Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kompli uri mogħdrija maʼ “bnedmin taʼ kull xorta”

Kompli uri mogħdrija maʼ “bnedmin taʼ kull xorta”

META Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu kif jippritkaw l-​aħbar tajba, hu avżahom li n-​nies mhux dejjem kienu se jkunu jridu jisimgħuhom. (Luqa 10:3, 5, 6) L-​istess nistgħu ngħidu għall-​ministeru tagħna. Xi nies li niltaqgħu magħhom jistgħu jkunu psataż jew saħansitra aggressivi. U meta jaġixxu b’dan il-​mod, jistaʼ jkun diffiċli għalina li nuru mogħdrija u li nkunu rridu nippritkawlhom.

Xi ħadd li juri mogħdrija jara l-​bżonn u l-​problemi t’oħrajn, iħoss għalihom, u jkun irid jgħinhom. Imma x’jistaʼ jiġri jekk ma nibqgħux nuru mogħdrija man-​nies li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru tagħna? Aħna se nitilfu ż-​żelu tagħna, jiġifieri, mhux se nkunu ħerqanin biex nippritkawlhom, u b’hekk mhux se nkunu nistgħu ngħinuhom. Nistgħu nqabblu ż-​żelu tagħna maʼ nar. Biex nar ikun jistaʼ jaqbad sew, għandna bżonn inkomplu nitfgħu l-​injam. B’mod simili, biex ikollna żelu jaqbad bħan-​nar, hemm bżonn inkomplu nuru l-​mogħdrija!—1 Tessalonikin 5:19.

Kif nistgħu nitgħallmu nuru iktar mogħdrija, anke meta dan ikun diffiċli? Ejja niddiskutu tliet eżempji li nistgħu nimitaw: Ġeħova, Ġesù, u l-​appostlu Pawlu.

IMITA L-MOGĦDRIJA TAʼ ĠEĦOVA

Għal eluf taʼ snin, in-​nies gidbu bil-​kbir dwar Ġeħova. Imma hu jibqaʼ “qalbu tajba maʼ l-​ingrati u l-​ħżiena.” (Luqa 6:35) Kif juriha din il-​qalb tajba? Hu paċenzjuż maʼ kulħadd. Ġeħova jrid li “bnedmin taʼ kull xorta” jiġu salvati. (1 Timotju 2:3, 4) Għalkemm Alla jobgħod il-​ħażen, in-​nies huma prezzjużi għalih u ma jrid lil ħadd minnhom imut.—2 Pietru 3:9.

Ġeħova jaf li Satana jinqalaʼ biex iġiegħel lin-​nies jemmnu l-​gideb. (2 Korintin 4:3, 4) Ħafna ġew mgħallma l-​gideb dwar Alla minn mindu kienu żgħar. Allura l-​mod taʼ kif jaħsbu u jħossuhom jistaʼ jagħmilhielhom diffiċli biex jaċċettaw il-​verità. Imma Ġeħova ħerqan biex jgħinhom. Dan kif nafuh?

Pereżempju, ejja naraw kif ħassu Ġeħova dwar in-​nies fil-​belt taʼ Ninwe. Għalkemm kienu vjolenti, Ġeħova qal lil Ġona: “M’għandux jiddispjaċini għal Ninwe l-​belt il-​kbira, li fiha hemm iktar minn mija u għoxrin elf bniedem li lanqas biss jafu d-​differenza bejn idhom il-​leminija u x-​xellugija?” (Ġona 4:11) Ġeħova ħass għal dawn in-​nies li ma kinux jafu l-​verità dwaru. Allura bagħat lil Ġona biex iwissihom.

Aħna nħossuna bħalma jħossu Ġeħova għan-​nies. Huma prezzjużi. Bħal Ġeħova, aħna ħerqanin biex ngħinuhom jitgħallmu dwaru anke meta jkun jidher li mhux se jaċċettaw il-​verità.

