“Rigward dawk li waqgħu f’ħamrija tajba, dawn huma dawk li . . . jagħtu l-​frott bis-​sabar.”—LUQA 8:15.

GĦANJIET: 98, 101

1, 2. (a) Għala aħna inkuraġġiti b’aħwa rġiel u nisa li jibqgħu jippritkaw f’territorji fejn ħafna ma jridux jisimgħu? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’qal Ġesù dwar li jipprietka “f’pajjiżu”? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

SERGIO U OLINDA huma koppja pijunieri fl-​Istati Uniti. It-​tnejn li huma għandhom ’il fuq minn 80 sena. Dan l-​aħħar, minħabba l-​uġigħ f’saqajhom, kien qed ikun diffiċli għalihom biex jimxu. Imma, bħalma għamlu għal ħafna snin, huma jimxu lejn pjazza mimlija nies u karozzi fil-​belt tagħhom fis-​sebgħa taʼ filgħodu. Joqogħdu ħdejn stejġ tal-​karozzi tal-​linja u joffru l-​pubblikazzjonijiet tagħna lin-​nies għaddejjin. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies ma jagħtux kashom, imma Sergio u Olinda jibqgħu f’posthom u jitbissmu lil dawk li jħarsu lejhom. F’nofsinhar, imorru bil-​mod lejn darhom. L-​għada filgħodu, fis-​sebgħa, jerġgħu lura lejn l-​istejġ. Huma jibqgħu jippritkaw sitt darbiet fil-​ġimgħa s-​sena kollha.

2 Bħal Sergio u Olinda, hemm ħafna aħwa rġiel u nisa leali li ilhom jippritkaw fit-​territorju tagħhom għal ħafna snin, avolja ħafna min-​nies ma jridux jisimgħu.  Forsi int tipprietka f’territorju bħal dan ukoll. Jekk inhu hekk, aħna nfaħħruk, għax tibqaʼ tipprietka bis-​sabar għalkemm hu diffiċli. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) L-​eżempju tiegħek jinkuraġġixxi ħafna aħwa, anke dawk bi snin taʼ esperjenza. Innota x’qalu xi indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet: “Meta naħdem m’aħwa leali bħal dawn fil-​ministeru, inħossni mimli enerġija bl-​eżempju tagħhom.” “Il-​lealtà tagħhom tinkuraġġini biex nibqaʼ nagħmel dan ix-​xogħol u biex inkun kuraġġuż fil-​ministeru tiegħi.” “L-​eżempju tagħhom iqawwili qalbi.”

3. Liema tliet mistoqsijiet se nikkunsidraw, u għala?

3 F’dan l-​artiklu se nwieġbu tliet mistoqsijiet: Kultant għala għandna mnejn inħossuna skuraġġiti? Xi jfisser li nagħtu l-​frott? X’se jgħinna nibqgħu nagħtu l-​frott bis-​sabar? Li nkunu nafu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jinkuraġġina nkomplu bix-​xogħol tal-​ippritkar li Ġesù tana nagħmlu.

GĦALA GĦANDNA MNEJN INĦOSSUNA SKURAĠĠITI?

4. (a) Ir-​reazzjoni negattiva mingħand il-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud kif ġegħlitu jħossu lil Pawlu? (b) Pawlu għala ħassu b’dan il-​mod?

