“Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.”—ĠAKBU 1:4.

GĦANJIET: 135, 139

1, 2. (a) X’nitgħallmu mill-fatt li Gidegħon u t-300 raġel tiegħu ssaportew? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Skont Luqa 21:19, li tissaporti għala hu daqstant importanti?

IPPROVA immaġina l-battalja li kienet diffiċli u li tgħejjik li kien hemm bejn is-suldati Iżraelin, immexxijin mill-Imħallef Gidegħon, u l-għedewwa tagħhom. Gidegħon u l-irġiel tiegħu ġrew wara l-Midjanin u l-alleati tagħhom il-lejl kollu għal madwar 32 kilometru! Il-Bibbja tgħidilna x’ġara wara: ‘Gidegħon wasal ħdejn il-Ġordan, u qasam, hu u t-tliet mitt raġel li kienu miegħu, li kienu għajjenin.’ Imma kienu għadhom ma rebħux il-gwerra, u kienu għadhom iridu jiġġieldu maʼ 15,000 suldat. Dawn l-għedewwa kienu ħaqruhom għal ħafna snin, u allura l-Iżraelin għarfu li ma kienx il-mument li jaqtgħu qalbhom. Għaldaqstant, Gidegħon u l-irġiel tiegħu baqgħu jiġru wara l-għedewwa tagħhom u fl-aħħar rebħulhom!—Imħallfin 7:22; 8:4, 10, 28.

2 Aħna wkoll qed niġġieldu battalja diffiċli u li tgħejjina. L-għedewwa tagħna jinkludu lil Satana, id-dinja tiegħu,  u l-imperfezzjonijiet tagħna stess. Xi wħud minna ilhom jiġġieldu kontra dawn l-għedewwa għal ħafna snin. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, irbaħna ħafna battalji. Madankollu, għadna ma rbaħniex ir-rebħa finali. Kultant għandu mnejn negħjew niġġieldu. Jew forsi negħjew nistennew it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Ġesù wissa li se jkollna provi diffiċli u persekuzzjoni ħarxa matul l-aħħar jiem. Imma hu qal ukoll li jekk nistabru, jew nissaportu, aħna nistgħu nirbħu. (Aqra Luqa 21:19.) X’jiġifieri li tistabar? X’se jgħinna nistabru? X’nistgħu nitgħallmu minn dawk li ssaportew? U kif nistgħu ‘nħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox’?—Ġakbu 1:4.

X’JIĠIFIERI LI TISTABAR?

3. X’jiġifieri li tistabar?

3 Fil-Bibbja, li tistabar tfisser iktar milli sempliċiment tirreżisti, jew tittollera, sitwazzjoni diffiċli. Tinvolvi l-mod kif naħsbu u nħossuna dwar il-provi tagħna. Is-sabar jgħinna nkunu kuraġġużi, leali, u paċenzjużi. Ktieb taʼ referenza jgħid li s-sabar hi kwalità li tgħinna jkollna tama b’saħħitha u li biha nevitaw milli naqtgħu qalbna meta jkollna l-provi. Tgħinna nibqgħu sodi u ma niċċaqalqux anki waqt l-agħar provi. U tħallina nbiddlu dawn il-provi f’rebħiet u niffokaw fuq il-miri tagħna, u mhux fuq l-uġigħ tagħna.

4. Għala nistgħu ngħidu li s-sabar hu mmotivat mill-imħabba?

4 L-imħabba timmotivana nissaportu. (Aqra l-1 Korintin 13:4, 7.) F’liema aspetti? L-imħabba għal Ġeħova timmotivana nissaportu dak kollu li jippermetti. (Luqa 22:41, 42) L-imħabba għal ħutna tgħinna nissaportu l-imperfezzjonijiet tagħhom. (1 Pietru 4:8) L-imħabba għas-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ tgħinna nissaportu t-“tribulazzjoni” li anki koppji miżżewġin u ferħanin ikollhom. L-imħabba tgħin biex iż-żwieġ tagħna jissaħħaħ.—1 Korintin 7:28.

