Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Lefèvre d’Étaples—Hu ried li n-​nies komuni jsiru jafu l-​Kelma t’Alla

Lefèvre d’Étaples—Hu ried li n-​nies komuni jsiru jafu l-​Kelma t’Alla

DARBA minnhom, il-​Ħadd filgħodu, fil-​bidu tas-​snin 20 tas-​seklu 16, l-​abitanti taʼ Meaux, belt żgħira qrib Pariġi, ma setgħux jemmnu lil widnejhom xħin kienu fil-​Knisja. Huma kienu qed jisimgħu l-​qari tal-​Evanġelji bil-​lingwa tagħhom stess—bil-​Franċiż minflok bil-​Latin!

It-​traduttur tal-​Bibbja li kien ħa din l-​inizjattiva, Jacques Lefèvre d’Étaples (bil-​Latin, Jacobus Faber Stapulensis), iktar tard kiteb lil ħabib tal-​qalb tiegħu: “Lanqas tistaʼ timmaġina kif Alla qed jgħin lil ħafna nies jifhmu l-​Kelma tiegħu.”

F’dak iż-​żmien, il-​Knisja Kattolika u t-​teologi f’Pariġi kienu jopponu li tiġi tradotta l-​Bibbja f’lingwi komuni. Allura x’qanqal lil Lefèvre biex jittraduċi l-​Bibbja bil-​Franċiż? U kif irnexxielu jgħin lin-​nies komuni jifhmu l-​Kelma t’Alla?

IFITTEX IT-​TIFSIR VERU TAL-​ISKRITTURA

Qabel ma sar traduttur tal-​Bibbja, Lefèvre iddedika ħajtu biex iġib lura t-​tifsir oriġinali taʼ xogħlijiet klassiċi tal-​filosofija u t-​teoloġija. Hu nnota li spiss inbidlet it-​tifsira oriġinali tagħhom minħabba sekli taʼ traduzzjonijiet li kien fihom żbalji u ideat ħżiena. Hekk kif kien qed ifittex it-​tifsir veru tal-​kitba tal-​qedem, hu beda jistudja bir-​reqqa l-​Bibbja li kienet qed tintuża mill-​Knisja Kattolika, il-​Vulgata Latina.

Il-​ħeġġa li kellu biex jistudja l-​Iskrittura wasslitu għall-​konklużjoni li l-​istudju tal-​verità divina biss iwassal lil dak li jkun biex ikun ferħan verament. Għalhekk, Lefèvre ma baqax jistudja l-​filosofija u minflok intefaʼ b’ruħu u b’ġismu jittraduċi l-​Bibbja.

Fl-​1509, Lefèvre ippubblika studju li kien iqabbel ħames verżjonijiet bil-​Latin tas-​Salmi, * inkluż il-​korrezzjoni tiegħu stess tal-​Vulgata. B’differenza minn teologi oħra taʼ żmienu, hu stinka biex isib mod naturali u sempliċi biex jittraduċi siltiet tal-​Bibbja. Il-​metodu tiegħu kif kien jinterpreta l-​Iskrittura kellu influwenza kbira fuq studjużi tal-​Bibbja u riformaturi oħrajn.—Ara l-​kaxxa “ Kif Martin Luteru ġie influwenzat minn Lefèvre.”

Lista taʼ titli li japplikaw għal Alla fis-Salmi, li qegħdin fil-Fivefold Psalter, 1513 Edition

Bħala Kattoliku, Lefèvre kien konvint li riforma fil-​knisja kienet biss possibbli jekk l-​Iskrittura tiġi mgħallma kif suppost lin-​nies komuni. Imma n-​nies komuni kif kienu se jibbenefikaw mill-​Iskrittura fi żmien meta dawn il-​kotba mqaddsa kienu fil-​biċċa l-​kbira bil-​Latin?

TRADUZZJONI TAL-​BIBBJA DISPONIBBLI GĦAL KULĦADD

L-introduzzjoni tal-Evanġelji kkonfermat ix-xewqa taʼ Lefèvre li jagħmel il-Bibbja disponibbli għal kulħadd bil-lingwa tiegħu

L-​imħabba kbira li Lefèvre kellu għall-​Kelma t’Alla kompliet issaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħu biex jagħmel l-​Iskrittura disponibbli għal kemm jistaʼ jkun nies. Biex jilħaq din il-​mira, f’Ġunju tal-​1523, hu ppubblika traduzzjoni tal-​Evanġelji bil-​Franċiż f’żewġ volumi żgħar. Dan id-​daqs—li kien jiswa nofs il-​prezz taʼ edizzjoni normali—għamilha iktar faċli għan-​nies taʼ ftit mezzi biex jiksbu kopja tal-​Bibbja.

 In-​nies komuni aġixxew mill-​ewwel u b’entużjażmu. In-​nies, kemm irġiel kif ukoll nisa, tant kellhom ħeġġa biex jaqraw dak li qal Ġesù bil-​lingwa tagħhom stess li l-​ewwel 1,200 kopja li ġew stampati spiċċaw wara biss ftit xhur.

WAQFA KURAĠĠUŻA GĦALL-​BIBBJA

Fl-​introduzzjoni tal-​Evanġelji, Lefèvre spjega li hu kien ittraduċiehom bil-​Franċiż sabiex “il-​membri komuni” tal-​knisja “jkunu ċerti mill-​verità tal-​evanġelji bħal dawk li jifhmu l-​evanġelji bil-​Latin.” Imma Lefèvre għala kellu daqstant ħeġġa biex jgħin lin-​nies komuni jsiru jafu x’tgħallem il-​Bibbja verament?

