“Taf kemm għandi żmien?” jien staqsejt. “Naf eżatt kemm għandek żmien,” wieġeb Izak Marais. Hu ċempilli f’Colorado minn Patterson, New York. Ħa nispjega x’wassal għal din il-konversazzjoni.

TWELIDT f’Wichita, Kansas, l-Istati Uniti tal-Amerika, fl-10 taʼ Diċembru 1936, u kont l-ikbar minn erbat itfal. Il-ġenituri tiegħi, William u Jean, kienu qaddejja leali taʼ Ġeħova. Missieri kien il-qaddej tal-kongregazzjoni, li llum jissejjaħ il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani. Ommi tgħallmet il-verità mingħand ommha, Emma Wagner. Emma għallmet il-verità lil ħafna nies, inkluż lil Gertrude Steele, li qdiet bħala missjunarja fi Puerto Rico. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Allura kelli ħafna eżempji tajbin x’nimita.

NIFTAKAR F’EŻEMPJI TAJBIN

Missieri joffri r-rivisti f’kantuniera fit-triq

Darba minnhom is-Sibt filgħaxija meta kelli ħames snin, jien u missieri konna qed noffru r-rivisti tat-Torri tal-Għassa u Consolation (issa msejjaħ Stenbaħ!) lin-nies li kienu għaddejjin fit-triq. Dak iż-żmien, il-pajjiż kien involut ħafna fit-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, missieri baqaʼ newtrali. Tabib li kien fis-sakra ġie u akkużah li hu beżżiegħ u li jġib l-iskużi biex ma jmurx għall-gwerra. It-tabib għamel wiċċu viċin ħafna taʼ wiċċ missieri u qallu, “Għala ma tilgħabhilix, ja beżżiegħ bla ħila!” Jien bżajt, imma vera ammirajt lil missieri. Hu sempliċement kompla joffri r-rivisti lin-nies li kienu qed iħarsu.  Imbagħad għadda suldat u t-tabib għajjat, “Għidlu xi ħaġa lil dan il-beżżiegħ bla ħila!” Is-suldat setaʼ jinduna li r-raġel kien fis-sakra, u qallu, “Għax ma tmurx id-dar ħa tiġi f’sensik!” It-tnejn telqu. Jien verament grat għall-kuraġġ li Ġeħova ta lil missieri. Hu kellu żewġt iħwienet tal-barbier f’Wichita, u t-tabib kien wieħed mill-klijenti tiegħu!

Mal-ġenituri tiegħi, sejrin konvenzjoni f’Wichita fis-snin 40

Meta kelli tmien snin, il-ġenituri tiegħi biegħu d-dar u l-ħwienet tagħhom u għamlu karavan żgħir biex jgħixu fih. Imbagħad morna noqogħdu Colorado, viċin Grand Junction biex naqdu fejn il-bżonn taʼ pubblikaturi kien akbar. Il-ġenituri kienu pijunieri u ħadmu part-time fil-biedja u rziezet kbar. Bil-barka taʼ Ġeħova u x-xogħol biż-żelu tagħhom, ifformat kongregazzjoni. Fl-20 taʼ Ġunju 1948, missieri għammidni fi xmara żgħira ħdejn il-muntanji, flimkien maʼ oħrajn li kienu aċċettaw il-verità, inkluż Billie Nichols u l-mara tiegħu. Iktar tard huma marru fix-xogħol tal-ivvjaġġar, u hekk ukoll għamlu ibnu u martu.

Konna ħbieb sew maʼ ħafna li kienu medhijin fis-servizz taʼ Ġeħova, speċjalment mal-familja Steele—Don u Earlene, Dave u Julia, u Si u Martha. Aħna konna nieħdu pjaċir niddiskutu l-Bibbja magħhom, u huma influwenzawli ħajti ħafna. Urewni li meta nġibu s-Saltna l-ewwel, il-ħajja tagħna jkollha sinifikat u ferħ veru.

