“Staqsi, jekk jogħġbok, . . . lill-​ħlejjaq bil-​ġwienaħ tas-​smewwiet, u jgħidulek. Min fost dawn kollha ma jafx tajjeb li id Ġeħova għamlitu dan?”—Ġob 12:7, 9.

IKTAR minn 3,000 sena ilu, il-​patrijarka tal-​qedem Ġob irrealizza li l-​għasafar tas-​sema jistgħu jgħallmuna ħafna dwar ix-​xogħol t’Alla. Imma l-​karatteristiki partikulari tagħhom jagħmluhom ukoll suġġetti ideali biex jintużaw fit-​tixbihat u l-​metafori. Fil-​Bibbja, ħafna mir-​referenzi għall-​għasafar tas-​sema jgħallmuna lezzjonijiet importanti dwar il-​ħajja u r-​relazzjoni tagħna m’Alla. Ejja naraw ftit eżempji.

FEJN JAGĦMEL IL-​BEJTA L-​ĦUTTAF

Ħuttafa

Dawk li kienu joqogħdu Ġerusalemm kienu familjari mal-​ħuttaf, li normalment jagħmlu l-​bejtiet tagħhom taħt ix-​xifer tal-​bjut tal-​bini. Xi ftit minnhom kienu jagħmlu l-​bejta fit-​tempju taʼ Salamun. X’aktarx li l-​ħuttaf li kull sena kien jagħmel il-​bejta fit-​tempju kien isibu bħala post taʼ sigurtà fejn setaʼ jrabbi ċ-​ċkejknin tiegħu bla tfixkil.

Il-​kompożitur taʼ Salm 84—wieħed minn ulied Koraħ, li kien jaqdi fit-​tempju ġimgħa kull sitt xhur—innota dawn il-​bejtiet fit-​tempju. Hu xtaq ikun bħall-​ħuttaf li kellu dar permanenti fid-​dar taʼ Ġeħova. Hu qal: “Kemm hu sabiħ it-​tabernaklu grandjuż tiegħek, O Ġeħova taʼ l-​armati! Ruħi xxennqet u nfniet għall-​btieħi taʼ Ġeħova . . . Anki l-​għasfur sab dar, u l-​ħuttafa sabet bejta għaliha, fejn poġġiet iż-​żgħar tagħha—l-​artal grandjuż tiegħek, O Ġeħova taʼ l-​armati, Sultan tiegħi u Alla tiegħi!” (Salm 84:1-​3) Qegħdin aħna, flimkien maċ-​ċkejknin tagħna, nuru li għandna xewqa u apprezzament simili biex inkunu b’mod regulari fejn jiltaqaʼ l-​poplu t’Alla?—Salm 26:8, 12.

IĊ-​ĊIKONJA TAF META JKUN ŻMIENHA

“Iċ-​ċikonja fis-​smewwiet taf meta jkun żmienha,” kiteb il-​profeta Ġeremija. Hu żgur li kien konxju taċ-​ċikonji li jpassu minn fuq l-​Art Imwiegħda. Fir-​rebbiegħa, jingħad li jpassu iktar minn 300,000 ċikonja bajda mill-​Afrika għall-​pajjiżi fl-​Ewropa. Huma u jpassu jgħaddu minn fuq il-​Wied tal-​Ġordan. L-​arloġġ bijoloġiku tagħhom iġegħelhom imorru lura għall-​post fejn ibejtu fis-​sajf. Bħall-​għasafar l-​oħra li jpassu, huma jafu ż-​żmien meta għandhom imorru lura.—Ġeremija 8:7.

“Il-​meravilja vera tal-​għasafar tal-​passa hi l-​istint tagħhom,” jgħid Collins Atlas of Bird Migration. Filwaqt li Alla Ġeħova ta lill-​għasafar tal-​passa l-​istint, lill-​bniedem tah l-​abbiltà li jagħraf iż-​żminijiet u l-​istaġuni. (Luqa 12:54-​56) B’differenza għall-​istint taċ-​ċikonja, l-​għarfien dwar Alla hu s-​sigriet biex il-​bniedem jagħraf is-​sinifikat tal-​ġrajjiet li qed ngħixu fihom. L-​Iżraelin taʼ żmien Ġeremija għalqu għajnejhom għal sinjali  bħal dawn. Alla spjega l-​problema li kien hemm billi qal: “Huma ċaħdu kelmet Ġeħova, u issa x’għerf għandhom?”—Ġeremija 8:9.

Illum għandna bosta evidenza li turi li qed ngħixu f’dawk li l-​Bibbja ssejħilhom “l-​aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1-​5) Se timita int liċ-​ċikonja u tinduna biż-​żmien?