4 Qatt ħassejtek skuraġġit għaliex in-​nies fit-​territorju tiegħek ma jridux jisimgħu l-​messaġġ dwar is-​Saltna? Jekk iva, se tifhem kif ħassu l-​appostlu Pawlu. Hu għamel madwar 30 sena jipprietka, u għen ħafna nies isiru Kristjani. (Atti 14:21; 2 Korintin 3:2, 3) Xorta waħda, ma setax jgħin lil ħafna Lhud, nies tal-​istess nazzjonalità tiegħu, isiru Kristjani. Minflok, il-​biċċa l-​kbira minnhom irrifjutaw li jisimgħu lil Pawlu, u xi wħud ippersegwitawh ukoll. (Atti 14:19; 17:1, 4, 5, 13) Din ir-​reazzjoni negattiva kif ġegħlitu jħossu lil Pawlu? Hu qal: “F’qalbi għandi niket kbir u wġigħ bla waqfien.” (Rumani 9:1-3) Għala ħassu b’dan il-​mod? Għax hu tassew kien iħobb jipprietka u kien iħobb lin-​nies. Pawlu kien jimpurtah verament mil-​Lhud u ħassu mnikket meta m’aċċettawx il-​ħniena t’Alla.

5. (a) X’jimmotivana biex nippritkaw? (b) Għala hu normali li kultant inħossuna skuraġġiti?

5 Bħal Pawlu, aħna nippritkaw lin-​nies għax jimpurtana minnhom u rridu ngħinuhom. (Mattew 22:39; 1 Korintin 11:1) Mill-​esperjenza tagħna nafu illi li naqdu lil Ġeħova hu l-​aħjar mod taʼ ħajja. U rridu ngħinu lil oħrajn jaraw kemm ħajjithom tistaʼ tkun aħjar ukoll. Hu għalhekk li nibqgħu ninkuraġġuhom jitgħallmu l-​verità dwar Ġeħova u l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin. Hu bħallikieku qed niħdulhom rigal sabiħ u nitolbuhom bil-​ħniena: ‘Jekk jogħġbok, aċċettah.’ Allura meta ma jaċċettawx dan ir-​rigal, ikun normali li nħossu ‘wġigħ ġo qalbna,’ bħal Pawlu. Inħossu dan l-​uġigħ mhux għax għandna nuqqas taʼ fidi, imma għax tassew inħobbu lin-​nies. B’hekk, għalkemm kultant għandna mnejn inħossuna skuraġġiti, aħna nkomplu nippritkaw. Forsi naqblu maʼ Elena, pijuniera għal iktar minn 25 sena, li tgħid: “Jien insibu diffiċli x-​xogħol tal-​ippritkar. Imma għalija  m’hemm l-​ebda xogħol ieħor li jiħodlu postu.”

XI JFISSER LI TAGĦTI L-​FROTT?

6. X’mistoqsija se nwieġbu issa?

6 Għala nistgħu nkunu ċerti li jistaʼ jkollna riżultati tajbin fil-​ministeru tagħna minkejja fejn nippritkaw? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija importanti, ejja niddiskutu żewġ tixbihat taʼ Ġesù li fihom jitkellem dwar il-​bżonn li ‘nagħtu l-​frott.’ (Mattew 13:23) L-​ewwel tixbiha hija dwar dielja, jew, siġra tal-​għeneb.

7. (a) Fit-​tixbiha taʼ Ġesù, “il-​bidwi,” “id-​dielja,” u “l-​friegħi” lil min jirrappreżentaw? (b) X’mistoqsija għad irridu nwieġbu?

7 Aqra Ġwanni 15:1-5, 8F’din it-​tixbiha, Ġesù spjega li Ġeħova hu “l-​bidwi,” Ġesù nnifsu hu “d-​dielja,” u d-​dixxipli tiegħu huma “l-​friegħi.” * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Imbagħad Ġesù qal lill-​appostli tiegħu: “Missieri hu glorifikat b’dan, li tibqgħu tagħtu ħafna frott u turu li intom dixxipli tiegħi.” Allura, xi jfisser li tagħti l-​frott? F’din it-​tixbiha, Ġesù ma qalx speċifikament x’inhu dan il-​frott, iżda semma dettall importanti biex jgħinna nsibu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija.

8. (a) Fit-​tixbiha taʼ Ġesù, li “tagħti l-​frott” għala ma tistax tfisser li tagħmel dixxipli ġodda? (b) X’inhi l-​verità dwar dak kollu li Ġeħova jitlobna nagħmlu?

