Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

L-ospitalità—Drawwa sabiħa u meħtieġa ħafna!

L-ospitalità—Drawwa sabiħa u meħtieġa ħafna!

“Uru l-​ospitalità maʼ xulxin mingħajr tgergir.”—1 PIETRU 4:9.

GĦANJIET: 124, 119

1. X’diffikultajiet kellhom il-​Kristjani fl-​ewwel seklu?

F’XI żmien bejn is-​snin 62 u 64, l-​appostlu Pietru kiteb lir-​“residenti temporanji mxerrdin fil-​Pontu, fil-​Galazja, fil-​Kappadoċja, fl-​Asja, u fil-​Bitinja.” (1 Pietru 1:1) Dawn il-​kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri kellhom aħwa minn kulturi differenti. Huma kienu qed jiffaċċjaw ‘nar jaqbad fosthom bħala prova,’ jew persekuzzjoni, u kellhom bżonn l-​inkuraġġiment u l-​gwida. Barra minn hekk, huma għexu fi żmien perikoluż ħafna. Pietru kiteb: “Qorob it-​tmiem taʼ kollox.” F’inqas minn 10 snin, Ġerusalemm kienet se tinqered. X’kien se jgħin lill-​Kristjani kullimkien biex jgħaddu minn dan iż-​żmien stressanti?—1 Pietru 4:4, 7, 12.

2, 3. Pietru għala ħeġġeġ lil ħutu jkunu ospitabbli? (Ara l-​ewwel stampa.)

2 Fost affarijiet oħra, Pietru ħeġġeġ lil ħutu biex ‘juru l-​ospitalità maʼ xulxin.’ (1 Pietru 4:9) Il-​kelma Griega għal “ospitalità” letteralment tfisser “affezzjoni jew qalb tajba lejn l-​istranġieri.” Imma Pietru kien qed iħeġġeġ lil ħutu biex juru l-​ospitalità “maʼ xulxin,” allavolja kienu diġà jafu  lil xulxin u kienu qed jagħmlu l-​affarijiet flimkien. Li jkunu ospitabbli kif kien se jgħinhom?

3 Dan kien se jressaqhom eqreb lejn xulxin. Xi ngħidu għalik? Tiftakar il-​memorji sbieħ taʼ meta ġejt mistieden għand xi ħadd? U meta stidint lil xi ħadd għandek, ma saħħaħx dan il-​ħbiberija tagħkom? Mod tajjeb kif insiru nafu lil ħutna hu billi nuruhom l-​ospitalità. Il-​Kristjani li għexu fi żmien Pietru kellhom bżonn jersqu eqreb lejn xulxin hekk kif il-​problemi bdew jiggravaw. F’dawn “l-​aħħar jiem,” jeħtieġ li nagħmlu l-​istess.—2 Timotju 3:1.

4. X’mistoqsijiet se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

4 B’liema modi nistgħu nkunu ospitabbli “maʼ xulxin”? X’jistaʼ jwaqqafna milli nuru l-​ospitalità, u kif nistgħu nitjiebu? X’jistaʼ jgħinna naġixxu kif jixraq meta niġu mistidnin?

OPPORTUNITAJIET BIEX NURU L-​OSPITALITÀ

5. Kif nistgħu nuru l-​ospitalità fil-​laqgħat Kristjani tagħna?

5 Fil-​laqgħat: Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu jistidnuna mmorru l-​laqgħat. Aħna rridu li kull min jattendi l-​laqgħat tagħna jħossu milqugħ, speċjalment uħud ġodda. (Rumani 15:7) Dawn ukoll huma l-​mistidnin taʼ Ġeħova, allura hemm bżonn ngħinuhom iħossuhom komdi, hi x’inhi d-​dehra jew l-​ilbies tagħhom. (Ġakbu 2:1-​4) Jekk tinnota li xi ħadd ġie waħdu, tistaʼ int tistiednu jpoġġi ħdejk? Għandu mnejn ikun grat jekk tgħinu jifhem x’se jiġri matul il-​laqgħa jew biex isib l-​iskritturi li jkunu qed jinqraw. Dan ikun mod eċċellenti kif ‘nuru dejjem l-​ospitalità.’—Rumani 12:13.

6. Maʼ min għandna nkunu l-​iktar ospitabbli?

6 Għal ikla jew xi ħaġa żgħira: In-​nies fi żminijiet Bibliċi spiss kienu juru l-​ospitalità billi jistiednu lil oħrajn fi djarhom għal ikla, u b’hekk juru li riedu jkunu ħbieb u jkollhom il-​paċi bejniethom. (Ġenesi 18:1-8; Imħallfin 13:15; Luqa 24:28-30) Maʼ min għandna nkunu l-​iktar ospitabbli? Dan għandu jkun maʼ ħutna fil-​kongregazzjoni tagħna. Hekk kif din is-​sistema tiggrava, se jkollna bżonn niddependu minn xulxin u nkunu ħbieb leali. Taʼ interess, fl-​2011, il-​Ġemgħa li Tiggverna bidlet il-​ħin tal-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa għall-​familja taʼ Betel fl-​Istati Uniti mis–6:45 p.m. għas–6:15 p.m. Għala? L-​avviż qal li probabbli jkun iktar faċli għall-​Beteliti biex juru l-​ospitalità u jaċċettawha mingħand oħrajn jekk il-​laqgħa tispiċċa iktar kmieni. Uffiċċji tal-​fergħa oħra għamlu l-​istess. Din kienet opportunità tajba biex dawk fil-​familja taʼ Betel isiru jafu lil xulxin aħjar.

Tistaʼ int tistieden lil uħud ġodda għal ikla jew xi ħaġa żgħira jew biex tmorru xi mkien flimkien?

7, 8. Kif nistgħu nkunu ospitabbli maʼ aħwa rġiel li jiġu biex jagħtu taħdita?

7 Xi drabi, aħwa minn kongregazzjonijiet oħra, indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet, jew rappreżentanti minn Betel jagħtu taħdita fil-​kongregazzjoni tagħna. Nistgħu aħna nużaw dawn l-​opportunitajiet biex nuru l-​ospitalità maʼ dawn l-​aħwa? (Aqra t-​3 Ġwanni 5-8.) Mod kif nistgħu nagħmlu dan hu billi nistidnuhom f’darna għal ikla jew xi ħaġa żgħira.

8 Waħda oħt fl-​Istati Uniti tiftakar: “Matul is-​snin, jien u żewġi kellna l-​opportunità li nistiednu għandna lil ħafna kelliema u n-​nisa tagħhom.” Hi tħoss li kull esperjenza kienet pjaċevoli  u, fuq kollox, saħħet il-​fidi tagħhom. Hi tgħid: “Qatt ma ddispjaċiena.”

9, 10. (a) Min jistaʼ jkollu bżonn joqgħod għandna għal żmien twil? (b) Dawk li għandhom djar żgħar jistgħu jgħinu? Agħti eżempju.

9 Mistidnin li jdumu għandek iktar: Fi żminijiet Bibliċi, kien komuni li jiġi provdut post fejn joqogħdu xi viżitaturi. (Ġob 31:32; Filemon 22) Illum, għandu mnejn ikollna bżonn nagħmlu l-​istess. Indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet spiss ikollhom bżonn post fejn joqogħdu meta jżuru l-​kongregazzjonijiet. Anki studenti taʼ skejjel teokratiċi u volontieri tal-​kostruzzjoni jistaʼ jkollhom dan il-​bżonn. U xi ngħidu dwar dawk li spiċċaw mingħajr dar wara diżastru naturali? Forsi għandhom bżonn xi mkien fejn joqogħdu sakemm darhom terġaʼ tinbena. M’għandniex nassumu li dawk li għandhom djar kbar biss jistgħu jgħinu. Jistaʼ jkun li huma diġà għamlu dan ħafna drabi. Tistaʼ int toffri lil xi ħadd post fejn joqgħod, anki jekk id-​dar tiegħek hija żgħira?

10 Ħu fil-​Korea t’Isfel jiftakar meta stieden studenti li attendew l-​iskejjel teokratiċi biex joqogħdu għandu. Hu jikteb: “Kont bejn ħaltejn għall-​bidu għax jien u marti konna għadna kif niżżewġu u konna ngħixu f’dar żgħira. Imma li jkollna studenti joqogħdu għandna verament kienet esperjenza taʼ ferħ. Bħala koppja li konna għadna kif niżżewġu, stajna naraw kemm koppja setgħet tkun kuntenta meta taqdi lil Ġeħova u tirsisti għal miri spiritwali flimkien.”

11. Dawk ġodda fil-​kongregazzjoni tiegħek għala jistaʼ jkollhom bżonn l-​ospitalità?

11 Aħwa ġodda fil-​kongregazzjoni: Xi aħwa jew familji minn kongregazzjonijiet oħra jistgħu jiġu jgħixu fl-​inħawi tiegħek. Forsi jkunu ġew minħabba li l-​kongregazzjoni tiegħek kellha bżonn l-​għajnuna. Jew forsi jkunu pijunieri li ġew assenjati jaqdu fil-​kongregazzjoni tiegħek. Din hi bidla kbira għalihom. Huma jkollhom jaġġustaw għal inħawi ġodda, kongregazzjoni ġdida, u x’aktarx anki għal lingwa jew kultura ġdida. Tistaʼ int tistidinhom għal ikla jew xi ħaġa żgħira jew biex tmorru xi mkien flimkien? Dan se jgħinhom jagħmlu ħbieb ġodda u jaġġustaw għaċ-​ċirkustanzi ġodda li għandhom.

12. Liema esperjenza turi li m’hemmx għalfejn tipprepara ħafna affarijiet biex tkun ospitabbli?

12 M’hemmx għalfejn tipprepara ħafna affarijiet biex tkun ospitabbli. (Aqra Luqa 10:41, 42.) Wieħed ħu jiftakar xi ħaġa li ġrat meta hu u martu kienu għadhom kemm saru missjunarji. Hu jgħid: “Konna għadna żgħar, bla esperjenza, u konna nimmissjaw il-​pajjiż fejn konna noqogħdu. Lejla minnhom marti kienet qed timmissja ħafna ’l pajjiżna, u l-​isforzi tiegħi biex ngħinha kienu għalxejn. Imbagħad, għall-​ħabta tas–7:30 p.m. xi ħadd ħabbat il-​bieb. Kienet studenta tal-​Bibbja li ġabitilna tliet larinġiet. Hi kienet ġiet tilqaʼ ż-​żewġ missjunarji ġodda. Aħna stidinnieha tidħol ġewwa u  tajnieha tazza ilma. Imbagħad għamilna te u hot chocolate. Konna għadna ma nafux bis-​Swaħili, u hi ma kinitx taf bl-​Ingliż.” Il-​ħu qal li din l-​esperjenza għenithom jibdew jagħmlu ħbieb mal-​aħwa tal-​lokal u jkunu iktar ferħanin.

TĦALLI XEJN IWAQQFEK MILLI TURI L-​OSPITALITÀ

13. Li turi l-​ospitalità kif jgħinek?

13 Ġieli kont bejn ħaltejn biex turi l-​ospitalità? Jekk iva, għandek mnejn tlift opportunità biex tkun maʼ kumpanija sabiħa u tagħmel ħbieb li se jkollok għal dejjem. Li turi l-​ospitalità hu wieħed mill-​aħjar modi biex tieqaf tħossok waħdek. Allura wieħed għala jistaʼ jżomm lura milli jkun ospitabbli? Jistaʼ jkun hemm numru taʼ raġunijiet.

14. X’nistgħu nagħmlu jekk m’għandniex biżżejjed ħin u enerġija biex nuru l-​ospitalità jew naċċettawha mingħand ħaddieħor?

14 Il-​ħin u l-​enerġija: In-​nies taʼ Ġeħova għandhom ħafna x’jagħmlu u għandhom ħafna responsabbiltajiet. Xi wħud jistgħu jħossu li m’għandhomx biżżejjed ħin jew enerġija biex ikunu ospitabbli. Jekk tħossok b’dan il-​mod, forsi għandek bżonn tibdel l-​iskeda tiegħek biex tkun tistaʼ turi l-​ospitalità u taċċettaha mingħand ħaddieħor. Dan hu importanti għax il-​Bibbja tħeġġiġna nkunu ospitabbli. (Ebrej 13:2) Mhuwiex ħażin li nagħmlu l-​ħin għal dan; anzi hija ħaġa tajba li nkunu ospitabbli. Imma sabiex turi l-​ospitalità, jistaʼ jkollok bżonn tqattaʼ inqas ħin tagħmel affarijiet li huma inqas importanti.

15. Xi wħud għala jħossu li mhumiex kapaċi jkunu ospitabbli?

15 Kif tħossok dwarek innifsek: Qatt xtaqt li tkun ospitabbli imma ħassejt li m’intix kapaċi? Forsi int mistħi u tinkwieta li l-​mistidnin tiegħek se jiddejqu. Jew forsi ma tantx għandek flus u tinkwieta li ma tistax toffri lill-​mistidnin tiegħek dak li jistgħu joffrulhom aħwa oħra. Imma ftakar li dar m’għandhiex għalfejn tkun sabiħa ħafna jew lussuża. Il-​mistidnin tiegħek se jkunu kuntenti jekk darek tkun nadifa u żbarazzata u jekk int tkun dħuli magħhom.

16, 17. X’tistaʼ tagħmel jekk tħossok ansjuż dwar li jkollok il-​mistidnin?

16 Jekk tħossok ansjuż dwar li jkollok il-​mistidnin, m’intix waħdek. Anzjan fil-​Brittanja jammetti: “Tistaʼ tħossok xi ftit nervuż meta tkun qed tipprepara għall-​mistidnin. Imma bħal kull ħaġa oħra li għandha x’taqsam maʼ li naqdu lil Ġeħova, il-​benefiċċji u s-​sodisfazzjon li jiġu milli nagħmlu dan huma ħafna ikbar minn kwalunkwe ansjetà. Ħadt pjaċir li sempliċiment noqgħod bilqiegħda nitkellem mal-​mistidnin waqt li nieħdu naqra kafè.” Dejjem hu tajjeb li turi interess personali fil-​mistidnin. (Filippin 2:4) Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jieħdu pjaċir jitkellmu dwar l-​esperjenzi taʼ ħajjithom. Aħna nistgħu nisimgħu l-​esperjenzi tagħhom biss meta niltaqgħu flimkien. Anzjan ieħor jikteb: “Li nistieden għandi aħwa mill-​kongregazzjoni jgħinni nifhimhom aħjar u jagħtini ċans insir nafhom, speċjalment kif ġew fil-​verità.” Jekk turi interess personali fil-​mistidnin tiegħek, tistaʼ tkun ċert li kulħadd se jieħu pjaċir.

17 Oħt pijuniera li spiss laqgħet studenti minn skejjel teokratiċi differenti biex joqogħdu għandha ammettiet: “Għall-​ewwel  kont inkwetata għax il-​kmamar tiegħi m’għandhom xejn speċjali u għandi għamara użata. Waħda oħt, li tiġi l-​mara taʼ wieħed mill-​għalliema, verament serrħitli rasi. Hi qalet li meta tkun qed taqdi fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar maʼ żewġha, l-​aħjar ġimgħat tagħhom ikunu dawk li jqattgħu għand persuna spiritwali li forsi ma jkollhiex ħafna materjalment imma li hi ffokata fuq l-​istess ħaġa bħalhom—li jaqdu lil Ġeħova u jżommu l-​ħajja sempliċi. Dan fakkarni f’dak li kienet tgħidilna ommi meta konna żgħar: ‘Aħjar platt ħaxix fejn hemm l-​imħabba.’” (Proverbji 15:17) M’hemmx għalfejn ninkwetaw, għax dak li jgħodd verament hu li nuru mħabba mal-​mistidnin tagħna.

18, 19. Li nkunu ospitabbli kif jistaʼ jgħinna negħlbu sentimenti negattivi dwar oħrajn?

18 Kif int tħossok dwar oħrajn: Hemm xi ħadd li jirritak fil-​kongregazzjoni tiegħek? Dawn is-​sentimenti negattivi mhumiex se jinbidlu jekk ma tipprovax tegħlibhom. Għandek mnejn ma tkunx tixtieq tistieden lil xi ħadd jekk il-​karattru tiegħu ma jogħġbokx. Jew forsi hemm xi ħadd li weġġgħek fil-​passat, u huwa diffiċli għalik li tinsa.