L-​AJKLA TARA FIL-​BOGĦOD

Ajkla

L-​ajkla tissemma kemm-​il darba fil-​Bibbja, u hu komuni li tara dan it-​tajr fl-​Art Imwiegħda. Mill-​bejta tagħha li tkun fl-​għoli fl-​irdum, l-​ajkla “tfittex l-​ikel; fil-​bogħod jibqgħu jħarsu għajnejha.” (Ġob 39:27-​29) Tant hi tajba l-​vista tagħha li jingħad li l-​ajkla tistaʼ tara fenek li jkun kilometru ’l bogħod!

Bħalma l-​ajkla tistaʼ tara fil-​bogħod, Ġeħova jistaʼ jara x’se jiġri fil-​futur. Infatti, Alla Ġeħova ddikjara: “Mill-​bidu ngħid it-​tmiem, u minn żmien twil ilu l-​affarijiet li ma sarux.” (Isaija 46:10) Billi nagħtu kas il-​pariri taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nibbenefikaw mill-​għerf u l-​abbiltà li jaf x’se jiġri fil-​futur. Dawn ma jistgħu jitqabblu maʼ xejn.—Isaija 48:17, 18.

Ukoll, il-​Bibbja tqabbel lil dawk li jafdaw f’Alla mal-​ajkli: “Dawk li jittamaw f’Ġeħova se jiksbu l-​qawwa mill-​ġdid. Se jogħlew bil-​ġwienaħ bħall-​ajkli.” (Isaija 40:31) Ajkla togħla ’l fuq billi tuża termali, li huma kolonni li fihom kurrent tielaʼ t’arja sħuna. Meta l-​ajkla ssib wieħed minn dawn it-​termali, hi tiftaħ ġwinħajha u tibda ddur ġol-​kolonna tal-​arja, u b’hekk dejjem togħla iktar u iktar ’il fuq. L-​ajkla ma tiddependix fuq is-​saħħa tagħha stess biex togħla ’l fuq u biex ittir distanzi twal mingħajr tbatija. Bl-​istess mod, dawk li jafdaw f’Ġeħova jistgħu jfittxu lilu bħala l-​wieħed li jwiegħed li jagħtihom “il-​qawwa iktar min-​normal.”—2 Korintin 4:7, 8.

“KIF QROQQA TIĠBOR IL-​FLIELES”

Qroqqa u flieles

Ftit jiem qabel mewtu, Ġesù waqaf u ħares lejn il-​belt kapitali Lhudija. Hu qal: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-​qattiela tal-​profeti u l-​ħaġġara taʼ dawk li ntbagħtulha! Kemm-​il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien, kif qroqqa tiġbor il-​flieles tagħha taħt ġwinħajha! Imma intom dan ma ridtuhx.”—Mattew 23:37.

Istint qawwi li jispikka fost l-​għasafar hu x-​xewqa li jkollhom biex jipproteġu liċ-​ċkejknin tagħhom. It-​tjur li jbejtu mal-​art, bħat-​tiġieġ, iridu joqogħdu b’sebaʼ għajnejn għall-​periklu. Jekk it-​tiġieġa tinduna li hemm seqer idur fl-​ajru, hi tibda tqaqi b’ħoss għoli bħala twissija u l-​flieles minnufih imorru jiġru taħt ġwinħajha għas-​sigurtà. Hemmhekk il-​flieles żgħar jistgħu wkoll isibu kenn mis-​sħana taħraq tax-​xemx u minn xita qalila. Bl-​istess mod, Ġesù ried jagħti lill-​abitanti taʼ Ġerusalemm kenn u protezzjoni spiritwali. Illum, Ġesù jistidinna mmorru għandu biex insibu serħan u protezzjoni mid-​diffikultajiet u l-​ansjetajiet tal-​ħajja taʼ kuljum.—Mattew 11:28, 29.

Hu minnu li hemm ħafna x’nitgħallmu minn dawn il-​ħlejjaq bil-​ġwienaħ. Hekk kif tosservahom, ipprova ftakar fil-​metafori li titkellem dwarhom il-​Bibbja. Jalla l-​ħuttaf jgħinek tapprezza d-​dar taʼ qima taʼ Ġeħova. Jalla titlob lil Alla biex jagħtik il-​qawwa li tippermettilek tittajjar fl-​għoli bħall-​ajkla. Jalla tmur għand Ġesù għall-​verità spiritwali li tipproteġik bħalma qroqqa tipproteġi l-​flieles tagħha. U jalla ċ-​ċikonja tfakkrek biex tibqaʼ attent għas-​sinifikat tal-​ġrajjiet tad-​dinja li jimmarkaw żmienna.