“Int bqajt tissara m’Alla u mal-bnedmin sakemm sa fl-aħħar ħriġt rebbieħ.”—ĠENESI 32:28.

GĦANJIET: 60, 38

1, 2. Liema sforzi kbar għandhom il-qaddejja taʼ Ġeħova?

MINN żmien Abel sa żmienna, il-qaddejja t’Alla kollha għamlu sforzi kbar. Lill-Kristjani Ebrej, l-appostlu Pawlu qalilhom: “Issaportejtu taqbida kbira bis-sofferenzi.” Dan għamluh waqt li pprovaw jirbħu l-approvazzjoni u l-barka taʼ Ġeħova. (Ebrej 10:32-34) Pawlu qabbel l-isforzi kbar tal-Kristjani maʼ dawk tal-atleti li jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Griegi, bħat-tlielaq, ir-wrestling, u l-boxing. (Ebrej 12:1, 4) Illum, aħna ninsabu fit-tellieqa għall-ħajja, u għandna għedewwa li jridu jfixkluna u jtellfulna l-ferħ li għandna issa u l-premjijiet li se ngawdu fil-futur.

2 L-ikbar sforz, jew ġlieda, li għandna hu kontra Satana u d-dinja tiegħu. (Efesin 6:12) Huwa importanti ħafna li nirreżistu milli niġu effettwati mit-tagħlim, il-filosofiji, u l-prattiki ħżiena tad-dinja, bħall-immoralità, it-tipjip, u l-abbuż tal-alkoħol jew tad-drogi. Irridu nkomplu niġġieldu wkoll kontra l-iskuraġġiment u d-dgħufijiet tagħna.—2 Korintin 10:3-6; Kolossin 3:5-9.

3. Alla kif iħarriġna biex niġġieldu kontra l-għadu tagħna?

 3 Hija verament possibbli li tirbaħ il-ġlieda kontra għedewwa bħal dawn li għandhom qawwa kbira? Iva, imma se tkun iebsa! Pawlu qabbel lilu nnifsu maʼ boxer meta qal: “M’iniex nimmira d-daqqiet tiegħi b’tali mod li nkun qed nagħti fl-arja.” (1 Korintin 9:26) L-istess bħalma boxer jiġġieled kontra boxer ieħor, aħna rridu niġġieldu kontra l-għedewwa tagħna. Ġeħova jgħinna u jħarriġna biex nagħmlu dan. Hu jagħmel dan permezz tal-Bibbja. Hu jgħinna wkoll bil-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja, bil-laqgħat Kristjani, bl-assembleat, u l-konvenzjonijiet. Tuża int l-istruzzjonijiet kollha li qed tirċievi? Jekk le, mela m’intix qed topponi bis-sħiħ l-għadu tiegħek, l-istess bħalma boxer jagħti daqqiet fl-arja.

4. Kif nistgħu nevitaw li niġu mirbuħa mill-ħażen?

4 Irridu nkunu b’sebaʼ għajnejn il-ħin kollu. Għala? L-għadu tagħna għandu mnejn jattakkana meta ma nkunux qed nistennewh jew meta nkunu dgħajfa. Il-Bibbja ttina kemm twissija kif ukoll inkuraġġiment meta tgħid: “Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.” (Rumani 12:21) Jekk nibqgħu niġġieldu kontra l-ħażen, nistgħu nirbħu! Madankollu, jekk ma nibqgħux għassa u nieqfu niġġieldu, imbagħad Satana, id-dinja tiegħu, u d-dgħufijiet tagħna jistgħu jegħlbuna. Għalhekk qatt taqtaʼ qalbek. Tkunx skuraġġit u tħalli jdejk jintelqu ’l isfel!—1 Pietru 5:9.

5. (a) Biex ikollna l-approvazzjoni u l-barka t’Alla xi rridu niftakru? (b) Liema karattri Bibliċi se nikkunsidraw?

