Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 13

Uri li jimpurtak minn oħrajn fil-ministeru tiegħek

Uri li jimpurtak minn oħrajn fil-ministeru tiegħek

“[Ġesù] ħassu mqanqal u tħassarhom . . . U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.”—MK. 6:34.

GĦANJA 70 Fittxu lil min jistħoqqlu

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Liema hi waħda mill-​affarijiet dwar Ġesù li tmissilna qalbna l-​iktar? Spjega.

WAĦDA mill-​affarijiet dwar Ġesù li tmissilna qalbna l-​iktar hi li jifhem il-​problemi li għandna minħabba li aħna imperfetti. Meta kien fuq l-​art, Ġesù kien jaf ‘jifraħ maʼ min jifraħ’ u ‘jibki maʼ min jibki.’ (Rum. 12:15) Pereżempju, meta sebgħin dixxiplu ġew lura ferħanin wara li kellhom riżultati tajbin f’kampanja taʼ pritkar, Ġesù “ħass ferħ kbir bl-​ispirtu qaddis.” (Lq. 10:17-​21) Mill-​banda l-​oħra, meta ra kemm kienu mdejqin il-​ħbieb taʼ Lazzru minħabba li dan miet, Ġesù “karab fl-​ispirtu tiegħu u tnikket.”—Ġw. 11:33.

2. X’għen lil Ġesù juri li jimpurtah minn oħrajn?

2 Għalkemm Ġesù kien raġel perfett, hu kien ħanin ħafna u wera mogħdrija kbira maʼ nies imperfetti. X’għenu jagħmel dan? L-​iktar ħaġa li għenitu kienet l-​imħabba li kellu għan-​nies. Kif semmejna fl-​artiklu taʼ qabel, hu ‘kien jgħożż l-​iktar lil ulied il-​bnedmin.’ (Prov. 8:31) Din l-​imħabba qanqlitu jsir jaf aħjar il-​mod kif il-​bnedmin jaħsbu. L-​appostlu Ġwanni spjega: “Kien jaf x’hemm fil-​bniedem.” (Ġw. 2:25) Ġesù kellu mogħdrija kbira għal oħrajn. In-​nies ħassew l-​imħabba tiegħu għalihom u semgħu l-​messaġġ tas-​Saltna. Iktar ma nitgħallmu jkollna mogħdrija kbira għan-​nies, bħal Ġesù, iktar se nkunu effettivi f’li nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna.—2 Tim. 4:5.

3-4. (a) Jekk inħossu għal oħrajn, kif se nħarsu lejn il-​ministeru tagħna? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

3 L-​appostlu Pawlu kien jaf li kellu l-​obbligu jipprietka, u anki aħna. (1 Kor. 9:16) Madankollu, jekk inħossu għal oħrajn, se nħarsu lejn il-​ministeru tagħna iktar minn sempliċi obbligu. Aħna se nkunu rridu nagħtu prova li jimpurtana min-​nies u rridu ngħinuhom. Nafu li ‘hemm iktar hena meta  nagħtu milli meta nirċievu.’ (Atti 20:35) Meta nippritkaw għax irridu ngħinu lin-​nies, iktar se nieħdu pjaċir nippritkaw.

4 F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu kif nuru li jimpurtana minn oħrajn fil-​ministeru tagħna. L-​ewwel, se naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ħassu dwar in-​nies. Imbagħad, se nikkunsidraw erbaʼ modi kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tiegħu.—1 Pt. 2:21.

ĠESÙ WERA LI JĦOSS GĦAL OĦRAJN FIL-​MINISTERU

Ġesù wera li jħoss għal oħrajn u dan immotivah jipprietka messaġġ taʼ faraġ (Ara paragrafi 5-6)

5-6. (a) Ġesù lil min tħassar? (b) Bħalma kien imbassar f’​Isaija 61:1, 2, Ġesù għala tħassarhom lin-​nies li ppritkalhom?

