Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Int minn min trid li tkun magħruf u apprezzat?

Int minn min trid li tkun magħruf u apprezzat?

“Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.”—EBREJ 6:10.

GĦANJIET: 39, 30

1. Liema xewqa naturali għandna lkoll kemm aħna?

KIF tħossok meta xi ħadd li taf u tirrispetta jinsa x’jismek jew, agħar minn hekk, ma jagħrfekx? Dan jistaʼ jkun taʼ skuraġġiment kbir għalik. Għala? Għax kull wieħed minna għandu xewqa naturali li jiġi nnotat, jew magħruf, minn oħrajn. Iżda mhuwiex biżżejjed għalina li sempliċement huma jkunu jafu min aħna. Irriduhom ikunu jafu x’tip taʼ persuna aħna u xi rnexxielna nagħmlu fil-​ħajja.—Numri 11:16; Ġob 31:6.

2, 3. X’jistaʼ jiġri lix-​xewqa tagħna biex inkunu magħrufin u apprezzati minn oħrajn? (Ara l-​ewwel stampa.)

2 Imma jekk ma noqogħdux attenti, din ix-​xewqa naturali biex inkunu magħrufin u apprezzati tistaʼ ssir iżjed minn sempliċi xewqa. Id-​dinja taʼ Satana tistaʼ ġġegħelna nkunu rridu nsiru famużi u importanti. Meta jiġri dan, ma nkunux qed nagħtu lil Missierna tas-​sema, Alla Ġeħova, l-​unur u l-​qima li jistħoqqlu.—Rivelazzjoni 4:11.

 3 Fi żmien Ġesù, xi mexxejja reliġjużi kellhom il-​ħarsa żbaljata dwar li jkunu magħrufin u apprezzati. Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-​iskribi li jħobbu jippassiġġaw bi lbiesi twal u jogħġobhom it-​tislim fis-​swieq u s-​siġġijiet taʼ quddiem fis-​sinagogi u l-​iktar postijiet prominenti fl-​ikliet taʼ fil-​għaxija.” Kompla jgħid: “Dawn se jieħdu ġudizzju iktar iebes.” (Luqa 20:46, 47) B’kuntrast, Ġesù faħħar lil waħda armla fqira li tat żewġ muniti żgħar meta probabilment ħadd ma nduna x’għamlet. (Luqa 21:1-4) Ovvjament, il-​ħarsa taʼ Ġesù dwar li nkunu magħrufin u apprezzati kienet differenti ferm minn dik t’oħrajn. Dan l-​artiklu se jgħinna nżommu l-​ħarsa t-​tajba dwar li nkunu magħrufin u apprezzati, il-​ħarsa li Alla Ġeħova jrid li jkollna.

MINN MIN L-AĦJAR LI NKUNU MAGĦRUFIN U APPREZZATI?

4. Minn min l-​aħjar li nkunu magħrufin u apprezzati, u għaliex?

4 Minn min l-​aħjar li nkunu magħrufin u apprezzati? Ma rridux inkunu magħrufin u apprezzati bil-​mod li ħafna nies jipprovaw ikunu permezz t’edukazzjoni għolja, suċċess fin-​negozju, jew fama fid-​dinja tad-​divertiment. Pawlu spjega minn min l-​aħjar li nkunu magħrufin u apprezzati meta qal: “Issa li tafu lil Alla, jew, aħjar, issa li Alla sar jafkom, kif qed terġgħu dduru lura lejn l-​affarijiet elementari li huma dgħajfin u bla siwi u tridu terġgħu titjassru għalihom?” (Galatin 4:9) Huwa privileġġ mill-​isbaħ li ‘Alla sar jafna,’ il-​Mexxej Suprem tal-​univers! Ġeħova jaf min aħna, iħobbna, u jridna nkunu qrib tiegħu. Ġeħova ħalaqna biex inkunu nistgħu ngawdu ħbiberija miegħu.—Ekkleżjasti 12:13, 14.

5. X’għandna nagħmlu sabiex inkunu magħrufin u apprezzati minn Alla?

5 Aħna nafu li Mosè kien ħabib taʼ Ġeħova. Meta talab bil-​ħniena lil Ġeħova: “Ġegħelni nkun naf, jekk jogħġbok, il-​mogħdijiet tiegħek,” Ġeħova wieġeb: “Se nagħmel ukoll din il-​ħaġa li tkellimt dwarha int, għaliex int approvat f’għajnejja u jien nafek b’ismek.” (Eżodu 33:12-17) Ġeħova jistaʼ wkoll ikun jaf lilna b’mod personali. Iżda x’għandna nagħmlu sabiex insiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova? Għandna nħobbuh u niddedikaw ħajjitna lilu.—Aqra l-​1 Korintin 8:3.

6, 7. X’jistaʼ jwassalna biex nitilfu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

6 Madankollu, jeħtieġ li jibqaʼ jkollna din il-​ħbiberija prezzjuża li għandna maʼ Missierna tas-​sema. Bħall-​Kristjani tal-​bidu fil-​Galazja, aħna m’għandniex nibqgħu nitjassru għall-​“affarijiet elementari li huma dgħajfin u bla siwi” taʼ din id-​dinja, inkluż is-​suċċess u l-​fama li toffri. (Galatin 4:9) Dawn il-​Kristjani fil-​Galazja kienu diġà jafu lil Alla, u Alla diġà kien jafhom. Imma Pawlu qal li proprju dawn l-​istess aħwa kienu qed ‘jerġgħu jduru lura’ lejn affarijiet bla sens. Allura fi kliem ieħor, kien qed jistaqsihom: ‘Għaliex erġajtu dortu lura u bdejtu titjassru għall-​istess affarijiet bla siwi?’

