Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | IS-SMEWWIET—MIN JGĦIX FIHOM?

Viżjonijiet taʼ dawk li jgħixu fis-​smewwiet inviżibbli

Viżjonijiet taʼ dawk li jgħixu fis-​smewwiet inviżibbli

Fil-​Bibbja nsibu diversi viżjonijiet affaxxinanti li jippermettulna, bħallikieku, nagħtu titwila lejn il-​qasam inviżibbli tas-​sema. Nistidnuk biex teżaminahom iktar bir-​reqqa. Għalkemm mhux kulma jiġi deskritt fil-​viżjonijiet għandu jittieħed letterali, dawn jistgħu jgħinuk mhux biss biex iġġib quddiem għajnejk lil dawk li jgħixu fis-​sema imma wkoll biex tifhem kif jistgħu jeffettwawk.

ĠEĦOVA HU L-​WIEĦED SUPREM

“Kien hemm tron f’postu fis-​sema, u fuq it-​tron kien hemm wieħed bil-​qiegħda. U d-​dehra taʼ dak li kien bil-​qiegħda kienet bħal ħaġra tad-​djaspru u ħaġra prezzjuża taʼ lewn aħmar, u madwar it-​tron kien hemm qawsalla li kienet tidher bħall-​iżmerald.”—Rivelazzjoni 4:2, 3.

“Hu kien imdawwar kollu bid-​dija. U kien hemm xi ħaġa qisha l-​qawsalla li tfiġġ fis-​sħab f’jum taʼ xita qawwija. Hekk kienet tidher id-​dija dawramejt. Kienet tixbah il-​glorja taʼ Ġeħova.”—Eżekjel 1:27, 28.

Dawn il-​viżjonijiet, li ngħataw lill-​appostlu Ġwanni u l-​profeta Eżekjel, jiddeskrivu l-​ġmiel tal-​Alla l-​Iktar Għoli, Ġeħova, b’affarijiet li nistgħu nġibu quddiem għajnejna b’mod faċli—ħaġar prezzjuż li jgħammex, qawsalla, u tron maestuż. Dawn jgħinuna nifhmu li l-​preżenza taʼ Ġeħova hi waħda tal-​għaġeb f’dak li hu ġmiel, sbuħija, u serenità.

Dawn id-​deskrizzjonijiet t’Alla jaqblu mal-​kliem tas-​salmista li kiteb: “Ġeħova hu kbir u jistħoqqlu kull tifħir. Iqanqal il-​biżaʼ iktar mill-​allat l-​oħrajn kollha. Għax l-​allat kollha tal-​popli huma allat bla siwi; imma Ġeħova għamel is-​smewwiet. Id-​dinjità u l-​glorja qegħdin quddiemu; is-​saħħa u s-​sbuħija qegħdin fis-​santwarju tiegħu.”—Salm 96:4-​6.

Għalkemm Ġeħova hu l-​Wieħed Suprem, hu jistidinna biex navviċinawh fit-​talb u jaċċertana li jismagħna. (Salm 65:2) Alla jħobbna u jimpurtah minna tant li l-​appostlu Ġwanni b’sinċerità setaʼ jikteb: “Alla hu mħabba.”—1 Ġwanni 4:8.

ĠESÙ QIEGĦED FUQ IL-​LEMINIJA T’ALLA

“[Id-​dixxiplu Kristjan Stiefnu] billi kien mimli bl-​ispirtu qaddis, ħares fiss lejn is-​sema u ra l-​glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-​leminija t’Alla u qal: ‘Ara! Qed nara s-​smewwiet miftuħin u Bin il-​bniedem fuq il-​leminija t’Alla.’”—Atti 7:55, 56.

