‘Agħti xiehda bir-​reqqa dwar l-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.’—ATTI 20:24.

GĦANJIET: 10184

1, 2. L-​appostlu Pawlu kif wera li kien grat għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?

L-​APPOSTLU Pawlu bl-​onestà kollha setaʼ jgħid: “Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa li [Alla] wera miegħi ma kinitx għalxejn.” (Aqra l-​1 Korintin 15:9, 10.) Pawlu b’mod ċar kien jaf li ma kienx jistħoqqlu l-​ħniena kbira t’Alla. Hu qabel kien ippersegwita lill-​Kristjani.

2 Lejn tmiem ħajtu, Pawlu kiteb hekk lil Timotju: “Jien grat lejn Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna, li tani l-​qawwa, għax qiesni bħala wieħed leali billi tani ministeru.” (1 Timotju 1:12-​14) Dan x’ministeru kien? Pawlu qal lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni f’Efesu: “Ma nqisx lil ruħi bħala xi ħaġa għażiża għalija, dment li ntemm il-​korsa tiegħi u l-​ministeru li rċivejt mingħand il-​Mulej Ġesù biex nagħti xiehda bir-​reqqa dwar l-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.”Atti 20:24.

3. Liema ministeru speċjali ngħata lil Pawlu? (Ara l-​ewwel stampa.)

 3 Pawlu liema “aħbar tajba” pprietka, u din kif uriet il-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova? Pawlu qal hekk lill-​Kristjani f’Efesu: “Smajtu dwar il-​prokura tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li ngħatatli għall-​benefiċċju tagħkom.” (Efesin 3:1, 2) Ġesù kien qal lil Pawlu biex jipprietka l-​aħbar tajba lil dawk li ma kinux Lhud. Issa kien possibbli għan-​nies mill-​ġnus biex ikunu parti mill-​gvern tas-​Saltna mmexxi mill-​Messija. (Aqra Efesin 3:5-​8.) Pawlu pprietka b’żelu u ħalla eżempju tajjeb għall-​Kristjani llum. Hu wera li l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla ma kinitx “għalxejn,” jew moħlija fuqu.

IL-​QALB TAJBA MHIX MISTĦOQQA T’ALLA TIMMOTIVAK LILEK?

4, 5. Għala nistgħu ngħidu li “l-​aħbar tajba tas-​saltna” hi wkoll “l-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla”?

4 F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, in-​nies taʼ Ġeħova għandhom l-​inkarigu li jippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna . . . fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:14) L-​aħbar tajba tas-​Saltna hi wkoll “l-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” B’liema mod? Il-​barkiet kollha li se nirċievu mis-​Saltna t’Alla se jiġu bħala riżultat tal-​qalb tajba taʼ Ġeħova. (Efesin 1:3) Pawlu wera li kien grat għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova billi pprietka b’żelu. Qed nimitaw aħna l-​eżempju taʼ Pawlu?—Aqra Rumani 1:14-​16.

5 Fl-​artiku taʼ qabel dan, tgħallimna kif aħna bħala midinbin nibbenefikaw b’diversi modi mill-​qalb tajba taʼ Ġeħova. Peress li tant ibbenefikajna, aħna għandna r-​responsabbiltà li ngħallmu lil oħrajn dwar kif Ġeħova qed juri mħabbtu u kif huma jistgħu jibbenefikaw minnha. B’liema modi nistgħu ngħinu lil oħrajn ikunu grati għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?

XANDAR L-​AĦBAR TAJBA TAS-​SAGRIFIĊĊJU TAL-​FIDWA

6, 7. Meta nispjegaw il-​fidwa lin-​nies, kif inkunu qed inxandru l-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?