X’SE JGĦINEK TISTABAR?

5. Ġeħova għala hu l-aqwa wieħed biex jgħinna nistabru?

5 Itlob lil Ġeħova għas-saħħa. Ġeħova hu “l-Alla li jipprovdi s-sabar u l-faraġ.” (Rumani 15:5) Hu l-uniku wieħed li jifhem għalkollox is-sitwazzjoni tagħna, is-sentimenti tagħna, u l-ambjent li nkunu fih. Allura, hu jaf eżatt x’għandna bżonn biex nistabru. Il-Bibbja tgħidilna: “Hu se jwettaq ix-xewqa taʼ dawk li jibżgħu minnu, u se jismaʼ l-għajta tagħhom għall-għajnuna u jsalvahom.” (Salm 145:19) Iżda Alla kif se jwieġeb it-talb tagħna biex isaħħaħna ħalli nissaportu?

Ġeħova, il-Wieħed li jifhimna għalkollox, jaf eżatt x’għandna bżonn biex nistabru

6. Bħalma hu mwiegħed fil-Bibbja, Ġeħova kif jistaʼ ‘jiftħilna t-triq’ meta nkunu għaddejjin minn provi?

6 Meta nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna, hu jwegħedna li se ‘jiftħilna t-triq.’ (Aqra l-1 Korintin 10:13.) Kif jagħmel  dan? Kultant, jistaʼ jneħħi l-prova. Imma f’ħafna mill-każijiet, jagħtina s-saħħa ħalli ‘nissaportu bis-sħiħ u nibqgħu nistabru bil-ferħ.’ (Kolossin 1:11) U minħabba li jaf sew il-limiti fiżiċi, mentali, u emozzjonali tagħna, Ġeħova qatt ma jħalli sitwazzjoni ssir tant diffiċli li ma nkunux nistgħu nibqgħu leali.

7. Agħti eżempju għala għandna bżonn ikel spiritwali biex nissaportu.

7 Ħalli l-ikel spiritwali jsaħħaħ il-fidi tiegħek. Għala hu importanti l-ikel spiritwali? Biex nagħtu eżempju: Sabiex jitlaʼ l-Muntanja Everest, individwu għandu bżonn madwar 6,000 kalorija kuljum. Dan hu ħafna iktar minn kemm normalment individwu jkollu bżonn. Sabiex jissaporti u jilħaq il-mira tiegħu, wieħed li jkun se jitlaʼ muntanja bħal din ikollu jiekol ikel li jkun fih ħafna kaloriji. B’mod simili, għandna bżonn ħafna ikel spiritwali biex nissaportu u biex nilħqu l-mira tagħna. Irridu nkunu determinati li nqattgħu ħin fl-istudju personali u li nattendu l-laqgħat. Dawn l-attivitajiet se jagħtuna dak li jkollna bżonn biex inżommu l-fidi tagħna b’saħħitha.—Ġwanni 6:27.

8, 9. (a) Skont Ġob 2:4, 5, x’inhu involut meta nħabbtu wiċċna maʼ provi? (b) Meta tiffaċċja provi, liema xena inviżibbli tistaʼ timmaġina?

8 Ftakar li għandek tkun leali lejn Alla. Meta nkunu għaddejjin minn provi, ikun hemm iktar involut apparti s-sofferenza tagħna. Il-lealtà lejn Alla tkun qed tiġi ttestjata. Kif nirreaġixxu għal provi juri jekk hux qed inqisu lil Ġeħova bħala l-Mexxej veru tal-univers. Għala ngħidu hekk? Satana, l-għadu t’Alla li jopponi t-tmexxija Tiegħu, insulta lil Ġeħova billi qal li n-nies jaqdu lill-Alla għal raġunijiet egoistiċi biss. Satana qal: “Raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.” Imbagħad Satana dwar Ġob qal: “Imma issa midd idek, jekk jogħġbok, u misslu s’għadmu u laħmu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.” (Ġob 2:4, 5) Satana nbidel minn mindu għamel din l-istqarrija? Lanqas xejn! Ħafna snin wara, meta Satana twaddab għal isfel mis-sema, xorta baqaʼ jakkuża l-qaddejja leali t’Alla. (Rivelazzjoni 12:10) Illum, Satana għadu jsostni li n-nies iqimu lill-Alla għal raġunijiet egoistiċi. Hu ħerqan biex jarana nirrifjutaw id-dritt li Alla għandu biex imexxi. Hu jixtieq ħafna li nieqfu naqdu lil Ġeħova.