5 Sabiex nirbħu, irridu niftakru għala qed nissieltu. Qed nagħmlu hekk għax irridu l-approvazzjoni u l-barka t’Alla. Ebrej 11:6 jgħid: “Min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” Li nfittxu lil Ġeħova bil-ħeġġa jfisser li rridu naħdmu iebes ħafna jekk irridu l-approvazzjoni tiegħu. (Atti 15:17) Fil-Bibbja, hemm ħafna eżempji tajba taʼ rġiel u nisa li għamlu hekk. Ġakobb, Rakele, Ġużeppi, u Pawlu kollha ffaċċjaw sitwazzjonijiet li kienu diffiċli għalihom kemm emozzjonalment kif ukoll fiżikament. Imma huma kellhom suċċess. L-eżempji tagħhom jagħtuna prova li jekk naħdmu iebes, aħna wkoll nistgħu nirċievu l-barka taʼ Ġeħova. Ejja naraw kif.

JEKK TIPPERSISTI TIĠI MBIEREK

6. X’għen lil Ġakobb jippersisti, u kif kien premjat? (Ara l-ewwel stampa.)

6 Ir-raġel leali Ġakobb għamel sforzi kbar u ssaporta għax kien iħobb lil Ġeħova u għax kien iqis taʼ valur ir-relazzjoni li kellu miegħu. Hu kellu fidi assoluta fil-wegħda taʼ Ġeħova li jbierek lil nislu. (Ġenesi 28:3, 4) Meta Ġakobb kellu kważi 100 sena, hu saħansitra tqabad m’anġlu biex jirċievi l-barka minn Alla. (Aqra Ġenesi 32:24-28.) Kellu Ġakobb biżżejjed saħħa biex jitqabad waħdu kontra dan l-anġlu taʼ qawwa kbira? Dażgur li le! Imma hu kien vera determinat u ta prova li kien se jaħdem iebes ħafna għal barka! Ġeħova bierek lil Ġakobb talli ppersista u tah l-isem Iżrael,  li jfisser “Wieħed li Jissara, jew Jippersevera, m’Alla.” Ġakobb irċieva l-premju li aħna wkoll qed nippersistu għalih—l-approvazzjoni u l-barka taʼ Ġeħova.

7. (a) Liema sitwazzjoni skuraġġanti kellha Rakele? (b) Rakele x’għamlet, u kif ġiet imbierka?

7 Rakele, il-mara għażiża taʼ Ġakobb, ukoll kienet ħerqana biex tara kif Ġeħova kien se jżomm il-wegħda tiegħu li għamel maʼ żewġha. Imma kien hemm problema. Rakele ma setax ikollha tfal. Fi żminijiet Bibliċi, dan il-fatt kien inikket bil-kbir lin-nisa. Rakele kif baqgħet tippersevera, jew tippersisti, minkejja s-sitwazzjoni skuraġġanti tagħha? Hi qatt ma qatgħet qalbha. Minflok, hi baqgħet tissara billi talbet iktar u iktar lil Ġeħova. Hu semaʼ t-talb sinċier taʼ Rakele, u hi ħassitha mbierka meta fl-aħħar kellha t-tfal. Huwa għalhekk li hi qalet: “Issarajt kemm flaħt . . . U ħriġt ukoll rebbieħa!”—Ġenesi 30:8, 20-24.

8. Liema diffikultajiet kellu Ġużeppi, u kif inhu t’eżempju tajjeb għalina?

8 L-eżempju tal-fidi li kellhom Ġakobb u Rakele x’aktarx effettwa lil binhom Ġużeppi u għenu meta kellu diffikultajiet fil-ħajja. Meta Ġużeppi kellu 17-il sena, ħajtu nbidlet kompletament. Ħutu, li kienu għajjura għalih, bigħuh fil-jasar. Iktar tard, hu qattaʼ ħafna snin il-ħabs fl-Eġittu, avolja kien innoċenti. (Ġenesi 37:23-28; 39:7-9, 20, 21) Imma Ġużeppi ma skuraġġiex ruħu jew irrabja, hu ma pprovax ipatti lura. Għala le? Għax Ġużeppi qiesha taʼ valur ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u ffoka fuqha b’qalbu kollha. (Levitiku 19:18; Rumani 12:17-21) L-eżempju taʼ Ġużeppi jistaʼ jgħinna. Anke jekk kellna trobbija kerha jew jekk ħajjitna bħalissa tidher bla tama, aħna rridu nkomplu nissaraw u  nippersistu. Meta nagħmlu hekk, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jberikna.—Aqra Ġenesi 39:21-23.