6 Illum il-​ġurnata, ħafna nies ma jħossuhomx ħatjin meta jidinbu, allura ma jifhmux għala n-​nies għandhom bżonn fidwa. Fl-​istess waqt, iktar u iktar nies jirrealizzaw li l-​istil tal-​ħajja tagħhom ma jġibilhomx ferħ. U jekk qatt ma jkunu tkellmu max-​Xhieda taʼ Ġeħova, ħafna nies ma jafux x’inhu d-​dnub, kif jeffettwana, u xi rridu nagħmlu biex ninħelsu mill-​jasar tad-​dnub. Ladarba jifhmu x’inhu d-​dnub, in-​nies sinċieri jkunu grati li jitgħallmu li Ġeħova bagħat lil Ibnu lejn l-​art biex jeħlisna mid-​dnub u l-​mewt. Ġeħova għamel dan minħabba l-​imħabba kbira u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.—1 Ġwanni 4:9, 10.

7 Innota dak li qal Pawlu dwar l-​Iben għażiż taʼ Ġeħova: “Bih għandna l-​ħelsien bil-​fidwa permezz taʼ demmu, iva, il-​maħfra tan-​nuqqasijiet tagħna, skond ir-​rikkezzi tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa [taʼ Ġeħova].” (Efesin 1:7)  Is-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa hu l-​akbar prova taʼ kemm Alla jħobbna u jurina kemm hi kbira l-​qalb tajba mhix mistħoqqa Tiegħu. Hu taʼ serħan il-​moħħ meta nitgħallmu li jekk nuru fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, dnubietna se jinħafrulna u se jkollna kuxjenza nadifa! (Ebrej 9:14) Dan żgur li hu aħbar tajba biex naqsmu m’oħrajn!

GĦIN LIN-​NIES ISIRU L-​ĦBIEB T’ALLA

8. Il-​bnedmin midinbin għala għandhom bżonn jerġgħu jsiru l-​ħbieb t’Alla?

8 Jekk in-​nies ma jurux fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, Alla jqishom bħala għedewwa. Għalhekk, għandna r-​responsabbiltà li ngħidulhom li jistgħu jsiru l-​ħbieb t’Alla. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Min jeżerċita l-​fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-​Iben ma jarax il-​ħajja, imma l-​korla t’Alla tibqaʼ fuqu.” (Ġwanni 3:36) Nistgħu nkunu ferħanin li s-​sagrifiċċju taʼ Kristu jagħmilha possibbli biex insiru l-​ħbieb t’Alla. Pawlu ddeskrivieh b’dan il-​mod: “Lilkom li darba kontu mbegħdin u għedewwa għax moħħkom kien fuq għemejjel mill-​agħar, issa jerġaʼ jħabbibkom bil-​ġisem fiżiku taʼ dak il-​wieħed permezz taʼ mewtu.”—Kolossin 1:21, 22.

Għandna r-​responsabbiltà li ngħidu lin-​nies li jistgħu jsiru l-​ħbieb t’Alla

9, 10. (a) Kristu liema responsabbiltà ta lil ħutu l-​midlukin? (b) In-​“nagħaġ oħrajn” kif jgħinu l-​midlukin?

9 Kristu ta lil ħutu l-​midlukin fuq l-​art “il-​ministeru tar-​rikonċiljazzjoni.” Pawlu qalilhom: “Imma kollox hu minn Alla, li reġaʼ ħabbibna miegħu permezz taʼ Kristu u tana l-​ministeru tar-​rikonċiljazzjoni, jiġifieri, li permezz taʼ Kristu, Alla kien qed jerġaʼ jħabbeb lid-​dinja miegħu, billi m’għaddilhomx nuqqasijiethom, u fada f’idejna l-​kelma tar-​rikonċiljazzjoni. Għalhekk, aħna ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu, bħallikieku Alla qed jitlob bil-​ħrara permezz tagħna. Bħala sostituti għal Kristu nitolbu bil-​ħniena: ‘Erġgħu tħabbu m’Alla.’”—2 Korintin 5:18-​20.

10 Hu privileġġ għan-​“nagħaġ oħrajn” biex jgħinu l-​midlukin f’dan il-​ministeru. (Ġwanni 10:16) Bħala l-​“mibgħutin,” jew il-​messaġġiera taʼ Kristu, in-​“nagħaġ oħrajn” qed jagħmlu l-​biċċa l-​kbira mill-​ippritkar, jgħallmu lin-​nies il-​verità, u jgħinuhom ikollhom relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. Din tal-​aħħar hi parti importanti mill-​ippritkar tal-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.