Ftit qabel ma Stiefnu kellu din il-​viżjoni, Ġesù ngħata l-​mewt minħabba t-​tixwix tal-​istess nies li Stiefnu kien qed jindirizza—il-​mexxejja Lhud. Il-​viżjoni kkonfermat li Ġesù kien ħaj u li kien  ġie rxoxtat u onorat. Dwar dan, l-​appostlu Pawlu kiteb: “[Ġeħova] qajjem lill-​Kristu mill-​imwiet u qiegħdu bil-​qiegħda fil-​leminija tiegħu fil-​postijiet tas-​sema, ħafna iżjed ’il fuq minn kull gvern u awtorità u qawwa u ħakma u kull isem li jissemma, mhux biss f’din is-​sistema, imma wkoll f’dik li ġejja.”—Efesin 1:20, 21.

L-​Iskrittura minbarra li tiddeskrivi l-​pożizzjoni għolja taʼ Ġesù, turi wkoll li Ġesù, bħal Ġeħova, jimpurtah ħafna mill-​bnedmin. Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù fejjaq lill-​morda u qajjem lill-​mejtin. Permezz tal-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, hu wera l-​imħabba kbira tiegħu għal Alla u għall-​bnedmin. (Efesin 2:4, 5) Peress li qiegħed fuq il-​leminija t’Alla, Ġesù daqt se juża l-​awtorità u se jġib barkiet kbar għan-​nies ubbidjenti kollha.

L-​ANĠLI JAQDU LIL ALLA

Il-​profeta Danjel kiteb: “Bqajt inħares sakemm tqiegħdu tronijiet u x-​Xiħ fil-​Jiem [Ġeħova] qagħad bil-​qiegħda. . . . Kien hemm elf eluf li kienu jaqduh kontinwament, u għaxart elef għal għaxart elef darba li kienu weqfin quddiemu.”—Danjel 7:9, 10.

F’din il-​viżjoni tas-​sema, Danjel ma rax biss anġlu wieħed imma għadd kbir t’anġli. X’viżjoni tal-​għaġeb żgur kienet! L-​anġli huma persuni spirti glorjużi, intelliġenti, u b’saħħithom. Dawn jinkludu serafini u kerubini. Il-​Bibbja ssemmi l-​anġli iktar minn 250 darba.

L-​anġli mhumiex nies li qabel kienu jgħixu fuq l-​art. Alla ħalaq l-​anġli ħafna qabel ma ħalaq il-​bniedem. Meta Alla ħalaq l-​art, l-​anġli kienu preżenti biex josservaw u biex jgħajtu b’tifħir.—Ġob 38:4-​7.

Mod wieħed kif l-​anġli qed jaqdu lil Alla hu billi jkunu involuti fix-​xogħol l-​aktar importanti li qed isir fuq l-​art illum—jiġifieri li tixxandar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Is-​sehem tagħhom f’dan ix-​xogħol kien irrivelat f’viżjoni li ngħatat lill-​appostlu Ġwanni li kiteb: “Rajt anġlu ieħor itir f’nofs is-​sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil  dawk li jgħammru fuq l-​art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6) Għalkemm illum l-​anġli ma jitkellmux man-​nies bħalma għamlu xi drabi fil-​passat, huma jiggwidaw lil min iwassal l-​aħbar tajba għand in-​nies taʼ qalb onesta.

SATANA JQARRAQ B’MILJUNI

“Faqqgħet gwerra fis-​sema: Mikiel [Ġesù Kristu] u l-​anġli tiegħu tqabdu mad-​dragun, u d-​dragun u l-​anġli tiegħu tqabdu imma ma rebaħx, u ma kienx għad hemm post għalihom fis-​sema. Għalhekk, twaddab għal isfel id-​dragun il-​kbir, is-​serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-​art abitata kollha; twaddab ’l isfel lejn l-​art, u l-​anġli tiegħu twaddbu għal isfel miegħu.”—Rivelazzjoni 12:7-​9.

