Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 12

Uri li jimpurtak minn kif iħossuhom oħrajn

Uri li jimpurtak minn kif iħossuhom oħrajn

‘Intom ilkoll . . . ħossu għal xulxin.’—1 PT. 3:8.

GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Fi qbil mal-​1 Pietru 3:8, aħna għala nieħdu pjaċir nagħmluha maʼ nies li jimpurtahom minn kif inħossuna u kif sejrin fil-​ħajja?

ILKOLL nieħdu pjaċir nagħmluha maʼ nies li jimpurtahom minn kif inħossuna u kif sejrin fil-​ħajja. Huma jippruvaw ipoġġu lilhom infushom fis-​sitwazzjoni tagħna, biex jifhmu dak li qed naħsbu u nħossu. Huma jinnotaw dak li għandna bżonn u joffru l-​għajnuna saħansitra qabel ma nitolbuhielhom. Aħna ngħożżu u napprezzaw uħud li juru li ‘jħossu għalina.’ *Aqra l-​1 Pietru 3:8.

2. Għala għandna bżonn naħdmu iebes biex nuru l-​empatija?

2 Bħala Kristjani, ilkoll irridu nuru l-​empatija, jew inħossu għal xulxin. Imma fir-​realtà, dan mhux dejjem faċli nagħmluh. Għala? Raġuni waħda hi li aħna imperfetti. (Rum. 3:23) B’mod naturali aħna naħsbu l-​iktar dwarna nfusna. Għalhekk, għandna naħdmu iebes biex naħsbu f’oħrajn. Ukoll, xi wħud isibuha diffiċli li juru l-​empatija minħabba t-​trobbija tagħhom jew dak li ġralhom f’ħajjithom. U xi ħaġa oħra li tistaʼ taffettwana hi l-​attitudni tan-​nies li aħna mdawrin bihom. F’dawn l-​aħħar jiem, ħafna ma jimpurtahomx mis-​sentimenti t’oħrajn. Minflok, huma “jħobbu lilhom infushom.” (2 Tim. 3:1, 2) X’jistaʼ jgħinna negħlbu dawn l-​isfidi li jagħmluha diffiċli għalina li nuru li jimpurtana minn oħrajn?

3. (a) Kif nistgħu nħossu iktar għal xulxin? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 Jekk nimitaw lil Alla Ġeħova u lil Ibnu, Ġesù Kristu, aħna se nħossu iktar għal xulxin. Ġeħova huwa Alla taʼ  mħabba, u ħallielna l-​aqwa eżempju f’li juri li jimpurtah minn oħrajn. (1 Ġw. 4:8) Ġesù imita perfettament il-​personalità taʼ Missieru. (Ġw. 14:9) Meta kien fuq l-​art, hu wera kif bniedem jistaʼ juri mogħdrija. F’dan l-​artiklu, l-​ewwel se nikkunsidraw kif Ġeħova u Ġesù wrew li jimpurtahom minn kif iħossuhom oħrajn. Imbagħad, se nikkunsidraw kif nistgħu nimitaw l-​eżempji tagħhom.

KIF ĠEĦOVA JIMPURTAH MINN OĦRAJN

4. Isaija 63:7-9 kif juri li Ġeħova jimpurtah minn kif iħossuhom il-​qaddejja tiegħu?

4 Il-​Bibbja tgħallimna li Ġeħova jimpurtah minn kif iħossuhom il-​qaddejja tiegħu. Pereżempju, ikkunsidra kif ħassu Ġeħova meta l-​Iżraelin tal-​qedem batew minħabba diversi provi. “Kulmeta kienu mnikktin hu kien imnikket,” tgħid il-​Kelma t’Alla. (Aqra Isaija 63:7-9.) Iktar tard, permezz tal-​profeta Żakkarija, Ġeħova qal li meta n-​nies tiegħu jiġu trattati ħażin, dan ikun qisu qed jiġi trattat ħażin hu. Ġeħova qal lill-​qaddejja tiegħu: “Għax dak li qed imisskom qed imiss il-​mimmi t’għajnejja.” (Żak. 2:8) X’deskrizzjoni mill-​isbaħ taʼ kemm Ġeħova jimpurtah min-​nies tiegħu!