GĦALLEM LIN-​NIES LI ALLA JISMAʼ T-​TALB

11, 12. Għala hi aħbar tajba għan-​nies li jitgħallmu li jistgħu jitolbu lil Ġeħova?

11 Ħafna nies jitolbu għax jgħinhom iħossuhom aħjar, imma ma jemmnux verament li Alla jismaʼ t-​talb tagħhom. Għandhom bżonn ikunu jafu li Ġeħova hu “Semmiegħ it-​talb.” Is-​salmista David  kiteb: “O Semmiegħ it-​talb, għandek jiġu n-​nies taʼ kull xorta. L-​iżbalji tiegħi għelbuni. In-​nuqqasijiet tagħna, int se tgħattihom.”—Salm 65:2, 3.

Meta ngħallmu lin-​nies kif jitolbu, inkunu qed ngħinuhom isiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova

12 Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, nagħmilha.” (Ġwanni 14:14) Dan ifisser li nistgħu nitolbu għal kwalunkwe ħaġa li hi fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova. Ġwanni kiteb: “Din hi l-​fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.” (1 Ġwanni 5:14) Kemm hu tajjeb li ngħinu lin-​nies jifhmu li t-​talb mhuwiex biss xi ħaġa li tgħinhom iħossuhom tajbin imma hu mod kif navviċinaw “it-​tron tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa” taʼ Ġeħova! (Ebrej 4:16) Meta ngħallmu lin-​nies kif għandhom jitolbu, lil Min għandhom jitolbu, u għal xiex għandhom jitolbu, inkunu qed ngħinuhom isiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova u biex isibu faraġ meta jkunu qed ibatu.—Salm 4:1; 145:18.

Il-​QALB TAJBA MHIX MISTĦOQQA FIS-​SISTEMA L-​ĠDIDA

13, 14. (a) Liema privileġġi meraviljużi se jkollhom il-​midlukin fil-​futur? (b) Liema xogħol rimarkevoli se jkunu qed jagħmlu l-​midlukin għall-​bnedmin?

13 Ġeħova se juri l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu saħansitra iktar “fis-​sistemi li ġejjin.” Kif? Alla se jagħti privileġġ tal-​għaġeb lill-​144,000, li se jmexxu maʼ Kristu fis-​sema. Pawlu spjega x’se jkun dan il-​privileġġ, meta kiteb: “Alla, li hu għani fil-​ħniena, għall-​imħabba kbira tiegħu li biha ħabbna, tana l-​ħajja flimkien mal-​Kristu, saħansitra meta konna mejtin fin-​nuqqasijiet—bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa kontu salvati—u qajjimna flimkien u poġġiena bil-​qiegħda flimkien fil-​postijiet tas-​sema f’unjoni maʼ Kristu Ġesù, sabiex fis-​sistemi li ġejjin jintwerew ir-​rikkezzi bla qjies tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu bil-​ħlewwa li jurina f’unjoni maʼ Kristu Ġesù.”—Efesin 2:4-​7.

14 Hu diffiċli biex timmaġina l-​affarijiet meraviljużi li Ġeħova ħejja għall-​Kristjani midlukin meta jsaltnu maʼ Kristu fis-​sema. (Luqa 22:28-​30; Filippin 3:20, 21; 1 Ġwanni 3:2) Ġeħova se juri “r-​rikkezzi bla qjies tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu” lilhom b’mod speċjali. Huma se jkunu “Ġerusalemm il-​ġdida,” l-​għarusa taʼ Kristu. (Rivelazzjoni 3:12; 17:14; 21:2, 9, 10) Se jaħdmu maʼ Ġesù “għall-​fejqan tal-​ġnus.” Se jgħinu lill-​bnedmin biex jinħelsu mit-​tagħbija tad-​dnub u l-​mewt u jgħinuhom isiru perfetti.—Aqra Rivelazzjoni 22:1, 2, 17.

15, 16. Ġeħova kif se juri l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu lejn in-​“nagħaġ oħrajn” fil-​futur?