Fis-​sema mhux dejjem kien hemm il-​paċi. Fil-​bidu nett tal-​istorja umana, wieħed mill-​anġli, tant xtaq li jiġi meqjum li rribella kontra Ġeħova, hu sar Satana, jiġifieri “Wieħed li Jopponi.” Iktar tard, anġli oħrajn ingħaqdu fir-​ribelljoni u saru demonji. Peress li huma mill-​agħar, opponew bl-​aħrax lil Ġeħova u wasslu lill-​maġġorparti tan-​nies biex ma jobdux id-​direzzjoni kollha mħabba taʼ Ġeħova.

Satana u d-​demonji tiegħu huma mill-​agħar u krudili. Huma l-​għedewwa tal-​bniedem u għandhom sehem kbir f’li jikkaġunaw is-​sofferenzi li hawn fuq l-​art. Pereżempju, Satana qatel l-​annimali u l-​qaddejja taʼ Ġob, raġel leali. Imbagħad, qatel lill-​għaxart itfal taʼ Ġob billi bagħat “riħ qawwi” li waqqaʼ d-​dar li kienu fiha. Wara dan kollu, Satana laqat lil Ġob bi “msiemer li ma jfiqux minn qiegħ saqajh sal-​qorriegħa taʼ rasu.”—Ġob 1:7-​19; 2:7.

Però, Satana dalwaqt se jinqered. Minn mindu twaddab ’l isfel lejn l-​art, hu “jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:12) Satana se jisfaxxa fix-​xejn, u din żgur li hi aħbar tajba!

DAWK LI ĠEJJIN MILL-​ART

Ġesù ‘xtara għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien u poplu u ġens, u għamilhom saltna u qassisin għal Alla tagħna, u se jsaltnu għal fuq l-​art.’—Rivelazzjoni 5:9, 10.

Bħalma Ġesù ġie rxoxtat mill-​art għall-​ħajja fis-​sema, oħrajn ukoll se jiġu rxoxtati bl-​istess mod. Ġesù qal lill-​appostli leali tiegħu: “Sejjer inħejji post għalikom. U . . . nerġaʼ niġi u nilqagħkom id-​dar għandi, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.”—Ġwanni 14:2, 3.

 Dawk li jmorru s-​sema jmorru hemm għal skop. Flimkien maʼ Ġesù, dawn se jifformaw Saltna, jew gvern fis-​sema, u eventwalment se jmexxu fuq in-​nies kollha tal-​art u se jġibulhom barkiet. Din hi s-​Saltna li Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha fit-​talba mudell: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”—Mattew 6:9, 10.

DAWK LI JMORRU FIS-​SEMA X’SE JAGĦMLU?

L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Smajt leħen għoli ġej mit-​tron u qal: ‘Ara! It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, . . . u jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.’”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Din il-​viżjoni profetika tipponta lejn iż-​żmien meta s-​Saltna t’Alla, magħmula minn Ġesù u dawk irxoxtati mill-​art, se ġġib fit-​tmiem il-​ħakma taʼ Satana u tagħmel l-​art ġenna. L-​affarijiet li jikkaġunaw tant uġigħ u dwejjaq lill-​bnedmin mhux se jibqgħu jeżistu. Saħansitra l-​mewt mhix se tibqaʼ iżjed.

Imma xi ngħidu għal dawk il-​biljuni li mietu u li mhux se jiġu rxoxtati għas-​sema? Fil-​futur, se jingħataw lura l-​ħajja bil-​possibbiltà li jgħixu għal dejjem f’din l-​art magħmula Ġenna.—Luqa 23:43.

Dawn il-​viżjonijiet jaċċertawna li Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù Kristu, kif ukoll l-​anġli leali u dawk li nxtraw mill-​art, jimpurtahom ħafna minna u jixtiqulna l-​ġid. Biex titgħallem iktar dwar x’se jagħmlu, aħna nistidnuk biex tikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Ġeħova jew tmur fil-​Websajt tagħna, www.jw.org/mt, u tniżżel il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?