8 Dwar Missieru, Ġesù qal: “Kull fergħa fija li ma tagħtix frott [Ġeħova] jneħħiha.” Fi kliem ieħor, aħna nistgħu nkunu l-​qaddejja taʼ Ġeħova jekk nagħtu l-​frott biss. (Mattew 13:23; 21:43) Mela f’din it-​tixbiha, li nagħtu l-​frott ma jistax ifisser li nagħmlu dixxipli ġodda. (Mattew 28:19) Kieku kien hekk, Xhieda leali li ma għenux lil xi ħadd isir dixxiplu taʼ Ġesù kienu jkunu bħall-​friegħi li ma jagħtux frott. Imma dan ma jistax ikun veru! Għala? Għaliex aħna ma nistgħux nisforzaw lin-​nies biex isiru dixxipli. Ġeħova jħobbna. Qatt mhu se jitlobna nagħmlu xi ħaġa li ma nistgħux nagħmluha. Hu jitlob minna dak li nistgħu nagħmlu biss.—Dewteronomju 30:11-14.

9. (a) Aħna kif nagħtu l-​frott? (b) Liema tixbiha se niddiskutu issa?

9 Mela, xi jfisser li nagħtu l-​frott? Żgur li hi xi ħaġa li lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu. Ġeħova liema xogħol ta lill-​qaddejja tiegħu kollha? L-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Mattew 24:14) It-​tixbiha taʼ Ġesù tar-​raġel li ħareġ jiżraʼ tagħmel dan ċar. Ejja issa niddiskutu din it-​tixbiha.

10. (a) Fit-​tixbiha taʼ Ġesù, x’inhuma ż-​żerriegħa u l-​ħamrija? (b) Zokk tal-​qamħ x’jipproduċi?

10 Aqra Luqa 8:5-8, 11-15. Fit-​tixbiha tar-​raġel li ħareġ jiżraʼ, Ġesù spjega li ż-​żerriegħa hi “l-​kelma t’Alla,” jew il-​messaġġ dwar is-​Saltna t’Alla. Il-​ħamrija hi l-​qalb taʼ persuna. Iż-​żerriegħa li waqgħet f’ħamrija tajba rabbiet l-​għeruq, nibtet, u saret pjanta. Imbagħad, il-​pjanta “għamlet frott għal  mitt darba.” Kieku din il-​pjanta kienet zokk tal-​qamħ, x’tip taʼ frott kienet tipproduċi? Zkuk tal-​qamħ żgħar? Le, kienet tipproduċi żrieragħ li maż-​żmien jikbru u jsiru zkuk tal-​qamħ. F’din it-​tixbiha, żerriegħa waħda pproduċiet 100 żerriegħa. Dan x’jgħallimna dwar il-​ministeru tagħna?

Kif ‘nagħtu l-frott bis-sabar’? (Ara paragrafu 11)

11. (a) It-​tixbiha tar-​raġel li ħareġ jiżraʼ x’tgħallimna dwar il-​ministeru tagħna? (b) Kif nipproduċu żerriegħa ġdida?

11 Meta l-​ġenituri Kristjani tagħna jew xi Xhieda oħrajn għall-​ewwel għallmuna dwar is-​Saltna t’Alla, kien bħallikieku żergħu żerriegħa f’ħamrija tajba. Huma kienu ferħanin ħafna meta raw li aċċettajna l-​messaġġ. Dik iż-​żerriegħa baqgħet tikber u tikber sakemm kienet lesta li tagħti l-​frott. U bħalma z-​zokk tal-​qamħ li semmejna qabel ma jipproduċix zkuk ġodda, iżda żerriegħa ġdida, aħna ma nipproduċux dixxipli ġodda, imma żerriegħa ġdida. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Kif nagħmlu dan? Kull darba li ngħidu lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla, ikun bħallikieku qed inkattru u nxerrdu ż-​żerriegħa li nżergħet f’qalbna. (Luqa 6:45; 8:1) Allura, sakemm nibqgħu nippritkaw il-​messaġġ dwar is-​Saltna t’Alla, aħna ‘nagħtu l-​frott bis-​sabar.’