Ġeħova b’mogħdrija ħeles lill-Iżraelin mill-jasar fl-Eġittu (Ara paragrafu 5)

5. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova aġixxa biex jgħin lill-​qaddejja tiegħu li jbatu.

5 Ġeħova mhux biss iħoss mogħdrija għall-​qaddejja tiegħu li jbatu. Hu jaġixxi biex jgħinhom. Pereżempju, meta l-​Iżraelin kienu qed ibatu bħala lsiera fl-​Eġittu, Ġeħova fehem l-​uġigħ tagħhom u ħassu mqanqal biex iserraħhom. Ġeħova qal lil Mosè: “Bla dubju jien rajt is-​sofferenza tan-​nies tiegħi . . . , u smajt l-​għajta tagħhom . . . għaliex naf tajjeb kemm qed isofru. U se ninżel neħlishom minn id l-​Eġizzjani.” (Eżo. 3:7, 8) Minħabba li Ġeħova ħass mogħdrija għan-​nies tiegħu, hu ħelishom mill-​jasar. Mijiet taʼ snin wara, fl-​Art Imwiegħda, l-​Iżraelin ġew attakkati mill-​għedewwa. Kif irreaġixxa Ġeħova? Hu ‘ddispjaċieh għat-​tnehid tagħhom minħabba dawk li kienu qed jaħqruhom u dawk li kienu qed jitfgħuhom ’l hemm u ’l hawn.’ Għal darb’oħra, Ġeħova ħass empatija għan-​nies tiegħu, u għalhekk għamel xi ħaġa biex jgħinhom. Hu bagħat l-​imħallfin biex isalva l-​Iżraelin mill-​għedewwa tagħhom.—Mħ. 2:16, 18.

6. Agħti eżempju li juri li Ġeħova jimpurtah minn kif iħossu xi ħadd li kellu raġunar mhux tajjeb.

 6 Ġeħova jimpurtah minn kif iħossuhom in-​nies tiegħu, anki meta r-​raġunar tagħhom mhux dejjem ikun tajjeb. Ħu l-​eżempju taʼ Ġona. Alla bagħat lill-​profeta tiegħu jipprietka messaġġ taʼ ġudizzju kontra n-​Ninwin. Meta dawn nidmu, Alla għażel li ma jeqridhomx. Però, Ġona ma ħax pjaċir b’din id-​deċiżjoni. Hu rrabja ħafna għax il-​profezija tiegħu dwar il-​qerda taʼ Ninwe ma twettqitx. Imma Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona u għenu jaġġusta l-​mod kif kien qed jirraġuna. (Ġona 3:10; 4:1-11.) Wara, Ġona fehem dak li Ġeħova kien qed jgħallmu, u anki ġie użat minn Ġeħova biex iniżżel bil-​miktub dan ir-​rakkont għall-​benefiċċju tagħna.—Rum. 15:4. *

7. Il-​mod kif Ġeħova jittratta mal-​qaddejja tiegħu minn xiex jaċċertana?

7 Kif Ġeħova jittratta man-​nies tiegħu jaċċertana li hu għandu empatija għall-​qaddejja tiegħu. Hu konxju tal-​uġigħ u t-​tbatija taʼ kull wieħed minna. Ġeħova ‘jaf tajjeb qalb il-​bnedmin.’ (2 Kron. 6:30) Hu jifhem il-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet kollha tagħna, kif ukoll il-​limitazzjonijiet. U hu ‘ma jħalliniex niġu ttantati iktar milli nifilħu.’ (1 Kor. 10:13) Kemm hi taʼ serħan din il-​wegħda!