Lefèvre kien konxju tal-​ħsara li ħallew it-​tagħlim u l-​filosofija tal-​bniedem fuq il-​Knisja Kattolika. (Marku 7:7; Kolossin 2:8) U hu kien konvint li kien wasal iż-​żmien biex l-​Evanġelji “jiġu mxandra b’mod ċar madwar id-​dinja sabiex in-​nies ma jibqgħux jiġu żvijati minn duttrini tal-​bniedem.”

Lefèvre stinka wkoll biex joħroġ fil-​beraħ ir-​raġunament żbaljat taʼ dawk li kienu jopponu t-​traduzzjoni tal-​Bibbja bil-​Franċiż. Hu kixef l-​ipokresija tagħhom quddiem kulħadd billi qal: “Kif se jgħallmu [lin-​nies] biex josservaw dak kollu li qal Ġesù Kristu jekk lanqas biss huma lesti li jħallu lin-​nies komuni jaraw u jaqraw l-​Evanġelji t’Alla bil-​lingwa tagħhom stess?”—Rumani 10:14.

 Mhux taʼ b’xejn li t-​teologi tal-​Università taʼ Pariġi—is-​Sorbonne—malajr ipprovaw isikktu lil Lefèvre. F’Awwissu tal-​1523, huma oġġezzjonaw għat-​traduzzjonijiet u l-​ispjegazzjonijiet bil-​lingwi komuni tal-​Bibbja u kkunsidrawhom bħala li huma taʼ “ħsara għall-​Knisja.” Li ma kienx għall-​intervent tar-​re Franċiż, Francis I, Lefèvre kieku kien jiġi kkundannat bħala eretiku, jew bħala wieħed li jaħdem kontra l-​Knisja.

IT-​TRADUTTUR “SIEKET” LESTA XOGĦLU

Lefèvre ma ħalliex dibattiti jaħarqu dwar xogħlu jaljenawh milli jittraduċi l-​Bibbja. Fl-​1524, wara li lesta t-​traduzzjoni tal-​Iskrittura Griega (l-​hekk imsejjaħ it-​Testment il-​Ġdid), hu ppubblika traduzzjoni tas-​Salmi bil-​Franċiż sabiex dawk li jemmnu jkunu jistgħu jitolbu “b’iktar devozzjoni u iktar mill-​qalb.”

It-​teologi tas-​Sorbonne immedjatament bdew jeżaminaw bir-​reqqa t-​traduzzjoni taʼ Lefèvre. Minnufih huma ordnaw biex it-​traduzzjoni tiegħu tal-​Iskrittura Griega tiġi maħruqa fil-​pubbliku, u huma kkritikaw bl-​aħrax xi kitbiet oħrajn li kienu “jiffavorixxu l-​ereżija taʼ Luteru.” Meta t-​teologi sejħulu biex jagħti spjegazzjoni, Lefèvre iddeċieda li jibqaʼ “sieket” u ħarab lejn Strasburgu. Imbagħad, b’mod diskret kompla jittraduċi l-​Bibbja. Minkejja li xi wħud ikkunsidraw il-​waqfa tiegħu bħala li ma kinitx kuraġġuża, hu kien jemmen li dan kien l-​aħjar mod kif iwieġeb lil dawk li ma kinux japprezzaw il-​“perli” prezzjużi tal-​verità tal-​Bibbja.—Mattew 7:6.

Kważi sena wara li ħarab, ir-​Re Francis I ħatar lil Lefèvre bħala l-​għalliem tat-​tifel tiegħu t’erbaʼ snin, Charles. B’dan l-​inkarigu, Lefèvre kellu ħafna ħin biex ilesti t-​traduzzjoni tiegħu tal-​Bibbja. Fl-​1530, it-​traduzzjoni tiegħu tal-​Bibbja sħiħa ġiet stampata barra minn Franza, f’Antwerp, fil-​Belġju, bl-​approvazzjoni tal-​Imperatur Karlu V. *

TAMIET KBAR U L-​AĦĦAR DISPJAĊIRI

Matul ħajtu, Lefèvre ittama li l-​knisja titlaq it-​tradizzjonijiet tal-​bniedem u terġaʼ lura għall-​għarfien veru tal-​Iskrittura. Hu kien jemmen b’qalbu kollha li “kull Kristjan għandu d-​dritt, anzi għandu d-​dmir, li jaqra u jitgħallem il-​Bibbja persunalment.” U kien għalhekk li ħadem tant iebes biex jagħmel il-​Bibbja disponibbli għal kulħadd. Minkejja li x-​xewqa tiegħu li jara l-​knisja tikkoreġi t-​tagħlim tagħha ma seħħx, ħadd ma jistaʼ jiċħad dak li wettaq Lefèvre—hu għen lin-​nies komuni jsiru jafu l-​Kelma t’Alla.

^ par. 8 Il-​Fivefold Psalter kien fih ħames verżjonijiet tas-​Salmi f’kolonni separati u inkluda lista taʼ titli li japplikaw għal Alla, inkluż it-​Tetragrammaton, l-​erbaʼ ittri Ebrajċi li jirrappreżentaw l-​isem t’Alla.

^ par. 21 Ħames snin wara, fl-​1535, it-​traduttur Franċiż Olivétan stampa t-​traduzzjoni tiegħu tal-​Bibbja li kienet ibbażata fuq il-​lingwi oriġinali. Hu straħ ħafna fuq ix-​xogħlijiet taʼ Lefèvre meta kien qed jittraduċi l-​Iskrittura Griega.