9 Meta tkun qed issofri matul prova, ipprova immaġina din ix-xena inviżibbli. Fuq naħa hemm Satana u d-demonji tiegħu. Huma qed jaraw x’se tagħmel u qed isostnu li int se taqtaʼ qalbek. Fuq in-naħa l-oħra hemm Ġeħova, is-Sultan tagħna Ġesù Kristu, il-midlukin li ġew irxoxtati, u eluf t’anġli. Huma wkoll qed jarawk tissielet, imma qed jagħmlulek kuraġġ! Huma ferħanin jaraw li qed tissaporti u tibqaʼ leali lejn Ġeħova. Imbagħad tismaʼ lil Ġeħova jgħidlek: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”—Proverbji 27:11.

Ġesù ffoka fuq il-premjijiet li kienu se jiġu jekk jibqaʼ jissaporti

10. Kif tistaʼ timita lil Ġesù meta jkollok tissaporti?

 10 Iffoka fuq il-premjijiet. Immaġina li qed tivvjaġġa. Matul il-vjaġġ, ikollok tgħaddi minn mina twila. Kull fejn tħares ikun mudlam. Imma int taf li jekk tkompli għaddej u tkun eqreb lejn l-aħħar tal-mina, se terġaʼ tara d-dawl. Il-ħajja tistaʼ tkun bħal dan il-vjaġġ. Għandu mnejn ikollok tgħaddi minn ħafna żminijiet diffiċli, u forsi tkun tħossok mifni bil-problemi tiegħek. Anki Ġesù setaʼ ħassu b’dan il-mod. Meta kien qed jiġi maqtul fuq iz-zokk tat-tortura, kien umiljat u muġugħ ħafna. Dan żgur li kien l-iktar żmien diffiċli għalih! X’għenu jissaporti? Il-Bibbja tgħid li hu ħares lejn il-“ferħ li tqiegħed quddiemu.” (Ebrej 12:2, 3) Ġesù ffoka fuq il-premjijiet li kienu se jiġu jekk jibqaʼ jissaporti. L-iktar importanti għalih kien li se jkollu parti f’li jqaddes isem Alla u f’li jappoġġa d-dritt Tiegħu li jmexxi. Hu kien jaf li l-prova kienet temporanja u li l-premju tiegħu fis-sema kien se jdum għal dejjem. Illum, il-provi li tiffaċċja għandhom mnejn iħalluk bla nifs u jkunu taʼ wġigħ, imma ftakar li huma biss temporanji.

“DAWK LI SSAPORTEW”

11. Għala għandna nikkunsidraw l-esperjenzi taʼ “dawk li ssaportew”?

11 M’għandniex għalfejn nissaportu waħedna. Sabiex jinkuraġġixxi Kristjani biex jissaportu l-ħafna provi minn Satana, l-appostlu Pietru kiteb: “Intom iqfulu, sodi fil-fidi, għax tafu li sofferenzi bħal dawn qed iseħħu fil-fratellanza kollha fid-dinja.” (1 Pietru 5:9) L-esperjenzi taʼ “dawk li ssaportew” jgħallmuna kif nibqgħu leali, jaċċertawna li nistgħu nirnexxu, u jfakkruna li l-lealtà tagħna se tkun premjata. (Ġakbu 5:11) Ħalli nikkunsidraw ftit eżempji. [1]—Ara n-nota fl-aħħar.

