Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | META XI ĦADD MAĦBUB IMUT

Il-mejtin se jerġgħu jgħixu!

Il-mejtin se jerġgħu jgħixu!

Forsi tiftakar li Gail, li ssemmiet qabel f’din is-​serje t’artikli, tiddubita jekk xi darba hix se tirkupra mill-​mewt tar-​raġel tagħha, Rob. Madankollu, hi qed tħares ’il quddiem biex terġaʼ tarah fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda t’Alla. “L-​iskrittura favorita tiegħi,” tgħid hi, “hi Rivelazzjoni 21:3, 4.” Din tgħid: “Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”

Gail tgħid: “Din il-​wegħda tagħtina tama għall-​futur. Kemm inħoss mogħdrija għal dawk in-​nies li tilfu lil xi ħadd maħbub imma ma jafux dwar din it-​tama taʼ li jerġgħu jarawh.” Gail taġixxi fi qbil mat-​twemmin tagħha billi tagħmel xogħol volontarju bħala evanġelizzatriċi full-​time, u taqsam mal-​ġirien tagħha l-​wegħda t’Alla taʼ futur meta “ma jkunx hemm iżjed mewt.”

Ġob kien fiduċjuż li se jerġaʼ jgħix

‘Ma titwemminx!’ forsi tgħid. Imma kkunsidra l-​eżempju taʼ wieħed raġel jismu Ġob. Hu kien marad serjament. (Ġob 2:7) Għalkemm Ġob xtaq li jmut, xorta kellu l-​fidi fil-​qawwa t’Alla biex jirxoxtah għall-​ħajja fuq l-​art. B’fiduċja qal: “O li fil-​Qabar kont taħbini . . . Int issejjaħli, u jien inwieġbek. Għal xogħol idejk int tixxennaq.” (Ġob 14:13, 15) Ġob kien fiduċjuż li Alla kien se jħoss in-​nuqqas tiegħu u li kien se jixxennaq biex jirxoxtah.

Dalwaqt, Alla se jagħmel proprju dan—għal Ġob u nies oħra bla għadd—meta din l-​art tkun mibdula f’ġenna. (Luqa 23:42, 43) Il-​Bibbja tikkonferma f’​Atti 24:15 li “se jkun hemm irxoxt.” Ġesù jassigurana: “Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Ġob se jara dik il-​wegħda titwettaq. Se jkollu l-​prospett li jerġaʼ jikseb l-​“enerġija taż-​żgħożija” u ġismu jibqaʼ “iktar frisk milli fiż-​żgħożija” għal dejjem. (Ġob 33:24, 25) L-​istess se jiġri lil dawk kollha li jwieġbu b’apprezzament għall-​provvediment taʼ ħniena li jagħti Alla taʼ rxoxt għall-​ħajja fuq l-​art.

Jekk int ġarrabt it-​telfa taʼ xi ħadd għażiż għalik, l-​informazzjoni li ddiskutejna forsi ma jneħħulekx in-​niket tiegħek għalkollox. Imma billi timmedita fuq il-​wegħdi t’Alla misjubin fil-​Bibbja, tistaʼ ssib tama vera u s-​saħħa biex tibqaʼ għaddej.—1 Tessalonikin 4:13.

Tixtieq titgħallem iżjed dwar kif tkampa man-​niket? Jew għandek xi mistoqsijiet relatati, bħal “Alla għala jippermetti l-​ħażen u t-​tbatija?” Jekk jogħġbok żur il-​Websajt tagħna, jw.org/mt, biex tara kif il-​Bibbja tagħti tweġibiet prattiċi u taʼ faraġ.