Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 11

Isma’ minn leħen Ġeħova

Isma’ minn leħen Ġeħova

“Dan hu Ibni . . . isimgħu minnu.”—MT. 17:5.

GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Ġeħova kif ikkomunika mal-​bnedmin? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

ĠEĦOVA jħobb jikkomunika magħna. Fil-​passat, hu uża lill-​profeti, lill-​anġli, u lil Ibnu, Kristu Ġesù, biex inkunu nafu l-​ħsibijiet tiegħu. (Għam. 3:7; Gal. 3:19; Riv. 1:1) Illum, jikkomunika magħna permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Hu tahielna biex inkunu nistgħu nitgħallmu dwar il-​ħsibijiet tiegħu u nifhmu l-​mogħdijiet tiegħu.

2 Meta Ġesù kien fuq l-​art, Ġeħova tkellem mis-​sema fi tliet okkażjonijiet. Ejja nikkunsidraw x’qal Ġeħova, x’nistgħu nitgħallmu minn kliemu, u kif nibbenefikaw minn dak li qal.

“INT IBNI, IL-​MAĦBUB”

3. Bħalma naqraw f’​Marku 1:9-11, x’qal Ġeħova meta tgħammed Ġesù, u dan il-​kliem liema veritajiet importanti kkonferma?

3 F’​Marku 1:9-​11 hemm imniżżel dwar l-​ewwel okkażjoni li fiha Ġeħova tkellem mis-​sema. (Aqra.) Hu qal: “Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.” Min jaf kemm Ġesù ħassu grat meta semaʼ leħen Missieru jesprimi mħabba lejh u fiduċja fih! Kliem Ġeħova kkonferma tliet veritajiet importanti dwar Ġesù. L-​ewwel, Ġesù hu Ibnu. It-​tieni, Ġeħova jħobb lil Ibnu. U t-​tielet, Ġeħova approva lil Ibnu. Ejja neżaminaw sew kull waħda.

4. Fil-​magħmudija tiegħu, Ġesù daħal f’liema relazzjoni ġdida m’Alla?

4 “Int Ibni.” B’dan il-​kliem, Ġeħova wera li Ibnu l-​maħbub, Ġesù, kien daħal f’relazzjoni ġdida Miegħu. Meta Ġesù kien fis-​sema, hu kien iben spirtu t’Alla.  Madankollu, fil-​magħmudija tiegħu, ġie midluk bl-​ispirtu qaddis. F’dak il-​ħin, Alla wera li bħala l-​Iben midluk Tiegħu, Ġesù issa kellu t-​tama li jerġaʼ lura fis-​sema biex isir Sultan maħtur t’Alla u Qassis il-​Kbir. (Lq. 1:31-​33; Ebr. 1:8, 9; 2:17) Mela fil-​magħmudija taʼ Ġesù, Missieru kellu raġun jgħid: “Int Ibni.”—Lq. 3:22.

Aħna nimxu ’l quddiem meta oħrajn ifaħħruna u jinkuraġġuna (Ara paragrafu 5) *

5. Aħna kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġeħova f’li nesprimu mħabba u inkuraġġiment?

5 “Int . . . il-​maħbub.” L-​eżempju taʼ Ġeħova f’li jesprimi mħabba u approvazzjoni jfakkarna biex infittxu għal opportunitajiet biex ninkuraġġixxu lil oħrajn. (Ġw. 5:20) Aħna niżviluppaw kwalitajiet tajbin meta xi ħadd li jimpurtana minnu jurina li jħobbna u jfaħħarna għat-​tajjeb li nagħmlu. Bl-​istess mod, ħutna fil-​kongregazzjoni u l-​membri tal-​familja tagħna jeħtieġu l-​imħabba u l-​inkuraġġiment tagħna. Meta nfaħħru lil oħrajn, aħna nsaħħu l-​fidi tagħhom u ngħinuhom jaqdu lil Ġeħova lealment. Il-​ġenituri speċjalment jeħtieġ li jinkuraġġixxu lil uliedhom. Meta l-​ġenituri jfaħħru sinċerament lil uliedhom u juruhom affezzjoni, huma jkunu qed jgħinuhom jimxu ’l quddiem.

6. Għala jistaʼ jkollna fiduċja f’Ġesù Kristu?

6 “Jien approvajtek.” Dan il-​kliem juri li Ġeħova kien fiduċjuż li Ġesù kien se jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru lealment. Ġeħova għandu fiduċja bħal din f’Ibnu, allura anke aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li Ġesù b’lealtà se jwettaq il-​wegħdi taʼ Ġeħova kollha kemm huma. (2 Kor. 1:20) Meta naħsbu dwar l-​eżempju taʼ Ġesù, aħna nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex nitgħallmu minnu u nimxu  fuq l-​eżempju tiegħu. Bħalma Ġeħova kellu fiduċja f’Ġesù, Hu fiduċjuż ukoll li, bħala grupp, il-​qaddejja tiegħu se jkomplu jitgħallmu minn Ibnu.—1 Pt. 2:21.

“ISIMGĦU MINNU”

7. Skont Mattew 17:1-5, f’liema okkażjoni Ġeħova tkellem mis-​sema, u x’qal?

7 Aqra Mattew 17:1-​5. It-​tieni darba li Ġeħova tkellem mis-​sema kienet fit-​trasfigurazzjoni taʼ Ġesù. Ġesù kien stieden lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni biex imorru miegħu fuq muntanja għolja. Waqt li kienu hemm raw viżjoni straordinarja. Wiċċ Ġesù beda jiddi u ħwejġu bdew ileqqu. Żewġt irġiel, li rrappreżentaw lil Mosè u Elija, bdew jitkellmu maʼ Ġesù dwar il-​mewt u l-​qawmien tiegħu. Għalkemm dawn it-​tliet appostli “kellhom għajnejhom tqal bin-​ngħas,” huma raw din il-​viżjoni tal-​istagħġib meta ġew f’sensihom. (Lq. 9:29-​32) Imbagħad, sħaba tiddi għattiethom, u semgħu leħen minn ġos-​sħaba—il-​leħen t’Alla. L-​istess bħalma ġara fil-​magħmudija taʼ Ġesù, Ġeħova qal li approva lil Ibnu u esprima mħabbtu lejh, billi qal: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” Imma din id-​darba, Ġeħova żied jgħid: “Isimgħu minnu.”

8. X’effett kellha l-​viżjoni fuq Ġesù u d-​dixxipli?

8 Il-​viżjoni tat stampa bil-​quddiem tal-​glorja u tal-​qawwa futura taʼ Ġesù bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla. Ċertament, Kristu ġie inkuraġġit u msaħħaħ għat-​tbatijiet u mewta taʼ wġigħ li kellu jissaporti. Il-​viżjoni bniet ukoll il-​fidi tad-​dixxipli u saħħithom għall-​provi taʼ integrità u snin taʼ xogħol iebes li kien hemm quddiemhom. Xi 30 sena wara, l-​appostlu Pietru rrefera għall-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni, u b’hekk wera li l-​viżjoni kienet għadha friska f’moħħu.—2 Pt. 1:16-18.

9. Liema parir prattiku Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu?

9 “Isimgħu minnu.” Ġeħova għamilha ċara li jridna nisimgħu kliem Ibnu u nobduh. Ġesù x’qal meta kien fuq l-​art? Qal ħafna affarijiet taʼ min jismagħhom! Pereżempju, hu bi mħabba għallem lis-​segwaċi tiegħu kif jippritkaw l-​aħbar tajba, u darba wara l-​oħra fakkarhom biex jibqgħu għassa. (Mt. 24:42; 28:19, 20) Ħeġġiġhom ukoll biex jistinkaw kemm jifilħu, u inkuraġġiehom biex ma jaqtgħux qalbhom. (Lq. 13:24) Ġesù enfasizza li s-​segwaċi tiegħu kien jeħtiġilhom iħobbu lil xulxin, jibqgħu magħqudin, u josservaw il-​kmandamenti tiegħu. (Ġw. 15:10, 12, 13) X’parir prattiku Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu! Dan il-​parir għadu jgħodd illum daqskemm kien meta Ġesù tah.

10-11. Aħna kif nistgħu nuru li qed nisimgħu lil Ġesù?

10 Ġesù qal: “Kulmin qiegħed fuq in-​naħa tal-​verità jismaʼ leħni.” (Ġw. 18:37) Aħna nuru li qed nisimgħu leħnu meta ‘nkomplu nissaportu lil xulxin u naħfru lil xulxin mill-​qalb.’ (Kol. 3:13; Lq. 17:3, 4) Ukoll, nuru li qed nisimgħu leħnu billi b’żelu nippritkaw l-​aħbar tajba “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet.”—2 Tim. 4:2.