KIF ĠESÙ JIMPURTAH MINN OĦRAJN

8-10. Liema affarijiet għenu lil Ġesù biex jimpurtah minn oħrajn?

8 Meta kien fuq l-​art bħala bniedem, Ġesù kien jimpurtah ħafna min-​nies. Hemm minn tal-​inqas tliet affarijiet li għenu lil Ġesù biex jimpurtah minn oħrajn. L-​ewwel, kif semmejna qabel, il-​personalità taʼ Ġesù kienet eżatt bħal taʼ Missieru tas-​sema. Bħal Missieru, Ġesù ħabb lin-​nies. Għalkemm ħa pjaċir jgħin lil Ġeħova jagħmel kollox, Ġesù ‘kien jgħożż l-​iktar lil ulied il-​bnedmin.’ (Prov. 8:31) L-​imħabba qanqlet lil Ġesù biex jimpurtah minn kif ħassewhom oħrajn.

9 It-​tieni, bħal Ġeħova, Ġesù setaʼ jaqra l-​qlub. Hu setaʼ jkun jaf il-​mottivi tan-​nies u kif ħassewhom. (Mt. 9:4; Ġw. 13:10, 11) Allura meta Ġesù nnota li n-​nies kienu mdejqin ħafna, hu kien jimpurtah minnhom, u għalhekk tahom serħan.—Is. 61:1, 2; Lq. 4:17-21.

10 It-​tielet, Ġesù stess iffaċċja ftit mill-​problemi li n-​nies iffaċċjaw. Pereżempju, Ġesù milli jidher trabba ġo familja fqira. Mill-​missier adottiv tiegħu, Ġużeppi, Ġesù tgħallem kif jagħmel xogħol iebes. (Mt. 13:55; Mk. 6:3) Jistaʼ jkun li Ġużeppi miet xi żmien qabel ma Ġesù beda l-​ministeru tiegħu. Għalhekk, Ġesù x’aktarx li ħass l-​uġigħ taʼ li titlef lil xi ħadd maħbub fil-​mewt. U Ġesù kien jaf x’jiġifieri li tkun ġo familja b’opinjonijiet reliġjużi differenti. (Ġw. 7:5) Dawn iċ-​ċirkustanzi u oħrajn għenu lil Ġesù jifhem l-​isfidi u l-​emozzjonijiet tan-​nies komuni.

’Il bogħod mill-folla, Ġesù b’mogħdrija jfejjaq raġel nieqes mis-smigħ (Ara paragrafu 11)

11. Li Ġesù jimpurtah min-​nies meta deher speċjalment ċar? Spjega. (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

11 Li Ġesù kien jimpurtah min-​nies deher speċjalment ċar mill-​mirakli li għamel. Hu ma wettaqhomx sempliċiment għax hekk kellu jagħmel. Ġesù “ħassu mqanqal u tħassarhom” lil dawk li kienu qed ibatu. (Mt. 20:29-34; Mk. 1:40-42) Pereżempju, immaġina kif ħassu Ġesù  hekk kif ħa lil raġel b’nuqqas taʼ smigħ ’il bogħod mill-​folla u fejqu jew kif ħassu meta qajjem lill-​uniku tifel li kellha armla. (Mk. 7:32-35; Lq. 7:12-15) Ġesù ddispjaċieh għalihom u ried jgħinhom.

12. Ġwanni 11:32-35 kif juri li Ġesù ħass għal Marta u Marija?

12 Ġesù wera li ħass għal Marta u Marija. Meta rahom jibku minħabba l-​mewt taʼ ħuhom, Lazzru, “Ġesù qabiżlu d-​dmugħ.” (Aqra Ġwanni 11:32-35.) Hu ma bekiex għax ma setax ikun iktar mal-​ħabib tal-​qalb tiegħu. Wara kollox, hu kien jaf li se jirxoxtah. Pjuttost, Ġesù beka għax fehem u ħass l-​uġigħ taʼ qalb li kellhom huma.

13. Kif niġu inkuraġġiti li nafu li Ġesù għandu empatija għan-​nies?

13 Hu taʼ benefiċċju kbir għalina li nafu li Ġesù għandu empatija għan-​nies. U aħna nħobbuh għax hu tratta m’oħrajn b’mogħdrija. (1 Pt. 1:8) Li nafu li issa hu qed imexxi bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla jinkuraġġina. Hu dalwaqt se jneħħi t-​tbatija kollha. Peress li Ġesù għex bħala bniedem fuq l-​art u ssaporta kull tip taʼ provi u tbatija, hu qiegħed fl-​aħjar pożizzjoni biex jgħin lin-​nies jirkupraw mill-​uġigħ u t-​tbatija terribbli li l-​ħakma taʼ Satana ġabet. Kemm aħna mberkin li għandna Mexxej li jistaʼ “jagħder [jew, jifhem] id-​dgħjufijiet tagħna.”—Ebr. 2:17, 18; 4:15, 16.

IMITA L-​EŻEMPJU LI TAWNA ĠEĦOVA U ĠESÙ

14. Meta nqisu x’jgħidilna Efesin 5:1, 2, x’aħna mmotivati li nagħmlu?

14 Meta naħsbu dwar l-​eżempju li tawna Ġeħova u Ġesù, niġu mmotivati biex nuru li jimpurtana iktar min-​nies. (Aqra Efesin 5:1, 2.) Aħna ma nistgħux naqraw il-​qlub bħalhom. Minkejja dan, nistgħu nipprovaw nifhmu l-​emozzjonijiet u l-​bżonnijiet t’oħrajn. (2 Kor. 11:29) Kuntrarju għan-​nies egoisti f’din id-​dinja, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ma ‘nfittxux l-​interessi persunali tagħna biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.’—Flp. 2:4.

(Ara paragrafi 15-19) *

15. Min b’mod partikolari għandu bżonn juri li jimpurtah minn oħrajn?

15 L-​anzjani fil-​kongregazzjoni b’mod partikolari għandhom bżonn juru li jimpurtahom minn oħrajn. Ġeħova se jżommhom responsabbli għal kif jieħdu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu. (Ebr. 13:17) Biex jgħinu lil ħuthom, l-​anzjani hemm bżonn li jifhmuhom. Kif jistgħu juru dan?

16. Anzjan li jimpurtah minn oħrajn x’jagħmel, u dan għala hu importanti?

16 Anzjan li jimpurtah minn oħrajn iqattaʼ ħin maʼ ħutu l-​Kristjani. Hu jsaqsi mistoqsijiet u mbagħad jismaʼ b’attenzjoni u bil-​paċenzja. Dan hu speċjalment importanti jekk waħda minn dawn in-​nagħaġ għeżież trid tesprimi l-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tagħha imma ssibha diffiċli ssib il-​kliem addattat. (Prov. 20:5) Meta anzjan minn jeddu jqattaʼ ħin mal-​aħwa, dawn iktar se jafdawh, iħobbuh, u l-​ħbiberija taʼ bejniethom se tissaħħaħ.—Atti 20:37.

17. Ħafna aħwa x’jgħidu li hi l-​iktar kwalità li japprezzaw fl-​anzjani? Agħti eżempju.

17 Ħafna aħwa jgħidu li l-​iktar kwalità li japprezzaw fl-​anzjani tal-​kongregazzjoni hi li dawn jimpurtahom minnhom. Għala? “Hu eħfef li titkellem magħhom għax taf li se jifhmuk,” tgħid Adelaide. Hi żżid: “Int tistaʼ tinduna li jimpurtahom minnek bil-​mod kif jaġixxu meta titkellem magħhom.” Ħu li japprezza l-​mod kif anzjan trattah jgħid: “Rajt għajnejh jimtlew bid-​dmugħ hekk kif kont qed ngħidlu  s-​sitwazzjoni tiegħi. Qatt mhu se ninsieh dan.”—Rum. 12:15.