5 Ikkunsidra eżempju taʼ kif Ġesù wera li jħoss għan-​nies. F’okkażjoni waħda, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kienu għajjenin ħafna għax kienu ppritkaw l-​aħbar tajba mingħajr ma straħu. Huma “lanqas biex jieklu” ma kellhom ċans. Għalhekk, Ġesù ħa lid-​dixxipli f’“post imwarrab” biex ikunu waħedhom u ‘jistrieħu ftit.’ Imma folla kbira marret tgħaġġel fil-​post fejn Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kienu sejrin. Meta Ġesù wasal hemm u ra lin-​nies, kif irreaġixxa? Hu “ħassu mqanqal u tħassarhom, * għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.”—Mk. 6:30-34.

6 Ġesù għala tħassarhom lin-​nies, jew wera li jimpurtah minnhom? Hu nnota li n-​nies “kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” Forsi Ġesù ra li xi wħud kienu foqra u kienu qed jaħdmu iebes ħafna biex jipprovdu għall-​familji tagħhom. Forsi oħrajn kienu mnikktin għax tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt. Jekk inhu hekk, Ġesù x’aktarx setaʼ jifhem is-​sitwazzjoni tagħhom. Bħalma ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel, Ġesù għandu mnejn li ffaċċja ftit minn dawn il-​problemi. Hu kien jimpurtah minn oħrajn, u ħassu mmotivat jagħtihom messaġġ taʼ faraġ.—Aqra Isaija 61:1, 2.

7. Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù?

 7 X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù? Bħalu, aħna mdawrin b’nies li huma “bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” Dawn jiffaċċjaw ħafna problemi. Aħna għandna dak li għandhom bżonn—il-​messaġġ tas-​Saltna. (Riv. 14:6) Għalhekk, biex nimitaw lil Ġesù, is-​Sid tagħna, aħna nippritkaw l-​aħbar tajba għax ‘jiddispjaċina għall-​batut u għall-​fqir.’ (Salm 72:13) Aħna nitħassruhom lin-​nies, u rridu nagħmlu xi ħaġa biex ngħinuhom.

KIF NISTGĦU NURU LI JIMPURTANA MINN OĦRAJN

Aħseb fil-bżonnijiet taʼ kull individwu (Ara paragrafi 8-9)

8. Liema hu mod wieħed kif nistgħu nuru li jimpurtana min-​nies fil-​ministeru? Agħti eżempju.

8 X’jistaʼ jgħinna nuru li jimpurtana min-​nies li nippritkawlhom? Irridu npoġġu lilna nfusna fis-​sitwazzjoni tagħhom u nittrattawhom bil-​mod li aħna nixtiequ li niġu trattati. * (Mt. 7:12) Ejja niddiskutu erbaʼ modi speċifiċi kif nistgħu nagħmlu dan. L-​ewwel, aħseb fil-​bżonnijiet taʼ kull individwu. Nistgħu nqabblu dak li nagħmlu fl-​ippritkar maʼ dak li jagħmel tabib maʼ pazjent. Tabib tajjeb jaħseb dwar il-​bżonnijiet taʼ kull pazjent. Hu jsaqsi mistoqsijiet u jismaʼ b’attenzjoni hekk kif il-​pazjent ifiehmu x’qed iħoss jew x’inhuma s-​sintomi. Minflok ma jaqbad u jagħtih l-​ewwel mediċina li tiġih f’moħħu, it-​tabib jeżaminah iktar biex jiddetermina x’inhi l-​problema u mbagħad jagħtih l-​aħjar mediċina. B’mod simili, aħna m’għandniex nużaw l-​istess metodu biex nibdew konversazzjoni man-​nies kollha li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru. Minflok, għandna nipprovaw nifhmu ċ-​ċirkustanzi u l-​opinjonijiet taʼ kull persuna.