NERĠAʼ MMUR POST IEĦOR

Meta kelli 19-il sena, Bud Hasty, li kien ħabib tal-familja, talabni nakkumpanjah bħala pijunier fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti. L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet talabna mmorru Ruston, Louisiana, fejn xi ftit mill-aħwa kienu saru inattivi. Hu qalilna nikkonduċu l-laqgħat kollha kull ġimgħa anki jekk ma jiġi ħadd. Sibna post għal-laqgħa u rranġajnieh. Konna nagħmlu kull laqgħa, imma għal xi żmien, aħna t-tnejn biss konna nattendu. Konna nippreżentaw parti tal-laqgħa kull wieħed, waqt li l-ieħor kien iwieġeb il-mistoqsijiet kollha. Jekk il-parti kienet tinkludi turija, it-tnejn li aħna konna nkunu fuq il-platform mingħajr udjenza! Fl-aħħar, oħt akbar fl-età bdiet tattendi. Eventwalment, bdew jiġu xi studenti tal-Bibbja u wħud inattivi, u malajr sirna kongregazzjoni.

Ġurnata minnhom, jien u Bud iltqajna maʼ qassis miċ-Church of Christ, u tkellem dwar skritturi li ma kontx naf bihom. Dan inkwetani u ġegħelni naħseb iktar fil-fond dwar dak li kont nemmen. Għamilt ġimgħa sħiħa nistudja sa tard billejl biex insib tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħu. Dan vera għenni nsaħħaħ ir-relazzjoni tiegħi stess maʼ Ġeħova, u kont ħerqan biex niltaqaʼ maʼ qassis ieħor.

Ftit wara dan, indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet talabni mmur El Dorado, Arkansas, biex ngħin lill-kongregazzjoni. Waqt li kont hemm, kemm-il darba kelli mmur lura Colorado biex nidher quddiem id-draft board, kumitat li jiddeċiedi min għandu jidħol fil-militar. Fi vjaġġ minnhom, jien u xi pijunieri oħra konna qed nivvjaġġaw flimkien. Kellna aċċident f’Texas u l-karozza tiegħi tkissret kompletament. Ċempilna lil ħu. Dan ġie, ħadna d-dar tiegħu, u mbagħad il-laqgħa. Hemmhekk sar avviż dwar l-aċċident tagħna, u l-aħwa b’qalb tajba tawna xi flus. Ukoll, il-ħu biegħli l-karozza għal 25 dollaru.

Irnexxielna niddobbaw rikba għal Wichita. Hemmhekk ħabib kbir tal-familja, E. F. McCartney, li aħna konna ngħidulu Doc, kien qed jagħmel ix-xogħol taʼ pijunier. It-tewmin subien tiegħu, Frank u Francis, għadhom tnejn mill-aqwa ħbieb tiegħi.  Huma kellhom karozza antika li bigħuli għal 25 dollaru, l-ammont eżatt li daħħalt mill-karozza mfarrka tiegħi. Din kienet l-ewwel darba li rajt biċ-ċar li minħabba li poġġejt is-Saltna l-ewwel f’ħajti, Ġeħova tani xi ħaġa li kelli bżonn. F’din iż-żjara, l-aħwa McCartney laqqgħuni maʼ oħt grazzjuża, Bethel Crane. Ommha, Ruth, Xhud żeluża f’Wellington, Kansas, kompliet bħala pijuniera sa meta kellha ’l fuq minn 90 sena. F’inqas minn sena wara, fl-1958, jien u Bethel iżżewwiġna u bdejna naqdu bħala pijunieri f’El Dorado.

STEDINIET EĊĊITANTI

Aħna ridna nimitaw l-eżempji tajbin li kellna aħna u nikbru, allura ddeċidejna li naċċettaw kwalunkwe stedina mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Aħna ġejna assenjati bħala pijunieri speċjali f’Walnut Ridge, Arkansas. Imbagħad fl-1962, konna eċċitati meta ġejna mistidnin għas-37 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad. Konna ferħanin meta sirna nafu li Don Steele kien fl-istess klassi. Wara li ggradwajna, jien u Bethel ġejna assenjati għal Najrobi, il-Kenja. Sewwidna qalbna li kellna nitilqu minn New York, imma meta wasalna l-ajruport taʼ Najrobi u rajna li ħutna kienu hemm biex jilqgħuna mtlejna bil-ferħ.