15 Efesin 2:7 jgħid li Alla se juri l-​qalb tajba mhix mistħoqqa “fis-​sistemi li ġejjin.” F’dak iż-​żmien, kull min ikun  hawn fuq l-​art żgur li se jesperjenza “r-​rikkezzi bla qjies tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.” (Luqa 18:29, 30) Wieħed mill-​akbar modi kif Ġeħova se juri l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu fuq l-​art se jkun bl-​irxoxt tal-​bnedmin mill-​“Qabar.” (Ġob 14:13-​15; Ġwanni 5:28, 29) Min se jiġi rxoxtat? Nisa u rġiel leali li mietu qabel il-​mewt taʼ Kristu u dawk min-​“nagħaġ oħrajn” li jmutu leali lejn Ġeħova matul l-​aħħar jiem. Dawk l-​uħud leali kollha se jiġu lura għall-​ħajja biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova.

16 Miljuni taʼ bnedmin li mietu mingħajr ma kienu jafu lil Alla wkoll se jiġu rxoxtati. Ġwanni kiteb: “Rajt il-​mejtin, il-​kbar u ż-​żgħar, weqfin quddiem it-​tron, u nfetħu r-​rombli. U nfetaħ romblu ieħor, ir-​romblu tal-​ħajja. U l-​mejtin ġew ġudikati fuq dak li kien miktub fir-​rombli skond l-​għemejjel tagħhom. U l-​baħar radd il-​mejtin li kienu fih, u l-​mewt u l-​Qabar raddew il-​mejtin li kienu fihom, u ġew ġudikati individwalment skond l-​għemejjel tagħhom.” (Rivelazzjoni 20:12, 13) Dawk irxoxtati se jkollhom l-​opportunità li jitgħallmu dwar Ġeħova u jaċċettaw it-​tmexxija tiegħu. Se jkollhom jitgħallmu u japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja u l-​istruzzjonijiet ġodda li jinsabu “fir-​rombli.” Dawk l-​istruzzjonijiet ġodda se jkunu mod ieħor kif Ġeħova se juri l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.

 IBQAʼ PPRIETKA L-​AĦBAR TAJBA

17. X’għandna nżommu f’moħħna meta nkunu qed nippritkaw?

17 Hu iktar importanti minn qatt qabel li nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna, għax it-​tmiem hu fil-​qrib! (Marku 13:10) Għandna bżonn niftakru li l-​mira tagħna meta nippritkaw hi li nonoraw lil Ġeħova. Kif nistgħu nagħmlu dan? Għandna bżonn ngħidu lin-​nies li l-​barkiet kollha li se ngawdu fid-​dinja l-​ġdida huma possibbli biss permezz tal-​qalb tajba meraviljuża taʼ Ġeħova.

Aqdu b’żelu bħala “prokuraturi mill-aħjar tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.”—1 Pietru 4:10 (Ara paragrafi 17-19)

18, 19. Kif nistgħu nigglorifikaw il-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova?

18 Meta nippritkaw lin-​nies, nistgħu nispjegaw li meta s-​Saltna taʼ Kristu tkun qed tmexxi, il-​bnedmin se jirċievu l-​benefiċċji kollha tal-​fidwa u bil-​mod il-​mod se jsiru perfetti. Il-​Bibbja tgħid: “L-​istess ħolqien ukoll jinħeles mill-​jasar tat-​taħsir u jkollu l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21) Dan se jkun possibbli biss grazzi għall-​qalb tajba li tintwera b’mod ġeneruż minn Ġeħova.

19 Aħna għandna l-​privileġġ li ngħidu lin-​nies kollha dwar il-​wegħda mill-​isbaħ li nsibu f’​Rivelazzjoni 21:4, 5: “[Alla se] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” U Ġeħova, dak li hu bilqiegħda fuq it-​tron, jgħid: “Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.” Jgħid ukoll: “Ikteb, għax dan il-​kliem hu żgur u veru.” Meta nippritkaw b’żelu din l-​aħbar tajba lil oħrajn, tassew se nigglorifikaw il-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova!