Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġeħova japprezza l-“ammen” tiegħek

Ġeħova japprezza l-“ammen” tiegħek

ĠEĦOVA japprezza l-​qima tagħna. Hu ‘jagħti kas u qiegħed jismaʼ’ lill-​qaddejja tiegħu, u japprezza sal-​inqas ħaġa li jagħmlu biex ifaħħruh. (Mal. 3:16) Pereżempju, ikkunsidra kelma li x’aktarx għednieha miljun darba. Il-​kelma hi “ammen.” Japprezzaha Ġeħova din il-​kelma sempliċi? Iva! Biex insiru nafu għala, ejja naraw xi tfisser u kif tintuża fil-​Bibbja.

“IL-​POPLU KOLLU JGĦID, ‘AMEN!’”

Il-​kelma “ammen” tfisser “hekk ikun” jew “ċertament.” Din ġejja minn kelma Ebrajka li tfisser “kun leali,” “kun taʼ min jafdak.” Kultant kienet tintuża f’każijiet legali. Wara li xi ħadd ikun ħalef, kien jgħid “ammen” biex jikkonferma li dak li qal kien eżatt u li kien se jaċċetta l-​konsegwenzi taʼ li ntqal. (Num. 5:22) Meta kien jgħid “ammen” pubblikament kien ikollu raġuni saħansitra ikbar biex iżomm kelmtu.—Neħ. 5:13.

Eżempju impressjonanti tal-​użu tal-​kelma “ammen” qiegħed imniżżel f’​Dewteronomju kapitlu 27. Wara li l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, kellhom jinġabru bejn il-​Muntanja Għebal u l-​Muntanja Geriżim biex jisimgħu l-​Liġi tinqara. Huma kienu hemm mhux biss biex jisimgħu imma wkoll biex jiddikjaraw li kienu aċċettaw il-​Liġi. Għamlu dan billi wieġbu “Amen!” meta nqraw il-​konsegwenzi għad-​diżubbidjenza. (Dt. 27:15-​26) Immaġina l-​ħoss t’eluf u eluf taʼ rġiel, nisa, u tfal iwieġbu b’leħen għoli! (Ġoż. 8:30-​35) Żgur li qatt ma nsew dak li qalu dakinhar. Huma żammew kelmithom, għax fil-​Bibbja nsibu: “Israel kompla jaqdi lil Ġeħova l-​jiem kollha taʼ Ġożwè u l-​jiem kollha tax-​xjuħ li baqgħu ħajjin wara Ġożwè u li kienu jafu l-​għemejjel kollha li Ġeħova għamel għal Israel.”—Ġoż. 24:31.

Ġesù wkoll uża “ammen” biex jikkonferma li kliemu kien minnu, imma għamel dan b’mod uniku. Minflok ma qalha biex iwieġeb għal stqarrija taʼ ħaddieħor, hu uża “ammen” (tradotta “tassew”) biex jintroduċi stqarrija taʼ verità. Xi drabi, hu rripeta  l-​kelma, billi qal “ammen ammen.” (Mt. 5:18; Ġw. 1:51) B’hekk hu aċċerta lis-​semmiegħa tiegħu li kliemu kien il-​verità assoluta. Ġesù setaʼ jitkellem b’daqshekk ċertezza għax kien il-​wieħed awtorizzat biex iwettaq il-​wegħdi kollha t’Alla.—2 Kor. 1:20; Riv. 3:14.

“IN-​NIES KOLLHA QALU, ‘AMEN!’ U FAĦĦRU LIL ĠEĦOVA”

L-​Iżraelin użaw “ammen” ukoll meta faħħru u talbu lil Ġeħova. (Neħ. 8:6; Salm 41:13) Billi qaluha wara talba, dawk li kienu qed jisimgħu wrew li qablu maʼ dak li ntqal. Dawk kollha preżenti b’hekk setgħu jipparteċipaw u jieħdu gost iqimu lil Ġeħova b’dal-​mod. Hekk ġara meta s-​Sultan David ġab l-​Arka taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. Matul iċ-​ċelebrazzjoni tkantat it-​talba kommoventi taʼ David fl-​1 Kronaki 16:8-​36. Dawk preżenti tant kienu mqanqlin b’dan il-​kliem li “kollha qalu, ‘Amen!’ u faħħru lil Ġeħova.” Iva, huma kienu ferħanin li jqimu lil Ġeħova flimkien.