Fil-ministeru f’Najrobi maʼ Mary u Chris Kanaiya

Ma damx ma beda jogħġobna li nkunu l-Kenja u li nippritkaw hemmhekk. L-ewwel studenti tal-Bibbja tagħna li ġew fil-verità kienu Chris u Mary Kanaiya. Huma għadhom fis-servizz full-time fil-Kenja. Is-sena taʼ wara ġejna mitlubin immorru Kampala, l-Uganda. Konna l-ewwel missjunarji f’dak il-pajjiż. Dan kien żmien eċċitanti għax ħafna kienu ħerqanin biex jitgħallmu veritajiet tal-Bibbja, u saru ħutna rġiel u nisa. Madankollu, wara tliet snin u nofs fl-Afrika, erġajna morna l-Istati Uniti biex inrabbu familja. Dakinhar li tlaqna mill-Afrika konna mnikktin iżjed minn dakinhar li tlaqna minn New York. Ħabbejniehom lin-nies tal-Afrika u ttamajna li xi darba nerġgħu mmorru lura.

 INKARIGU ĠDID

Morna noqogħdu fil-Punent taʼ Colorado, fejn kienu joqogħdu l-ġenituri tiegħi. Ftit wara twilditilna l-ewwel tifla, Kimberly, u 17-il xahar wara kellna lil Stephany. L-inkarigu ġdid tagħna bħala ġenituri kien importanti ħafna għalina. Stinkajna biex ngħallmu l-verità lill-bniet sbieħ tagħna. Ridna nimitaw l-eżempji tajbin li oħrajn kienu tawna. Konna nafu li eżempju tajjeb jistaʼ jinfluwenza ħafna lit-tfal, imma mhuwiex garanzija li se jaqdu lil Ġeħova meta jikbru. B’dispjaċir, ħija u oħti iżgħar minni telqu mill-verità. Nittama li jerġgħu jimitaw l-eżempji tajbin li anki huma kellhom.

Vera ħadna pjaċir inrabbu l-bniet tagħna u dejjem ipprovajna nagħmlu l-affarijiet bħala familja. Ladarba konna noqogħdu ħdejn Aspen, Colorado, tgħallimna niskijjaw biex kultant stajna mmorru niskijjaw flimkien. Dan tana opportunità biex nitkellmu mat-tfal fil-liftijiet tal-iskijjar. Ukoll, konna mmorru nikkampjaw magħhom u kien ikollna konversazzjonijiet pjaċevoli madwar ħuġġieġa żgħira. Avolja kienu għadhom żgħar, kienu jistaqsu mistoqsijiet bħal, “X’se nagħmel meta nikber?” u “X’tip taʼ persuna nixtieq niżżewweġ?” Għamilna dak kollu li stajna biex ngħallmu lit-tfal iħobbu lil Ġeħova. Dejjem inkuraġġejniehom biex jagħmlu l-ministeru full-time bħala mira u biex jiżżewġu biss lil xi ħadd li kellu mira simili. Ukoll, ipprovajna ngħinuhom jifhmu li jkun aħjar jekk ma jiżżewġux żgħar ħafna. Spiss konna ngħidulhom, “Tiżżewġux qabel ikollkom minn tal-inqas 23 sena.”

Imitajna l-eżempju tal-ġenituri tagħna u għamilna l-almu tagħna biex nattendu l-laqgħat u noħorġu regolarment fis-servizz tal-għalqa bħala familja. Konna nirranġaw biex inżommu lil xi wħud li kienu fis-servizz full-time fid-dar tagħna. Ukoll, spiss konna nitkellmu dwar kemm konna nħobbu x-xogħol missjunarju. Ittamajna li xi darba l-erbgħa li aħna forsi mmorru l-Afrika flimkien. Il-bniet tagħna verament riedu jagħmlu dan.