9. X’m’għandniex nassumu? Spjega.

9 Meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd fil-​ministeru, tassumix li taf x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tiegħu jew dak li jemmen u għala jemmen hekk. (Prov. 18:13) Minflok, staqsi mistoqsijiet b’rispett biex tkun taf iktar dwaru. (Prov. 20:5) Jekk ikun xieraq fil-​kultura tiegħek, staqsih dwar ix-​xogħol, il-​familja, it-​trobbija, u l-​opinjoni tiegħu. Meta nsaqsu mistoqsijiet lin-​nies, aħna nkunu qed inħalluhom jgħidulna għala għandhom bżonn l-​aħbar tajba. Meta nkunu nafu dan, nistgħu nuruhom li jimpurtana mill-​bżonnijiet speċifiċi tagħhom u nagħtuhom l-​għajnuna li għandhom bżonn, bħalma għamel Ġesù.—Qabbel l-​1 Korintin 9:19-23.

Immaġina minn xiex ikun għaddej xi ħadd li se tagħtih xhieda (Ara paragrafi 10-11)

10-11. Fi qbil mat-​2 Korintin 4:7, 8, liema hu t-​tieni mod li bih nistgħu nuru li jimpurtana minn oħrajn? Agħti eżempju.

10 It-​tieni, ipprova immaġina minn xiex in-​nies ikunu għaddejjin. B’xi  mod, aħna nistgħu nifhmu s-​sitwazzjoni tagħhom. Wara kollox aħna imperfetti, u għalhekk anki aħna għandna l-​problemi. (1 Kor. 10:13) Aħna nafu li f’din is-​sistema preżenti l-​ħajja tistaʼ tkun veru diffiċli. Aħna nissaportu bl-​għajnuna taʼ Ġeħova biss. (Aqra t-​2 Korintin 4:7, 8.) Imma aħseb f’dawk li m’għandhomx ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova. Min jaf kemm hu diffiċli għalihom li jgħixu f’din id-​dinja mingħajr l-​għajnuna tiegħu. Bħal Ġesù, aħna nitħassruhom, u rridu ngħidulhom “aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.”—Is. 52:7.

11 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ ħu jismu Sergey. Qabel ma tgħallem il-​verità, hu kien mistħi u kwiet. Kien diffiċli ħafna għalih li jitkellem m’oħrajn. Maż-​żmien, aċċetta studju tal-​Bibbja. “Hekk kif studjajt il-​Bibbja, tgħallimt li l-​Kristjani għandhom l-​obbligu li jaqsmu l-​fidi tagħhom m’oħrajn,” jgħid Sergey. “Onestament kont nemmen li jien qatt ma stajt nagħmel dan.” Madankollu, xħin ħaseb f’dawk li kienu għadhom ma semgħux bil-​verità, hu rrealizza kemm setgħet tkun diffiċli l-​ħajja għal dawk li ma jafux lil Ġeħova. “L-​affarijiet ġodda li bdejt nitgħallem ġabuli ħafna ferħ u paċi,” hu jgħid. “Kont naf li oħrajn għandhom bżonn jitgħallmu dawn il-​veritajiet ukoll.” Hekk kif Sergey beda jħoss iktar għan-​nies, hu nnota li kellu iktar kuraġġ jipprietka. “B’sorpriża għalija,” jgħid hu, “li nitkellem m’oħrajn dwar il-​Bibbja fil-​fatt għenni nħossni kunfidenti iktar u saħħaħli l-​fidi tiegħi.” *

Jistaʼ jieħu ż-żmien biex uħud jagħmlu progress spiritwali (Ara paragrafi 12-13)

12-13. Għala għandna bżonn inkunu paċenzjużi maʼ dawk li ngħallmu fil-​ministeru? Agħti eżempju.

12 It-​tielet, kun paċenzjuż maʼ dawk li qed tgħallem. Ftakar li huma forsi qatt ma ħasbu dwar ċerti veritajiet tal-​Bibbja li aħna nafu sew. U ħafna huma konvinti ferm f’dak li jemmnu. Għandu mnejn jaraw ir-​reliġjon tagħhom bħala ħaġa importanti għax din tgħaqqadhom  mal-​familja, mal-​kultura, u man-​nies fejn joqogħdu. Kif nistgħu ngħinuhom?

13 Aħseb f’dan l-​eżempju: X’jiġri meta pont antik ikollu bżonn jiġi mibdul? Spiss, pont ġdid jibda jinbena waqt li l-​pont antik ikun għadu qed jintuża. Xħin jitlesta l-​pont il-​ġdid, l-​antik jistaʼ jiġi meqrud. B’mod simili, qabel ma ngħidu lin-​nies biex jabbandunaw it-​twemmin “antik” li hu prezzjuż ħafna għalihom, l-​ewwel forsi jkollna bżonn ngħinuhom isiru jafu u jħobbu veritajiet “ġodda” mill-​Bibbja, li ma kinux jafu bihom qabel ma bdew jistudjaw. Huwa biss wara li jsir dan li jkunu lesti jabbandunaw it-​twemmin tagħhom. Jistaʼ jieħu ż-​żmien biex ngħinu lin-​nies jagħmlu bidliet bħal dawn.—Rum. 12:2.

14-15. Kif nistgħu ngħinu lil dawk li ftit li xejn jafu dwar it-​tama li jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-​art? Agħti eżempju.

14 Jekk inkunu paċenzjużi man-​nies fil-​ministeru, m’aħniex se nistennew li jifhmu jew jaċċettaw il-​verità tal-​Bibbja mill-​ewwel. Minflok, il-​fatt li jimpurtana minnhom se jimmotivana biex bil-​mod il-​mod ngħinuhom jaħsbu sew dwar dak li tgħid il-​Bibbja. Bħala eżempju, ikkunsidra kif għandu mnejn ngħinu lil xi ħadd jifhem it-​tama li ngħixu għal dejjem f’ġenna tal-​art. Ħafna wħud ftit li xejn jafu dwar dan. Huma forsi jemmnu li meta xi ħadd imut, kollox jispiċċa. Jew forsi jaħsbu li n-​nies tajbin kollha jmorru s-​sema. Kif nistgħu ngħinuhom?

15 Dan hu mod effettiv kif ħu jgħin lin-​nies jifhmu t-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. L-​ewwel hu jaqra Ġenesi 1:28. Imbagħad, jistaqsi lill-​inkwilin fejn u x’tip taʼ ħajja Alla xtaq li l-​bnedmin jgħixu. Ħafna jwieġbu, “Alla ried li l-​bnedmin jgħixu ħajja sabiħa fuq l-​art.” Imbagħad, il-​ħu jaqra Isaija 55:11 u jistaqsihom jekk inbidilx l-​iskop t’Alla. Spiss, l-​inkwilin iwieġeb le. Fl-​aħħar, il-​ħu jaqra Salm 37:10, 11 u jistaqsi kif se jkun il-​futur għall-​umanità. Billi juża l-​Bibbja b’dan il-​mod, hu għen lil numru taʼ nies jifhmu li Alla għadu jixtieq li l-​bnedmin jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art.

Att żgħir taʼ qalb tajba, bħal li tibgħat ittra inkuraġġanti, jistaʼ jagħmel ħafna ġid (Ara paragrafi 16-17)

16-17. Bi Proverbji 3:27 f’moħħna, x’inhuma xi modi prattiċi li bihom nistgħu nuru li jimpurtana minn oħrajn? Agħti eżempju.

16 Ir-​rabaʼ, aħseb f’modi prattiċi li bihom tistaʼ turi li jimpurtak minn oħrajn. Pereżempju, morna aħna f’ħin li mhuwiex konvenjenti għall-​inkwilin? Nistgħu niskużaw ruħna u noffru li mmorru f’ħin aħjar. Xi ngħidu jekk l-​inkwilin għandu bżonn l-​għajnuna f’xi ħaġa żgħira? Jew, għandu hu bżonn xi qadja għax ma jistax joħroġ mid-​dar minħabba li ma jiflaħx jew kbir fl-​età? F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jistaʼ jkun li nkunu nistgħu ngħinu l-​persuna.—Aqra Proverbji 3:27.