18. Kif nistgħu niżviluppaw il-​kwalità li jimpurtana minn oħrajn?

18 Kif nafu, mhux l-​anzjani biss għandhom bżonn juru li jimpurtahom minn oħrajn. Ilkoll kemm aħna nistgħu niżviluppaw din il-​kwalità. Kif? Ipprova ifhem id-​diffikultajiet li l-​membri tal-​familja tiegħek u l-​aħwa fil-​kongregazzjoni għandhom. Ħu interess fiż-​żgħażagħ tal-​kongregazzjoni u anki f’dawk morda, fl-​uħud kbar fl-​età, u f’dawk li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt. Staqsihom kif inhuma. Ismaʼ b’attenzjoni meta jesprimu lilhom infushom. Għinhom iħossu li verament qed tifhem is-​sitwazzjoni tagħhom. Offri li tgħinhom b’kull mod li tistaʼ. Meta nagħmlu dan, nuru mħabba ġenwina fl-​azzjoni.—1 Ġw. 3:18.

19. Għala għandna bżonn inkunu flessibbli meta nipprovaw ngħinu lil oħrajn?

19 Għandna bżonn inkunu flessibbli meta nipprovaw ngħinu lil oħrajn. Għala? Għax mhux kulħadd jirreaġixxi l-​istess għad-​diffikultajiet. Xi wħud ikunu jridu jitkellmu, waqt li oħrajn ma jħobbux jitkellmu dwar il-​problemi tagħhom. Għalhekk, għalkemm irridu ngħinuhom m’għandniex insaqsu mistoqsijiet li jġegħluhom iħossuhom skomdi. (1 Tess. 4:11) Anki meta jibdew jgħidulna kif iħossuhom, jaf aħna ma naqblux magħhom. Però, għandna bżonn niftakru li dan hu kif iħossuhom huma. Irridu nkunu ħfief biex nisimgħu u tqal biex nitkellmu.—Mt. 7:1; Ġak. 1:19.

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Aħna rridu nuru li jimpurtana minn oħrajn mhux biss fil-​kongregazzjoni, imma anki fil-​ministeru. Kif nistgħu nuru li jimpurtana minn oħrajn meta nagħmlu dixxipli? Se nikkunsidraw dan fl-​artiklu li jmiss.

GĦANJA 130 Aħfer

^ par. 5 Ġeħova u Ġesù jimpurtahom minn kif iħossuhom oħrajn. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tagħhom. Se niddiskutu wkoll għala għandna bżonn nuru li nħossu għal xulxin u kif nistgħu nagħmlu dan.

^ par. 1 ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: Li ‘nħossu għal xulxin’ ifisser li nipprovaw nifhmu dak li oħrajn qed iħossu u li nħossu t-​tbatija tagħhom. (Rum. 12:15) F’dan l-​artiklu, li ‘nħossu għal xulxin’ u li “jimpurtana minn oħrajn” ifissru l-​istess ħaġa.

^ par. 6 Ġeħova wera mogħdrija wkoll maʼ qaddejja leali oħra li kienu skuraġġiti jew imbeżżgħin. Aħseb fir-​rakkonti taʼ Ħanna (1 Sam. 1:10-20), Elija (1 Slat. 19:1-18), u Għebed-​melek (Ġer. 38:7-13; 39:15-18).

^ par. 65 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Il-​laqgħat Kristjani jagħtuna ħafna opportunitajiet biex nuru li jimpurtana minn xulxin. Naraw (1) anzjan li b’qalb tajba qed jitkellem maʼ pubblikatur żgħir u ommu, (2) missier u bintu jgħinu oħt kbira fl-​età tirkeb fil-​karozza, u (3) żewġ anzjani jisimgħu b’attenzjoni lil oħt li għandha bżonn parir.