9. Kif nistgħu nimitaw lil Ġakobb, Rakele, u Ġużeppi?

9 Illum, aħna wkoll jistaʼ jkollna nissaportu sfidi diffiċli. Forsi qed issofri minħabba xi inġustizzja, preġudizzju, jew twaqqigħ għaċ-ċajt. Jew qed issofri minħabba l-għira li għandu xi ħadd għalik. Minflok ma tkun skuraġġit, ftakar x’għen lil Ġakobb, Rakele, u Ġużeppi biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ. Alla saħħaħhom u berikhom għax huma apprezzaw bil-kbir ir-relazzjoni tagħhom miegħu. Huma komplew jissaraw u jaġixxu fi qbil mat-talb tagħhom. Peress li qed ngħixu fl-aħħar jiem, huwa importanti li nżommu t-tama tagħna għall-futur b’saħħitha! Lest int li tissielet, jiġifieri li taħdem iebes, għall-approvazzjoni taʼ Ġeħova?

KUN LEST LI TISSIELET GĦAL BARKA

10, 11. (a) Għala għandna mnejn nissieltu għall-barka taʼ Ġeħova? (b) X’se jgħinna nagħmlu l-għażliet it-tajbin?

10 Għala għandna mnejn nissieltu għall-barka taʼ Ġeħova? Raġuni waħda hi li peress li aħna imperfetti, jistaʼ jkun li nissieltu kontra ċerti xewqat ħżiena. Xi wħud jissieltu biex ikollhom attitudni pożittiva lejn il-ministeru, u oħrajn jissieltu minħabba problemi taʼ saħħa jew sentimenti taʼ solitudni. Jerġaʼ hemm oħrajn li jsibuha diffiċli biex jaħfru lil xi ħadd li weġġagħhom. Ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, ilkoll kemm aħna għandna bżonn niġġieldu kontra affarijiet li jagħmluha diffiċli li naqdu ’l Alla, il-wieħed li jippremja lil-leali.

Qiegħed int tissielet għall-barka t’Alla? (Ara paragrafi 10, 11)

11 Tabilħaqq, tistaʼ tkun diffiċli ħafna li nkunu Kristjani u biex nagħmlu l-għażliet it-tajbin, speċjalment meta nkunu qed niġġieldu kontra x-xewqat ħżiena tagħna. (Ġeremija 17:9) Jekk tħossok hekk, itlob lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis. It-talb u l-ispirtu qaddis jistgħu jgħinuk ikollok is-saħħa biex tagħmel dak li hu tajjeb, u mbagħad tkun tistaʼ tirċievi l-barka t’Alla. Kun determinat li tgħix fi qbil mat-talb tiegħek. Ipprova aqra l-Bibbja kuljum, u warrab il-ħin għall-istudju persunali u għall-qima bħala familja.—Aqra Salm 119:32.

12, 13. Żewġ Kristjani kif ġew megħjuna jikkontrollaw xewqat ħżiena?

12 Hemm ħafna eżempji taʼ kif il-Kelma t’Alla, l-ispirtu tiegħu, u l-pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna għenu lil ħutna rġiel u nisa biex jegħlbu xewqat ħżiena. Żagħżugħ qara l-artiklu “Kif Tistaʼ Tirreżisti Xewqat Ħżiena?” li deher fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Diċembru 2003. X’kienet ir-reazzjoni tiegħu? “Jien qed niġġieled biex nikkontrolla ħsibijiet mhux xierqa. Meta qrajt fl-artiklu li ‘għal ħafna wħud, il-ġlieda biex jegħlbu x-xewqat ħżiena hija kbira immens,’ ġegħlitni nħossni parti mill-fratellanza. Ħassejt li ma kontx waħdi.” Dan iż-żagħżugħ ibbenefika wkoll mill-artiklu “Stili Differenti taʼ Ħajja—Japprovahom Alla?” li deher fi Stenbaħ! tat-8 t’Ottubru 2003. F’dan l-artiklu, hu nnota li għal xi wħud il-ġlieda hi kontinwa, bħal “xewka fil-laħam.” (2 Korintin 12:7) Madankollu, waqt li jkomplu jiġġieldu biex iżommu kondotta nadifa, huma għandhom tama pożittiva għall-futur.  “Għal din ir-raġuni,” hu qal, “Jien naħseb li hekk kif tgħaddi kull ġurnata, nistaʼ nibqaʼ leali. Jien grat ħafna lejn Ġeħova li qed juża l-organizzazzjoni tiegħu biex jgħinna nibqgħu ħajjin kull ġurnata f’din is-sistema mill-agħar.”