12. X’nitgħallmu mill-eżempju tal-kerubini li tqiegħdu fl-Għeden?

12 Il-kerubini huma anġli taʼ pożizzjoni għolja. Wara li Adam u Eva dinbu, Ġeħova ta lil xi kerubini inkarigu ġdid fuq l-art. Kien differenti ħafna mill-inkarigu li kellhom fis-sema. L-eżempju tagħhom jistaʼ jgħallimna kif nistgħu nissaportu meta jkollna inkarigu diffiċli. Il-Bibbja tgħid li Ġeħova “fil-lvant tal-ġnien taʼ l-Għeden qiegħed il-kerubini u x-xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament biex tgħasses it-triq lejn is-siġra tal-ħajja.” [2] (Ara n-nota fl-aħħar.) (Ġenesi 3:24) Il-Bibbja ma tgħidx li l-kerubini gergru jew ħassew li kienu importanti wisq biex iwettqu l-inkarigu ġdid tagħhom. Ma ddejqux jew qatgħu qalbhom. Anzi, huma baqgħu fl-inkarigu tagħhom  sakemm tlesta x-xogħol tagħhom, forsi fi żmien id-Dulluvju, iktar minn 1,600 sena wara!

13. Ġob kif setaʼ jissaporti l-provi tiegħu?

13 Ir-raġel leali Ġob. Kultant forsi tħossok muġugħ minħabba li ħabib jew membru tal-familja ikun qal xi ħaġa li tiskuraġġixxi. Jew forsi int marid serjament jew qed issofri t-telfa taʼ xi ħadd li tħobb. Madankollu, jiġri x’jiġri, tistaʼ ssib faraġ fl-eżempju taʼ Ġob. (Ġob 1:18, 19; 2:7, 9; 19:1-3) Ġob ma kienx jaf għala f’daqqa waħda kien għaddej minn ħafna provi, imma qatt ma qataʼ qalbu. X’għenu jissaporti? L-ewwel ħaġa, hu kien iħobb lil Ġeħova u kien jibżaʼ li ma jogħġbux. (Ġob 1:1) Ġob ried jogħġob lill-Alla kemm meta kollox kien għaddej ħarir u kemm fi żminijiet diffiċli. Iktar minn hekk, Ġeħova għen lil Ġob jara l-qawwa Tiegħu billi qallu dwar xi affarijiet tal-għaġeb li Hu għamel. Dan ikkonvinċa lil Ġob saħansitra iktar li Ġeħova se jtemm il-provi tiegħu f’waqthom. (Ġob 42:1, 2) U hekk ġara. ‘Ġeħova temm it-tribulazzjoni taʼ Ġob u beda jagħti lil Ġob id-doppju taʼ kulma kellu qabel.’ Ġob miet “xiħ u mimli bl-għomor,” u kellu ħajja sodisfaċenti.—Ġob 42:10, 17.

14. Skont it-2 Korintin 1:6, Pawlu kif għen lil oħrajn minħabba li ssaporta?

14 L-appostlu Pawlu. Qed issofri oppożizzjoni ħarxa jew saħansitra persekuzzjoni? Int qed taqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni jew indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet li tħossok mgħobbi b’ħafna responsabbiltajiet? Jekk iva, l-eżempju taʼ Pawlu jistaʼ jgħinek. Pawlu sofra minħabba persekuzzjoni ħarxa, u hu dejjem inkwieta dwar l-aħwa tal-kongregazzjonijiet. (2 Korintin 11:23-29) Imma Pawlu qatt ma qataʼ qalbu, u l-eżempju tiegħu saħħaħ lil oħrajn. (Aqra t-2 Korintin 1:6.) Bl-istess mod,  meta tissaporti tkun tistaʼ tinkuraġġixxi lil ħaddieħor biex jissaporti.

IS-SABAR SE “JWETTAQ XOGĦLU GĦALKOLLOX” FIK?