IMITA L-MOGĦDRIJA TAʼ ĠESÙ

Bħal Missieru, Ġesù ħass għan-​nies “għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Ġesù fehem għala kienu f’dan l-​istat. Kien għaliex il-​mexxejja reliġjużi tagħhom ittrattawhom ħażin u għallmuhom il-​gideb. U għalkemm Ġesù kien jaf li ħafna li marru biex jisimgħuh ma kinux se jsiru segwaċi tiegħu għal diversi raġunijiet, hu xorta għallimhom ħafna affarijiet.—Marku 4:1-9.

Tkunx skuraġġit jekk xi ħadd għall-ewwel ma jismax

Meta ċ-ċirkustanzi fil-ħajja jinbidlu, in-nies jistaʼ jkun li jirreaġixxu b’mod differenti għall-verità

 Meta n-​nies jirreaġixxu b’mod negattiv għall-​messaġġ tagħna, għandna bżonn nipprovaw nifhmu għala jagħmlu dan. Jistaʼ jkun li għandhom opinjoni ħażina dwar il-​Bibbja jew dwar il-​Kristjani għax saru jafu li xi wħud li jgħidu li huma Kristjani jagħmlu affarijiet ħżiena. Oħrajn forsi semgħu xi gideb dwar dak li aħna nemmnu. Jerġaʼ oħrajn forsi jibżgħu li l-​qraba tagħhom jew nies oħrajn iwaqqgħuhom għaċ-​ċajt jekk ikellmuna.

Xi nies li niltaqgħu magħhom jistaʼ jkun li kellhom esperjenzi terribbli li effettwawhom ħafna. Missjunarja jisimha Kim tgħid li ħafna nies fit-​territorju tagħha esperjenzaw il-​gwerra u tilfu kulma kellhom. M’għandhomx tama vera għall-​futur. Huma frustrati u ma jafdaw lil ħadd. In-​nies f’dan it-​territorju spiss jipprovaw iwaqqfu lix-​Xhieda milli jippritkaw. Darba Kim ġiet saħansitra attakkata waqt li kienet fil-​ministeru.

Kim kif tibqaʼ turi l-​mogħdrija, anke meta n-​nies jittrattawha ħażin? Hi dejjem tipprova tiftakar fi Proverbji 19:11, li jgħid: “Id-​dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu.” Meta taħseb dwar dak li n-​nies fit-​territorju tagħha għaddew minnu, dan jgħinha turi mogħdrija. U mhux kulħadd jilqagħha ħażin. F’dan l-​istess territorju, hi għandha xi żjajjar lura tajbin.

Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Li kieku ma kontx naf bil-​verità, kif kont se nirreaġixxi jekk ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħtuni xhieda?’ Pereżempju, xi ngħidu jekk inkunu smajna ħafna gideb dwar ix-​Xhieda? Jistaʼ jkun li anke aħna nirreaġixxu b’mod negattiv u jkollna bżonn niġu trattati b’mogħdrija. Ġesù qal li għandna nittrattaw lil oħrajn bil-​mod kif aħna nixtiequ niġu trattati. Allura għandna nipprovaw nifhmu kif iħossuhom oħrajn u nkunu paċenzjużi magħhom, anke jekk dan hu diffiċli.—Mattew 7:12.

IMITA L-MOGĦDRIJA TAʼ PAWLU

L-​appostlu Pawlu wera mogħdrija saħansitra maʼ nies li rreaġixxew b’mod vjolenti għall-​ippritkar tiegħu. Għala? Għax ftakar kif kien jaġixxi hu. Hu qal: “Qabel kont midgħi u persekutur u raġel insolenti. Minkejja dan, intwerejt ħniena, għax kont fl-​injoranza u aġixxejt b’nuqqas taʼ fidi.” (1 Timotju 1:13) Pawlu kien jaf li Ġeħova u Ġesù kienu ħennew ħafna għalih. Hu setaʼ jifhem lin-​nies li riedu jwaqqfu l-​ippritkar tiegħu, għax darba hu hekk kien iħossu.