12. (a) X’nitgħallmu mit-​tixbihat taʼ Ġesù dwar id-​dielja u r-​raġel li ħareġ jiżraʼ? (b) Din it-​tagħlima kif iġġiegħlek tħossok?

12 Aħna x’nitgħallmu mit-​tixbihat taʼ Ġesù dwar id-​dielja u r-​raġel li ħareġ jiżraʼ? Nitgħallmu illi li ‘nagħtu l-​frott’ ma jiddependix minn jekk in-​nies jisimgħux il-​messaġġ. Jiddependi minn jekk nibqgħux nippritkaw. Pawlu qal xi ħaġa simili meta spjega: “Kull wieħed jirċievi l-​premju tiegħu skond il-​ħidma tiegħu.” (1 Korintin 3:8) Ġeħova se jippremjana għax-​xogħol tagħna, mhux għar-​riżultati tax-​xogħol tagħna. Matilda, li ilha 20 sena taqdi bħala pijuniera, tgħid, “Jien ferħana li naf li Ġeħova jippremja l-​isforzi tagħna.”

KIF NISTGĦU NIBQGĦU NAGĦTU L-​FROTT BIS-​SABAR?

13, 14. Skont Rumani 10:1, 2, x’kienu r-​raġunijiet għala Pawlu qatt ma waqaf jipprietka?

13 X’se jgħinna ‘nagħtu l-​frott bis-​sabar’? Ejja naraw l-​eżempju taʼ Pawlu iktar mill-​qrib. Aħna nafu li Pawlu ħassu  skuraġġit għaliex il-​Lhud irrifjutaw il-​messaġġ dwar is-​Saltna. Madankollu, Pawlu qatt ma waqaf jippritkalhom. Hu spjega kif ħassu dwar dawk il-​Lhud meta qal: “Dak li nixtieq minn qalbi u li nitlob bil-​ħerqa lil Alla għalihom hu, tabilħaqq, li jiġu salvati. Għax nixhdilhom li għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-​għarfien eżatt.” (Rumani 10:1, 2) Mela, Pawlu għala kompla jipprietka?

14 L-​ewwel, Pawlu qal li ħass li kellu jipprietka lil-​Lhud minħabba ‘dak li xtaq minn qalbu.’ Hu tassew riedhom jiġu salvati. (Rumani 11:13, 14) It-​tieni, hu semma li ‘jitlob bil-​ħerqa lil Alla għalihom.’ Pawlu talab bil-​ħerqa lil Ġeħova biex jgħin lil Lhud individwali biex jaċċettaw il-​messaġġ dwar is-​Saltna. It-​tielet, Pawlu qal: “Għandhom żelu għal Alla.” Pawlu ra t-​tajjeb fin-​nies u li kienu kapaċi jaqdu lil Ġeħova. Hu kien jaf li dawk il-​Lhud żelużi setgħu jsiru dixxipli żelużi taʼ Kristu, l-​istess bħalu.

15. Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu? Agħti eżempji.

15 Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu? L-​ewwel, għandna verament inkunu rridu nfittxu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.” It-​tieni, aħna nitolbu bil-​ħniena lil Ġeħova biex jgħin lil nies sinċieri jisimgħu meta nippritkawlhom. (Atti 13:48; 16:14) Hekk għamlet Silvana, li  ilha pijuniera għal 30 sena. Hi tgħid, “Qabel ma mmur għand xi ħadd fit-​territorju tiegħi, nitlob lil Ġeħova jagħtini attitudni pożittiva.” Aħna nitolbu wkoll biex l-​anġli jgħinuna nsibu nies li huma lesti li jisimgħu. (Mattew 10:11-13; Rivelazzjoni 14:6) Robert, li ilu pijunier għal iktar minn 30 sena, jgħid, “Huwa eċitanti li taħdem flimkien maʼ anġli li jafu xi jkun għaddej fil-​ħajja tan-​nies fid-​djar.” It-​tielet, aħna nipprovaw naraw it-​tajjeb fin-​nies u li huma kapaċi jaqdu lil Ġeħova. Carl, anzjan li tgħammed ’il fuq minn 50 sena ilu, jgħid, “Jien infittex għal xi sinjal żgħir li juri s-​sinċerità taʼ persuna, forsi xi tbissima, xi ħarsa ħelwa, jew xi mistoqsija onesta.” Jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet, nistgħu ‘nagħtu l-​frott bis-​sabar,’ bħal Pawlu.