15, 16. (a) Is-sabar liema ‘xogħol’ għandu jwettaq għalkollox? (b) Agħti eżempji kif nistgħu ‘nħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox.’

15 Id-dixxiplu Ġakbu kien ispirat biex jikteb: “Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:4) Is-sabar kif iwettaq “xogħlu” għalkollox fina? Meta ngħaddu minn prova, għandu mnejn ninnotaw li għandna bżonn nuru iktar paċenzja, apprezzament, jew imħabba. Hekk kif nissaportu l-prova, se nitgħallmu nuru dawn il-kwalitajiet saħansitra iktar, u b’dan il-mod se ntejbu l-personalità Kristjana tagħna.

Meta nissaportu l-provi, il-personalità Kristjana tagħna tissaħħaħ (Ara paragrafi 15, 16)

16 Minħabba li s-sabar jistaʼ jagħmilna Kristjani aħjar, aħna ma rridux niksru l-liġi taʼ Ġeħova għas-sempliċi fatt biex inġibu fi tmiem il-prova tagħna. Pereżempju, jekk qed tiġġieled maʼ ħsibijiet immorali, taqax għat-tentazzjoni! Itlob lil Ġeħova biex tneħħi l-ħsibijiet ħżiena. Għandek membru tal-familja li qed jagħmillek l-oppożizzjoni? Taqtax qalbek! Kun determinat li tkompli taqdi lil Ġeħova. B’hekk, se ssaħħaħ il-fidi tiegħek f’Ġeħova. Ftakar: Sabiex ikollna l-approvazzjoni t’Alla, ikollna nissaportu.—Rumani 5:3-5; Ġakbu 1:12.

17, 18. (a) Agħti eżempju biex turi l-importanza taʼ li nissaportu sal-aħħar. (b) Hekk kif nersqu eqreb lejn it-tmiem, liema fiduċja jistaʼ jkollna?

17 Aħna għandna nissaportu, mhux biss għal perijodu taʼ żmien, imma sal-aħħar. Immaġina vapur li qed jegħreq. Sabiex il-passiġġieri jsalvaw għandhom jgħumuha sax-xatt. L-individwu li jaqtaʼ qalbu wara ftit li jibda jgħum se jegħreq. B’mod simili, l-individwu li jaqtaʼ qalbu eżatt qabel jasal ix-xatt se jegħreq ukoll. Jekk irridu ngħixu fid-dinja l-ġdida, hemm bżonn li nkomplu nissaportu. Ejja jkollna l-istess attitudni bħal dik tal-appostlu Pawlu, li qal biex “ma naqtgħux qalbna.”—2 Korintin 4:1, 16.

18 Bħal Pawlu, aħna konvinti għall-aħħar li Ġeħova se jgħinna nissaportu sal-aħħar. Pawlu kiteb: “Qed noħorġu rebbiħin għalkollox permezz taʼ dak li ħabbna. Għax jien konvint li la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-gvernijiet, la l-affarijiet t’issa, la l-affarijiet li għad iridu jiġu, la l-qawwiet, la l-għoli u lanqas il-fond, u l-ebda ħolqien ieħor ma jistaʼ jifridna mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.” (Rumani 8:37-39) Huwa minnu li xi kultant se nkunu għajjenin. Imma ejja nimitaw lil Gidegħon u l-irġiel tiegħu. Huma għejew, imma ma qatgħux qalbhom. Huma “baqgħu jiġru wara l-għadu.”—Imħallfin 8:4.

^ [1] (paragrafu 11) Int se ssib taʼ inkuraġġiment ukoll li tirrivedi dak li n-nies t’Alla ssaportew fi żminijiet moderni. Pereżempju, il-Yearbooks tal-1992, 1999, u 2008 jinkludu rapporti taʼ ħutna fl-Etjopja, il-Malawi, u r-Russja.

^ [2] (paragrafu 12) Il-Bibbja ma tgħidx kemm kien hemm kerubini li ġew inkarigati biex jagħmlu dan.