11 Ġesù qal: “In-​nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni.” (Ġw. 10:27) Is-​segwaċi taʼ Kristu juru li jisimgħu lil Ġesù billi mhux biss joqogħdu attenti għal kliemu imma wkoll billi jaġixxu fuqu. Huma ma jiġux aljenati bl-​“ansjetajiet tal-​ħajja.” (Lq. 21:34) Minflok, jaraw li l-​ubbidjenza  tagħhom għall-​kmandi taʼ Ġesù tkun prijorità fil-​ħajja, anke meta jkunu ffaċċjati b’ċirkustanzi veru diffiċli. Ħafna minn ħutna qed jissaportu provi ħorox, inkluż attakki minn opponenti, faqar estrem, u diżastri naturali. Minkejja dak kollu li għandhom mnejn jissaportu, huma jibqgħu leali lejn Ġeħova. Lil dawn, Ġesù jagħtihom din il-​wegħda: “Min għandu l-​kmandamenti tiegħi u josservahom, dan iħobbni. U min iħobbni jkun maħbub minn Missieri.”—Ġw. 14:21.

Il-ministeru tagħna jgħinna nkomplu nisimgħu leħen Ġesù (Ara paragrafu 12) *

12. B’liema mod ieħor nistgħu nuru li qed nisimgħu lil Ġesù?

12 Mod ieħor kif nistgħu nuru li qegħdin nisimgħu lil Ġesù hu billi nikkoperaw maʼ dawk li hu ħatar biex imexxu fostna. (Ebr. 13:7, 17) L-​organizzazzjoni t’Alla għamlet ħafna aġġustamenti f’dawn l-​aħħar snin, inkluż l-​użu taʼ għodod u metodi ġodda fil-​ministeru tagħna, il-​mod kif issir il-​laqgħa taʼ matul il-​ġimgħa, u l-​mod kif nibnu, nirranġaw, u nieħdu ħsieb is-​Swali tas-​Saltna. Kemm napprezzaw il-​gwida bi mħabba u maħsuba sew li ningħataw! Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova se jbierek l-​isforzi tagħna biex insegwu d-​direzzjoni f’waqtha tal-​organizzazzjoni.

13. X’inhuma l-​benefiċċji taʼ li nisimgħu minn Ġesù?

13 Aħna nibbenefikaw milli nisimgħu mill-​affarijiet kollha li Ġesù għallem. Ġesù wiegħed lid-​dixxipli li t-​tagħlim tiegħu kien se jkun taʼ serħan għalihom. “Intom issibu serħan għal ruħkom,” hu qal. “Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mt. 11:28-​30) Il-​Kelma t’Alla, li tinkludi l-​erbaʼ rakkonti tal-​Evanġelju dwar il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù, iġġibilna serħan u tagħtina l-​għerf. (Salm 19:7; 23:3) Ġesù stqarr: “Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!”—Lq. 11:28.

‘SE NIGGLORIFIKA LIL ISMI’

14-15. (a) Liema kienet it-​tielet okkażjoni, imniżżla fi Ġwanni 12:27, 28, li fiha Ġeħova tkellem mis-​sema? (b) Kliem Ġeħova għala kien se jfarraġ u jsaħħaħ lil Ġesù?

14 Aqra Ġwanni 12:27, 28. Fl-​Evanġelju taʼ Ġwanni hemm imniżżel it-​tielet okkażjoni li fiha Ġeħova tkellem mis-​sema. Xi ġranet qabel mewtu, Ġesù kien Ġerusalemm biex jiċċelebra l-​aħħar  Qbiż tiegħu. Hu qal: “Ruħi mnikkta.” Imbagħad talab: “Missier, igglorifika lil ismek.” Bi tweġiba, Missieru tkellem mis-​sema: “Jien igglorifikajtu u nerġaʼ nigglorifikah.”

15 Ġesù kien imnikket minħabba r-​responsabbiltà kbira li kellu biex jibqaʼ leali lejn Ġeħova. Ġesù kien jaf li kien se jsofri swat bla ħniena u mewta krudila. (Mt. 26:38) Iżjed minn kull ħaġa oħra, Ġesù ried jigglorifika l-​isem taʼ Missieru. Ġesù ġie akkużat li dagħa, u hu kien inkwetat li l-​mewt tiegħu kienet se ġġib tmaqdir fuq Alla. Kemm żgur li kien taʼ faraġ kliem Ġeħova għal Ġesù! Hu setaʼ jkun ċert li isem Ġeħova kien se jiġi glorifikat. Il-​kliem taʼ Missieru żgur li farraġ bil-​kbir lil Ġesù u saħħu għal dak li kien se jiġi. Għalkemm Ġesù setaʼ kien l-​uniku wieħed li fehem x’qal Missieru f’dak il-​ħin, Ġeħova għamel ċert li Kliemu jitniżżel bil-​miktub għalina lkoll.—Ġw. 12:29, 30.