Dejjem kellna studju tal-familja regulari. Konna nirreċtaw sitwazzjonijiet li setgħu jiġru fl-iskola, u t-tfal kienu jagħmluha taʼ Xhud li jwieġeb il-mistoqsijiet. Ħadu pjaċir jitgħallmu b’dan il-mod, u b’hekk saru kunfidenti. Iżda, hekk kif kibru, ġieli gergru dwar li nagħmlu l-istudju tal-familja. Darba, tant kont skuraġġit li għedtilhom imorru f’kamrithom u li ma konniex se nagħmlu l-istudju. Kienu xxokkjati u bdew jibku u qalu li riedu jagħmluh l-istudju. Imbagħad bdejna nirrealizzaw li tassew konna qed ngħinuhom biex jieħdu pjaċir jitgħallmu dwar Ġeħova. Maż-żmien, kienu jħobbu jistudjaw, u ħassewhom komdi jgħidulna l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. Kien taʼ wġigħ kultant li  nisimgħuhom jgħidu li ma jaqblux maʼ xi tagħlim tal-Bibbja. Imma sirna nafu kif ħassewhom verament. Wara li nirraġunaw magħhom, huma kienu jaqblu mal-livelli taʼ Ġeħova.

NAĠĠUSTAW GĦAL IKTAR BIDLIET

Iż-żmien li qattajna nrabbu lil uliedna għadda malajr ħafna. Bl-għajnuna u d-direzzjoni tal-organizzazzjoni t’Alla, għamilna mill-aħjar biex intellgħuhom iħobbu lil Ġeħova. Konna grati ferm meta ż-żewġt ibniet tagħna bdew jaqdu bħala pijunieri wara li spiċċaw l-iskola sekondarja, u tgħallmu snajjaʼ biex ikunu jistgħu jgħinu lilhom infushom finanzjarjament. Huma marru jgħixu Cleveland, Tennessee, maʼ żewġ aħwa nisa oħra biex jaqdu fejn il-bżonn għall-pubblikaturi kien akbar. Aħna mmissjajniehom ħafna, imma konna kuntenti li kienu qed jużaw ħajjithom fis-servizz full-time. Jien u Bethel imbagħad erġajna bdejna naqdu bħala pijunieri, u għalhekk iktar tard kellna l-opportunità li nkunu sostituti għall-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u nagħmlu xogħol tal-konvenzjoni.

Qabel ma t-tfal marru Tennessee, huma vvjaġġaw lejn Londra, l-Ingilterra, u żaru l-uffiċċju tal-fergħa. Hemmhekk, Stephany, li dak iż-żmien kellha 19-il sena, iltaqgħet maʼ Betelit jismu Paul Norton. Fi żjara iktar tard, Kimberly ltaqgħet maʼ ħabib li kien jaħdem miegħu, Brian Llewellyn. Meta Stephany kellha 23 sena żżewġet lil Paul u s-sena taʼ wara, meta Kimberly kellha 25 sena, iżżewġet lil Brian. Mela fil-fatt baqgħu ma żżewġux sa ma kellhom għall-inqas 23. Konna vera kuntenti bl-irġiel li għażlu biex jiżżewġu.

Maʼ Paul, Stephany, Kimberly, u Brian fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Malawi fis-sena 2002

Il-bniet qalulna li l-eżempji li aħna u n-nanniet tajniehom għenuhom biex ‘jibqgħu jfittxu l-ewwel is-saltna t’Alla,’ anki meta kellhom problemi finanzjarji. (Mattew 6:33) F’April tal-1998, Paul u Stephany ġew mistiedna għall-105 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad, u ġew assenjati jaqdu fil-Malawi, l-Afrika. Fl-istess żmien, Brian u Kimberly ġew mistiedna jaħdmu fil-Betel taʼ Londra u iktar tard ġew trasferiti għall-Betel tal-Malawi. Konna verament ferħanin għax uliedna kienu qed jużaw ħajjithom bl-aħjar mod.