“TĦALLIX IDEK TISTRIEĦ”

16, 17. (a) X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Ekkleżjasti 11:6? (b) L-​ippritkar tagħna kif jistaʼ jaffettwa lil dawk li jkunu qed jarawna?

16 Qatt m’għandna ninsew kemm l-​ippritkar tagħna jistaʼ jaffettwa lin-​nies, anke jekk jidher li ħadd ma jrid jismaʼ. (Aqra Ekkleżjasti 11:6.) In-​nies ikunu qed jarawna. Huma jinnotaw li nkunu lebsin pulit, li nuru manjieri tajbin, u li aħna dħulin. Dan jistaʼ jimpressjonahom, u maż-​żmien, anke dawk li kienu jaħsbu b’mod negattiv dwarna għandhom mnejn ibiddlu l-​ħsieb. Sergio u Olinda raw kemm dan kien minnu.

17 Sergio jgħid: “Minħabba l-​mard, għal xi żmien ma rsaqniex lejn il-​pjazza. Meta rġajna morna, in-​nies li kienu jgħaddu s-​soltu staqsewna, ‘Xi ġralkom? Immissjajniekom.’” Olinda żżid bi tbissima: “Ix-​xufiera tal-​karozzi tal-​linja xejrulna u wħud minnhom għajtu minn posthom, ‘Proset tax-​xogħol tagħkom!’ Huma saħansitra talbuna r-​rivisti tagħna.” Sergio u Olinda ħadu sorpriża meta resaq raġel ħdejn l-​istand tagħhom, tahom bukkett fjuri, u rringrazzjahom għax-​xogħol li jagħmlu.

18. Għala int determinat li ‘tagħti l-​frott bis-​sabar’?

18 Sakemm ma “tħallix idek tistrieħ” milli tgħid lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla, int għandek sehem importanti f’li tagħti “xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:14) Fuq kollox, int tistaʼ tkun ferħan ħafna għax taf li qed tferraħ lil Ġeħova. Hu jħobb lil dawk kollha li “jagħtu l-​frott bis-​sabar”!

^ par. 2 Anke Ġesù qal li kien diffiċli jipprietka “f’pajjiżu.” Dan qiegħed imniżżel fl-​erbaʼ rakkonti dwar il-​ministeru tiegħu.—Mattew 13:57; Marku 6:4; Luqa 4:24; Ġwanni 4:44.

^ par. 7 Għalkemm il-​friegħi f’din it-​tixbiha jirreferu għall-​Kristjani li se jmorru s-​sema, it-​tixbiha fiha tagħlim għall-​qaddejja kollha t’Alla.

^ par. 9 L-​espressjoni “tagħti l-​frott” tistaʼ tirreferi wkoll għal li nipproduċu “l-​frott taʼ l-​ispirtu.” Madankollu, dan l-​artiklu u li jmiss jiffokaw fuq li nipproduċu “l-​frott tax-​xofftejn,” jew li nippritkaw dwar is-​Saltna t’Alla.—Galatin 5:22, 23; Ebrej 13:15.

^ par. 11 Drabi oħra, Ġesù uża l-​eżempji taż-​żrigħ u l-​ħsad biex jurina x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.—Mattew 9:37; Ġwanni 4:35-38.