19 Il-​Bibbja tgħid li jekk tkun ospitabbli, int tistaʼ ttejjeb ir-​relazzjoni tiegħek m’oħrajn, saħansitra mal-​għedewwa tiegħek. (Aqra Proverbji 25:21, 22.) Jekk tistieden lil xi ħadd għandek, forsi tkun tistaʼ tegħleb sentimenti negattivi u jkollok iktar paċi fir-​relazzjoni tiegħek  miegħu. Tistaʼ tibda tara fih l-​istess kwalitajiet tajbin li ra Ġeħova meta ġibdu lejn il-​verità. (Ġwanni 6:44) Meta l-​imħabba tqanqlek biex tistieden lil xi ħadd li hu stess ma jistenniex li tistiednu, dan jistaʼ jkun il-​bidu taʼ ħbiberija tajba. Kif tistaʼ tagħmel ċert li l-​imħabba tkun ir-​raġuni vera talli tagħmel dan? Mod wieħed hu billi tapplika l-​parir taʼ Filippin 2:3: ‘B’umiltà qis lill-​oħrajn superjuri għalik.’ Irridu naħsbu f’modi kif ħutna huma superjuri għalina. Forsi nistgħu nitgħallmu mill-​fidi, il-​paċenzja, jew xi kwalità Kristjana oħra li għandhom. Li naħsbu dwar il-​kwalitajiet tajbin tagħhom se jsaħħaħ l-​imħabba tagħna għalihom u se jagħmilha iktar faċli li nkunu ospitabbli.

AĠIXXI KIF JIXRAQ META TIĠI MISTIEDEN

Dawk li jistiednu ġeneralment jippreparaw sew għall-​mistidnin tagħhom (Ara paragrafu 20)

20. Għala u kif għandna nżommu kelmitna meta nkunu aċċettajna stedina?

20 Is-​salmista David staqsa: “O Ġeħova, min se jkun mistieden fit-​tinda tiegħek?” (Salm 15:1) Wara, David tkellem dwar kwalitajiet li Ġeħova jixtieq li l-​mistidnin tiegħu jkollhom. Waħda minn dawn hi li nżommu kelmitna: “Għalkemm dak li ħalef jistaʼ jkun taʼ ħsara għalih, xorta ma jbiddlux.” (Salm 15:4) Jekk aħna naċċettaw stedina, m’għandniex nikkanċellaw sakemm ma jkunx assolutament neċessarju li nagħmlu dan. Dak li stidinna jistaʼ jkun diġà pprepara għalina, u jekk nikkanċellaw, l-​isforzi kollha tiegħu jkunu għalxejn. (Mattew 5:37) Xi nies jikkanċellaw stedina biex b’hekk jaċċettaw oħra li jħossu li hi aħjar. Ikun dan att taʼ mħabba u rispett? Irridu nkunu grati għal kwalunkwe ħaġa li dak li stidinna joffrilna. (Luqa 10:7) U jekk verament hemm bżonn li nikkanċellaw, ikun tajjeb li nuru mħabba u konsiderazzjoni billi ngħidulu malajr kemm jistaʼ jkun.

21. Li nirrispettaw it-​tradizzjonijiet lokali kif jistaʼ jgħinna naġixxu kif jixraq meta niġu mistidnin?

21 Huwa importanti wkoll li nirrispettaw it-​tradizzjonijiet lokali. F’xi kulturi, mistidnin mhux mistennijin jiġu milqugħin. Mentri f’oħrajn, ikun aħjar li wieħed jagħmel arranġament qabel ma jżur lil xi ħadd. F’xi postijiet, dak li jistieden in-​nies joffri l-​aqwa ikel lill-​mistidnin tiegħu, u l-​familja tiġi t-​tieni. F’postijiet oħra kulħadd jiġi ttrattat indaqs. F’xi nħawi, il-​mistidnin normalment jieħdu xi ikel jew xorb magħhom. Fi nħawi oħra, dawk li jistiednu jippreferu li l-​mistidnin tagħhom ma jieħdu xejn magħhom. F’xi kulturi, hu mistenni li l-​mistidnin jirrifjutaw b’edukazzjoni l-​ewwel jew it-​tieni stedina. Imma f’oħrajn, tkun maledukazzjoni li wieħed ma jaċċettax l-​ewwel stedina. Dejjem għandna nagħmlu l-​almu tagħna biex nagħmlu ċert li dak li stidinna jkun kuntent li għamel dan.

22. Għala hu daqshekk importanti li ‘nuru l-​ospitalità maʼ xulxin’?

22 Pietru qal: “Qorob it-​tmiem taʼ kollox.” (1 Pietru 4:7) Illum, aħna niffaċċjaw l-​akbar tribulazzjoni li d-​dinja qatt se tesperjenza. Hekk kif din is-​sistema tkompli tiggrava, se jkollna bżonn imħabba b’saħħitha għal ħutna. Il-​parir taʼ Pietru japplika issa iktar minn qatt qabel: “Uru l-​ospitalità maʼ xulxin.” (1 Pietru 4:9) Iva, l-​ospitalità hija pjaċevoli u neċessarja issa u għal dejjem.