STEDINA EĊĊITANTI OĦRA

F’Jannar tal-2001, irċivejt it-telefonata li semmejt fil-bidu. Ħuna Marais, l-indokratur tad-Dipartiment tas-Servizzi tat-Traduzzjoni, spjega li l-aħwa rġiel kienu qed jippreparaw kors li kien se jgħin lit-tradutturi madwar id-dinja jifhmu aħjar it-test bl-Ingliż. Għalkemm kelli 64 sena, huma riedu jħarrġuni biex inkun wieħed mill-għalliema. Jien u Bethel tlabna dwarha u tkellimna m’ommijietna biex nieħdu l-parir tagħhom. Minkejja li kienu kbar fl-età u kienu se jkunu mingħajr l-għajnuna tagħna, it-tnejn riduna mmorru. Ċempilt lura lil Ħuna Marais u għedtlu li konna ferħanin ħafna li naċċettaw dan l-inkarigu meraviljuż.

Imbagħad ommi saret taf li kellha kanċer. Għedtilha li konna se nibqgħu hemm u ngħinu lil oħti Linda biex tieħu ħsiebha. Ommi rrifjutat u qalet, “Inħossni agħar kieku ma tmurx.” Linda ħassitha l-istess. Aħna konna grati ferm li huma kienu lesti jagħmlu sagrifiċċju bħal dan, u konna grati wkoll għall-għajnuna tal-aħwa f’dawk l-inħawi. L-għada, meta tlaqna għall-Watchtower Educational Center f’Patterson, Linda ċemplet biex tgħidilna li ommi kienet mietet. Bħalma kieku ommi kienet tinkuraġġina nagħmlu, aħna bqajna medhijin fix-xogħol ġdid tagħna.

Konna eċċitati meta sirna nafu li l-ewwel  inkarigu kien fil-fergħa tal-Malawi, fejn uliedna u l-irġiel tagħhom kienu qed jaqdu. Kien sabiħ li għal darb’oħra konna flimkien. Imbagħad, għallimna l-kors fiż-Żimbabwe u mbagħad fiz-Zambja. Wara tliet snin u nofs ngħallem il-kors, erġajna lura l-Malawi biex niktbu l-esperjenzi tax-Xhieda li kienu ġew persegwitati hemmhekk minħabba n-newtralità Kristjana tagħhom. *—Ara n-nota taʼ taħt.

Fil-ministeru tal-għalqa man-neputijiet

Fl-2005, għal darb’oħra ddispjaċiena ħafna li kellna nitilqu mill-Afrika. Erġajna lura d-dar f’Basalt, Colorado, fejn jien u Bethel komplejna naqdu bħala pijunieri. Fl-2006, Brian u Kimberly ġew joqogħdu ħdejna biex irabbu lil uliedhom bniet Mackenzie u Elizabeth. Paul u Stephany għadhom fil-Malawi fejn Paul jaqdi fil-Kumitat tal-Fergħa. Issa jien dieħel fit-80 sena, u nħossni verament kuntent li nara rġiel iżgħar li ħdimt magħhom jieħdu ħsieb responsabbiltajiet li kelli jien. Għall-benefiċċju tat-tfal u n-neputijiet tagħna, ipprovajna nimitaw l-eżempji tajbin li tawna oħrajn. Dan verament ġabilna ferħ kbir u kuntentizza.

^ par. 5 Ara r-rivisti bl-Ingliż tat-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Mejju 1956, paġni 269-272, u tal-15 taʼ Marzu 1971, paġni 186-190, biex titgħallem iktar dwar ix-xogħol missjunarju taʼ membri tal-familja Steele.

^ par. 30 Pereżempju, ara l-bijografija taʼ Trophim Nsomba fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 t’April 2015, paġni 27-31.