Il-​Kristjani tal-​bidu wkoll użaw “ammen” meta kienu jfaħħru lil Ġeħova. Kittieba tal-​Bibbja spiss inkludewha fl-​ittri tagħhom. (Rum. 1:25; 16:27; 1 Pt. 4:11) Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni saħansitra jagħti stampa tal-​ħlejjaq spirti fis-​sema jigglorifikaw lil Ġeħova billi jgħidu: “Amen! Faħħru lil Jah!” (Riv. 19:1, 4) Il-​Kristjani tal-​bidu ġeneralment kienu jgħidu “ammen” wara talb offrut fil-​laqgħat. (1 Kor. 14:16) Madankollu, din ma kinitx kelma li kellhom jirripetu mingħajr ma jaħsbu dwarha.

GĦALA L-​“AMMEN” TIEGĦEK TISWA

Wara li rajna kif il-​qaddejja taʼ Ġeħova użaw il-​kelma “ammen,” nistgħu naraw kemm hi mod siewi kif nispiċċaw talba. Meta ngħiduha fi tmiem talba tagħna stess, aħna nuru li verament infissru dak  li għedna. U meta nkunu mqanqlin biex inwieġbu “ammen,” anke f’qalbna, għal talba pubblika, aħna nuru li naqblu maʼ dak li ntqal. Ikkunsidra aspetti oħra għala l-​“ammen” tagħna tiswa.

Turi li aħna attenti fil-​qima tagħna. Aħna nqimu lil Ġeħova mhux biss billi naqblu maʼ dak li jintqal f’talba imma wkoll bil-​mod kif naġixxu waqt it-​talba. Il-​fatt li nixtiequ nkunu sinċieri meta ngħidu “ammen” jgħinna biex jibqaʼ jkollna attitudni xierqa u noqogħdu attenti għat-​talba.

Aħna nkunu magħqudin bħala adoraturi. Matul talb pubbliku, il-​kongregazzjoni kollha tkun magħquda tismaʼ l-​istess ħsieb. (Atti 1:14; 12:5) Meta niġu mqanqlin inwieġbu flimkien maʼ ħutna, insiru magħqudin saħansitra iktar. Kemm jekk ngħidu “ammen” b’vuċi għolja jew f’qalbna, din tistaʼ tqanqal lil Ġeħova biex jagħmel dak li nitolbu.

L-“ammen” tagħna tgħin biex Ġeħova jiġi mfaħħar

Infaħħru lil Ġeħova. Hu jinnota kulma nagħmlu fil-​qima tagħna. (Lq. 21:2, 3) Hu jara x’inhu l-​mottiv tagħna u x’hemm f’qalbna. Anke jekk ikollna nisimgħu l-​laqgħa mid-​dar, nistgħu nibqgħu ċerti li l-​“ammen” umli tagħna jinnotaha Ġeħova. Din iżżid mat-​tifħir offrut lilu mill-​aħwa fil-​laqgħa.

L-​“ammen” tagħna tistaʼ tidher taʼ ftit valur, imma żgur li hi importanti. “Permezz taʼ din il-​kelma,” tgħid l-​enċiklopedija tal-​Bibbja Insight on the Scriptures, il-​qaddejja t’Alla jistgħu jesprimu “l-​fiduċja, l-​approvazzjoni qawwija, u t-​tama soda li hemm f’qalbhom.” Jalla kull “ammen” li ngħidu tkun pjaċevoli għal Ġeħova.—Salm 19:14.