13 Ikkunsidra wkoll l-esperjenza taʼ oħt fl-Istati Uniti. Hi kitbet: “Nixtieq nirringrazzjakom talli dejjem titimgħuna eżatt dak li għandna bżonn u meta jkollna bżonnu. Spiss inħoss li dawn l-artikli nkitbu għalija personalment. Snin sħaħ ili niġġieled xewqa qawwija li għandi lejn xi ħaġa li Ġeħova jobgħod. Xi drabi, inkun irrid nieqaf niġġieled għax naqtaʼ qalbi. Naf li Ġeħova hu ħanin u jaħfer, imma peress li għandi din ix-xewqa ħażina u fil-fond taʼ qalbi ma nobgħodhiex, inħoss li ma jistħoqqlix l-għajnuna tiegħu. Din il-ġlieda kontinwa effettwat kull aspett tal-ħajja tiegħi.” Wara li qrat l-artiklu “Għandek ‘Qalb li Biha Tkun Taf’ lil Ġeħova?” fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 2013, hi qalet, “Verament ħassejt li Ġeħova jixtieq jgħinni.”

14. (a) Pawlu kif ħassu dwar it-taqbid tiegħu? (b) Kif nistgħu aħna nirbħu l-ġlieda kontra d-dgħufijiet tagħna?

14 Aqra Rumani 7:21-25. Pawlu kien jaf sew kemm setgħet tkun diffiċli biex tiġġieled kontra x-xewqat ħżiena u d-dgħufijiet. Madankollu, hu kien ċert li setaʼ jirbaħ il-ġlieda jekk jitlob lil Ġeħova, jistrieħ fuqu għall-għajnuna, u juri fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Xi ngħidu għalina? Nistgħu nirbħu l-ġlieda kontra d-dgħufijiet tagħna? Iva, jekk aħna nimitaw lil Pawlu u nistrieħu kompletament fuq Ġeħova, u mhux fuqna nfusna. Ukoll, bħal Pawlu jrid ikollna fidi fil-fidwa.

15. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna nibqgħu leali u nissaportu l-provi?

15 Xi kultant Alla għandu mnejn iħallina nuru kemm aħna verament ikkonċernati dwar xi ħaġa. Pereżempju, jekk aħna jew xi ħadd mill-familja tagħna jesperjenza marda serja jew inġustizzja, kif se nirreaġixxu? Jekk nafdaw kompletament f’Ġeħova, aħna se nitolbuh bil-ħrara ħalli jagħtina s-saħħa li għandna bżonn biex nibqgħu leali u ferħanin u biex ir-relazzjoni tagħna miegħu tibqaʼ b’saħħitha. (Filippin 4:13) L-eżempji taʼ ħafna Kristjani, kemm tal-passat u kemm tal-preżent, juruna li t-talb jistaʼ jsaħħaħna u jagħtina l-kuraġġ li għandna bżonn sabiex inkunu nistgħu nkomplu nissaportu.

IBQAʼ SSARA GĦALL-BARKA TAʼ ĠEĦOVA

16, 17. X’int determinat li tagħmel?

16 Ix-Xitan jixtieq ħafna jarak tiskuraġġixxi ruħek u taqtaʼ qalbek u tħalli jdejk jintelqu ’l isfel. Għalhekk, kun determinat li ‘żżomm sod mat-tajjeb.’ (1 Tessalonikin 5:21) Int tistaʼ tirbaħ il-ġlieda kontra Satana, id-dinja mill-agħar tiegħu, u kwalunkwe xewqa ħażina! Int tistaʼ tirbaħ jekk tafda kompletament f’Alla li se jsaħħek u se jgħinek.—2 Korintin 4:7-9; Galatin 6:9.

17 Għalhekk, ibqaʼ ġġieled. Ibqaʼ agħmel sforzi kbar. Ibqaʼ ssara. Ibqaʼ ppersisti. Tistaʼ tkun ċert għalkollox li Ġeħova se ‘jitfaʼ fuqek xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqsok xejn iktar.’—Malakija 3:10.