewt mhix mistennija, il-​persuna li ġarrbet it-​telfa għandu mnejn taħseb darba wara l-​oħra, ‘Ma kienx se jiġri hekk kieku għamilt hekk jew hekk.’ Jew jistaʼ jkun li l-​aħħar darba li rajt lil dak li miet kien waqt argument. Dan jistaʼ jżid mas-​sentimenti tiegħek taʼ ħtija.

Jekk qed tiġi mifni b’sentimenti taʼ ħtija u rabja bħal dawn, hu importanti li ma żżommx dawn l-​emozzjonijiet ġo fik. Minflok, tkellem maʼ ħabib li jisimgħek u li jassigurak li dawn is-​sentimenti huma normali għal dawk li ġarrbu t-​telfa taʼ xi ħadd. Il-​Bibbja tfakkarna: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.”—Proverbji 17:17.

L-​aqwa Ħabib li xi ħadd imnikket jistaʼ jkollu hu l-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova. Iftaħ qalbek miegħu fit-​talb għaliex ‘hu jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) Iżjed minn hekk, hu jwiegħed li dawk kollha li jagħmlu dan ikollhom moħħhom mistrieħ u sentimenti mtaffijin bil-​“paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Filippin 4:6, 7) Ukoll, ħalli lil Alla jgħinek tfiq permezz tal-​Kelma tiegħu li tfarraġ, il-​Bibbja. Agħmel lista taʼ skritturi li jfarrġu. (Ara l-​ kaxxa.) Forsi saħansitra tixtieq titgħallem ftit minnhom bl-​amment. Li jkollok ħsibijiet bħal  dawn biex timmedita fuqhom jistaʼ jkun taʼ għajnuna speċjalment billejl meta tkun waħdek u ssibha diffiċli biex torqod.—Isaija 57:15.

Reċentement, raġel li għandu 40 sena, li se nsejħulu Jack, tilef il-​maħbuba martu minħabba l-​kanċer. Jack jgħid li kultant iħoss sentimenti qawwijin taʼ solitudni. Imma sab l-​għajnuna permezz tat-​talb. “Meta nitlob lil Ġeħova,” hu jispjega, “qatt ma nħossni waħdi. Spiss nistenbaħ billejl u ma nkunx nistaʼ nerġaʼ norqod. Wara li naqra u nimmedita fuq ħsibijiet taʼ faraġ mill-​Iskrittura u mbagħad niftaħ qalbi fit-​talb, inħoss ċerta kalma u paċi kbira li jagħtuni serħan tal-​moħħ u l-​qalb u jgħinuni norqod.”

Mara żagħżugħa jisimha Vanessa mititilha ommha għax kienet marida. Hi wkoll esperjenzat il-​qawwa tat-​talb. “Fl-​iżjed żminijiet diffiċli li kelli,” tgħid hi, “kont insejjaħ isem Ġeħova u ninfaqa’ nibki. Ġeħova semaʼ t-​talb tiegħi u dejjem tani s-​saħħa li kelli bżonn.”

Uħud li jagħtu pariri lil dawk li tilfu lil xi ħadd fil-​mewt jissuġġerixxu lil dawk li qed jissieltu man-​niket biex jinvolvu ruħhom f’li jgħinu lil oħrajn jew jivvolontarjaw ħinhom f’xi servizz fil-​komunità. Li jagħmlu dan jistaʼ jġib ferħ u jtaffi n-​niket tal-​persuna. (Atti 20:35) Ħafna Kristjani mnikktin sabu li jiksbu ħafna faraġ meta jgħinu lil oħrajn.—2 Korintin 1:3, 4.

^ par. 5 Dan mhux tagħlim tal-​Bibbja. Il-​Bibbja tirrivela tliet raġunijiet għala mmutu.—Ekkleżjasti 9:11; Ġwanni 8:44; Rumani 5:12.