17 Waħda oħt kellha riżultati tajbin b’att  żgħir taʼ qalb tajba li setaʼ deher mhux importanti. Għax ħasset għal oħrajn, hi kitbet ittra lil familja li kienu għadhom kif tilfu tarbija fil-​mewt. L-​ittra inkludiet versi taʼ faraġ mill-​Bibbja. X’effett kellha l-​ittra fuq il-​familja? L-​omm imnikkta kitbet: “Ilbieraħ kelli ġurnata diffiċli ħafna. M’għandekx idea kemm għenitna l-​ittra tiegħek. Ma nistax nirringrazzjak biżżejjed jew nibda niddeskrivi kemm fissret għalina. Naħseb li qrajtha minn tal-​inqas 20 darba lbieraħ. Grazzi tal-​qalb tajba tiegħek. L-​ittra vera inkuraġġietna u farrġitna. Grazzi minn qiegħ qalbna.” Aħna żgur li jistaʼ jkollna riżultati tajbin meta nipprovaw nifhmu kemm hi diffiċli l-​ħajja għan-​nies li qed ibatu u mbagħad nagħmlu xi ħaġa biex ngħinuhom.

AĦNA NAGĦMLU DAK LI NISTGĦU

18. Fi qbil mal-​1 Korintin 3:6, 7, x’għandna niftakru dwar il-​ministeru tagħna, u għala?

18 M’għandniex nistennew iżżejjed minna nfusna fil-​ministeru. Veru li aħna involuti f’li ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla, imma m’aħniex nagħmlu l-​iktar parti importanti tax-​xogħol. (Aqra l-​1 Korintin 3:6, 7.) Ġeħova huwa l-​wieħed li jiġbed lin-​nies. (Ġw. 6:44) Fl-​aħħar mill-​aħħar, jekk persuna taċċettax jew le l-​aħbar tajba jiddependi mill-​kundizzjoni taʼ qalbha. (Mt. 13:4-8) Ftakar li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies m’aċċettawx il-​messaġġ taʼ Ġesù—u hu kien l-​aqwa Għalliem li qatt eżista! Mela, m’għandniex niskuraġġixxu ruħna jekk ħafna nies li nipprovaw ngħinu ma jwiġbux b’mod tajjeb.

19. Liema riżultati tajbin se jkollna meta nuru li jimpurtana minn oħrajn fil-​ministeru?

19 Aħna jkollna riżultati tajbin meta nuru li jimpurtana minn oħrajn fil-​ministeru. Se nieħdu pjaċir iktar fix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar. Se nesperjenzaw il-​ferħ kbir li jiġi meta nagħtu. U se nagħmluha eħfef għal dawk b’“attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” biex jaċċettaw l-​aħbar tajba. (Atti 13:48) Għalhekk “dment li għandna ż-​żmien favorevoli għal dan, ħa nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd.” (Gal. 6:10) Imbagħad se jkollna l-​ferħ li jiġi milli nagħtu glorja lil Missierna tas-​sema.—Mt. 5:16.

GĦANJA 64 Bil-​ferħ nieħdu sehem fil-​ħsad

^ par. 5 Meta nuru li jimpurtana minn oħrajn, jistaʼ jkollna iktar ferħ fil-​ministeru u n-​nies għandu mnejn ikunu iktar lesti jisimgħu l-​messaġġ tagħna. Dan għala? F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw dak li nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù, kif ukoll erbaʼ modi kif nistgħu nuru li jimpurtana minn dawk li niltaqgħu magħhom waqt ix-​xogħol tal-​ippritkar.

^ par. 5 ESPRESSJONI SPJEGATA: Li titħassar ifisser li tħoss mogħdrija kbira għal xi ħadd li qed ibati jew li ġie trattat b’mod aħrax. Meta nħossuna b’dan il-​mod, nistgħu niġu mmotivati nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lin-​nies.

^ par. 8 Ara l-​artiklu “Segwi r-​Regola tad-​Deheb fil-​ministeru tiegħek” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju 2014.

^ par. 11 Ara l-​vidjow “Qatt tieqaf tittama!—Sergey Botankin.” Mur fuq JW Broadcasting, u kklikkja fuq INTERVISTI U ESPERJENZI > IL-​VERITÀ TBIDDEL IL-​ĦAJJIET.