Ġeħova se jigglorifika lil ismu u jeħles lill-poplu tiegħu (Ara paragrafu 16) *

16. Għala kultant għandu mnejn ninkwetaw dwar it-​tmaqdir fuq l-​isem t’Alla?

16 Bħal Ġesù, anke aħna għandu mnejn ninkwetaw dwar li nġibu tmaqdir fuq l-​isem taʼ Ġeħova. Forsi, bħal Ġesù, aħna vittmi taʼ trattament inġust. Jew forsi ninkwetaw minħabba stejjer foloz li l-​opponenti jxerrdu dwarna. Għandu mnejn naħsbu dwar it-​tmaqdir li stejjer bħal dawn iġibu fuq l-​isem taʼ Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu. F’mumenti  bħal dawn, kliem Ġeħova hu taʼ faraġ kbir għalina. M’għandniex għalfejn inkunu ansjużi żżejjed. Aħna nistgħu nkunu ċerti li ‘l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbna u l-​qawwa mentali tagħna permezz taʼ Kristu Ġesù.’ (Flp. 4:6, 7) Ġeħova mhux se jonqos milli jigglorifika lil ismu. Permezz tas-​Saltna, hu se jreġġaʼ lura l-​ħsara kollha li Satana u din id-​dinja jġibu fuq il-​qaddejja leali Tiegħu.—Salm 94:22, 23; Is. 65:17.

IBBENEFIKA ISSA BILLI TISMAʼ MINN LEĦEN ĠEĦOVA

17. Fi qbil maʼ Isaija 30:21, Ġeħova kif ikellimna llum?

17 Ġeħova għadu jkellimna llum. (Aqra Isaija 30:21.) Veru, aħna ma nisimgħux lil Alla jkellimna mis-​sema. Madankollu, hu pprovda l-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Bibbja, li permezz tagħha jagħtina struzzjonijiet. Ukoll, l-​ispirtu taʼ Ġeħova jqanqal lill-​“prokuratur leali” biex jibqaʼ jagħti lill-​qaddejja Tiegħu l-​ikel tagħhom. (Lq. 12:42) X’abbundanza taʼ ikel spiritwali nirċievu kemm stampat kif ukoll onlajn, vidjows, u pubblikazzjonijiet bl-​awdjo!

18. Kliem Ġeħova kif jibnilek il-​fidi u jinkuraġġik?

18 Ejja nżommu f’moħħna l-​kliem li Ġeħova qal meta Ibnu kien fuq l-​art! Jalla l-​kliem t’Alla stess, kif imniżżel fil-​Bibbja, jagħtina l-​fiduċja li Ġeħova għandu kollox fil-​kontroll u li se jreġġaʼ lura kull ħsara li tiġi fuqna minn Satana u d-​dinja ħażina tiegħu. U jalla nkunu determinati li nisimgħu sew minn leħen Ġeħova. Jekk nagħmlu dan, aħna se jirnexxilna nissaportu kwalunkwe problema li issa niffaċċjaw u kull sfida li għad trid tiġi. Il-​Bibbja tfakkarna: “Teħtieġu s-​sabar sabiex, wara li tkunu għamiltu r-​rieda t’Alla, tirċievu t-​twettiq tal-​wegħda.”—Ebr. 10:36.

GĦANJA 4 “Ġeħova huwa r-​Ragħaj tiegħi”

^ par. 5 Meta Ġesù kien fuq l-​art, Ġeħova tkellem mis-​sema fi tliet okkażjonijiet. F’waħda minnhom, Ġeħova ħeġġeġ lid-​dixxipli taʼ Kristu biex jisimgħu minn Ibnu. Illum, Ġeħova jkellimna permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu, li tinkludi t-​tagħlim taʼ Ġesù, kif ukoll permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu. Dan l-​artiklu se jikkunsidra kif nibbenefikaw milli nisimgħu minn Ġeħova u Ġesù.

^ par. 52 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPI: Anzjan jinnota qaddej ministerjali jgħin fit-tindif tas-Sala tas-Saltna u jieħu ħsieb il-letteratura. L-anzjan ifaħħru mill-qalb.

^ par. 54 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Koppja fi Sierra Leone jagħtu invit għal-laqgħa lil sajjied tal-lokal.

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Xhieda f’pajjiż fejn ix-xogħol tagħna hu pprojbit jiltaqgħu f’dar privata. Huma lebsin każwali biex ma jiġbdux attenzjoni lejhom.