Xi drabi, Pawlu ltaqaʼ maʼ nies li kienu jemmnu b’mod sod f’tagħlim falz. Dan kif ġiegħlu jħossu? F’​Atti 17:16 naqraw li waqt li kien f’Ateni ‘beda jitbaqbaq meta ra li l-​belt  kienet mimlija idoli.’ Madankollu, Pawlu uża din l-​istess ħaġa li ġegħlitu jitbaqbaq biex jgħallem lin-​nies. (Atti 17:22, 23) Hu biddel il-​mod taʼ kif ipprietka, u tkellem b’modi differenti maʼ nies taʼ background differenti biex ‘b’kull mezz isalva lil xi wħud.’—1 Korintin 9:20-23.

Meta nippritkaw lil nies li jirreaġixxu b’mod negattiv jew li għandhom twemmin żbaljat, nistgħu nagħmlu dak li għamel Pawlu. Nistgħu nużaw dak li nafu dwarhom biex ngħinuhom jitgħallmu dwar l-​“aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.” (Isaija 52:7) Oħt li jisimha Dorothy tgħid: “Fit-​territorju tagħna, ħafna ġew mgħallmin li Alla hu aħrax u ħafif biex jiġġudika. Jien infaħħar nies bħal dawn għat-​twemmin sod li għandhom f’Alla u mbagħad niġbed l-​attenzjoni tagħhom lejn dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​personalità kollha mħabba taʼ Ġeħova u l-​wegħdi tiegħu għall-​futur.”

“DEJJEM IRBAĦ IL-ĦAŻEN BIT-TAJJEB”

Iktar ma nersqu viċin it-​tmiem, iktar se nistennew li l-​attitudni taʼ xi nies se tmur “mill-​ħażin għall-​agħar.” (2 Timotju 3:1, 13) Imma m’għandniex nitilfu l-​mogħdrija jew il-​ferħ tagħna minħabba l-​mod taʼ kif dawn jirreaġixxu. Ġeħova jistaʼ jagħtina s-​saħħa biex ‘dejjem nirbħu l-​ħażen bit-​tajjeb.’ (Rumani 12:21) Pijuniera jisimha Jessica tgħid li spiss tiltaqaʼ maʼ nies li huma kburin u li jwaqqgħu għaċ-​ċajt lilna u l-​messaġġ tagħna. Hi żżid: “Dan jistaʼ jkun taʼ dwejjaq. Meta nibda konversazzjoni u jkolli l-​ewwel reazzjoni mill-​inkwilin, nitlob lil Ġeħova biex jgħinni nara l-​persuna kif jaraha hu.” Dan jgħin lil Jessica biex ma tiffokax fuq is-​sentimenti tagħha iżda minflok taħseb dwar kif tgħin lill-​persuna.

Aħna nkomplu nfittxu għal dawk li jridu jsibu l-verità

Maż-żmien, xi nies se jaċċettaw l-għajnuna tagħna u jitgħallmu l-verità

Ukoll, aħna għandna nipprovaw ninkuraġġixxu lill-​aħwa waqt li nkunu qed nippritkaw magħhom. Jessica tgħid li meta tkun fil-​ministeru m’oħrajn u xi ħadd minnhom ikollu esperjenza ħażina, hi tipprova ma tiffokax fuq dan. Minflok, titkellem fuq xi ħaġa pożittiva, bħar-​riżultati tajbin li għandu l-​ippritkar tagħna avolja xi wħud jirreaġixxu b’mod negattiv.

Ġeħova jaf sew li xi kultant ikun diffiċli għalina biex nippritkaw. Imma jkun ferħan ħafna meta aħna nimitaw il-​ħniena tiegħu! (Luqa 6:36) Ovvjament, Ġeħova mhux se juri mogħdrija u jkun paċenzjuż man-​nies għal dejjem. Aħna nistgħu nkunu ċerti li hu jaf eżatt meta għandu jġib it-​tmiem. Sadanittant, l-​ippritkar tagħna hu urġenti. (2 Timotju 4:2) Allura ejja nkomplu nippritkaw b’żelu u nuru mogħdrija vera maʼ “bnedmin taʼ kull xorta.”