7 Tistaʼ l-​istess ħaġa tiġri lilna? Iva, tistaʼ. Bħal Pawlu, meta ġejna fil-​verità,  għandu mnejn ċedejna fama u suċċess fid-​dinja taʼ Satana. (Aqra Filippin 3:7, 8.) Forsi ċedejna opportunitajiet biex nieħdu edukazzjoni għolja, xogħol tajjeb, jew opportunitajiet biex naqilgħu ħafna flus. Jew forsi stajna nsiru famużi jew sinjuri għax għandna talent fil-​mużika jew tajbin fl-​isports. Imma dawn l-​opportunitajiet kollha aħna rrifjutajniehom. (Ebrej 11:24-​27) Ma jkunx għaqli li jiddispjaċina li ħadna deċiżjonijiet tajbin u li naħsbu li ħajjitna kienet tkun aħjar kieku ġrejna wara dawn l-​affarijiet. Attitudni bħal din tistaʼ ġġegħelna nduru lura għall-​affarijiet taʼ din id-​dinja, l-​affarijiet li dwarhom konna diġà ddeċidejna li kienu “dgħajfin u bla siwi.”

SAĦĦAĦ IX-XEWQA TIEGĦEK BIEX TKUN MAGĦRUF U APPREZZAT MINN ĠEĦOVA

8. X’se jsaħħaħ ix-​xewqa tagħna biex inkunu magħrufin u apprezzati minn Ġeħova?

8 Ix-​xewqa tagħna biex inkunu magħrufin u apprezzati minn Ġeħova kif tistaʼ ssir tant b’saħħitha li ma nkunux irridu li niġu magħrufin u apprezzati mid-​dinja? Għandna bżonn niffokaw fuq żewġ veritajiet importanti. L-​ewwel, Ġeħova dejjem jagħraf u japprezza lil dawk li jaqduh lealment. (Aqra Ebrej 6:10; 11:6) Ġeħova jqis lil kull wieħed mill-​qaddejja leali tiegħu bħala prezzjuż, allura jħoss li jkun ‘inġust’ li jinjora lil xi ħadd minnhom. Ġeħova dejjem jaf “lil dawk li huma tiegħu.” (2 Timotju 2:19) Hu “jafha triq il-​ġusti” u jaf kif isalvahom.—Salm 1:6; 2 Pietru 2:9.

9. Agħti eżempji taʼ kif Ġeħova wera li jaf lin-​nies tiegħu.

9 Xi drabi, Ġeħova wera li jaf lin-​nies tiegħu b’modi speċjali ħafna. (2 Kronaki 20:20, 29) Pereżempju, aħseb dwar il-​mod kif Ġeħova salva lill-​poplu tiegħu fil-​Baħar l-​Aħmar meta l-​armata b’saħħitha tal-​Fargħun ġriet warajhom. (Eżodu 14:21-30; Salm 106:9-11) Din il-​ġrajja tant kienet straordinarja li n-​nies f’dik il-​parti tad-​dinja kienu għadhom jitkellmu dwarha 40 sena wara. (Ġożwè 2:9-11) Huwa veru inkuraġġanti għalina li niftakru kif Ġeħova ħabb lill-​poplu tiegħu u uża l-​qawwa tiegħu biex isalvahom fil-​passat, għax dalwaqt se jattakkana Gog taʼ Magog. (Eżekjel 38:8-12) F’dak iż-​żmien, se nkunu ferħanin ħafna li ħdimna biex inkunu magħrufin u apprezzati minn Alla u mhux mid-​dinja.

Kultant Ġeħova jippremja lill-​qaddejja tiegħu b’modi li ma jistennewx

10. Liema verità oħra għandna niffokaw fuqha?

10 It-​tieni verità li għandna niffokaw fuqha hi li Ġeħova jistaʼ juri li jafna u japprezzana b’modi li forsi qatt ma nistennew. Jekk in-​nies jagħmlu affarijiet tajbin sempliċement biex oħrajn ifaħħruhom, Ġeħova mhux se jippremjahom. Għala le? Għax, bħalma qal Ġesù, meta oħrajn ifaħħruhom, dak ikun il-​premju tagħhom. (Aqra Mattew 6:1-5.) Min-​naħa l-​oħra, Ġeħova  “jara dak li hu moħbi.” Hu jinnota lil dawk li ma jiġux onorati għat-​tajjeb li jagħmlu lil oħrajn, u jippremjahom, jew iberikhom. U kultant Ġeħova jippremja lill-​qaddejja tiegħu b’modi li ma jistennewx. Ejja niddiskutu xi eżempji.

ĠEĦOVA WERA LI JAF U JAPPREZZA LIL TFAJLA UMLI B’MOD MHUX MISTENNI

11. Ġeħova kif wera li jaf u japprezza lil Marija?

11 Ġeħova għażel tfajla umli jisimha Marija biex tkun omm Ibnu, Ġesù. Marija għexet f’belt żgħira msejħa Nazaret, ’il bogħod minn Ġerusalemm u t-​tempju sabiħ tagħha. (Aqra Luqa 1:26-33.) Ġeħova għala għażel lil Marija? L-​anġlu Gabrijel qalilha li kienet ‘ġiet approvata minn Alla.’ Aħna nistgħu naraw li kienet ħabiba kbira taʼ Ġeħova minn dak li iktar tard qalet lill-​qariba tagħha Eliżabetta. (Luqa 1:46-​55) Ġeħova kien qed jinnota lil Marija u għax kienet leali lejh, berikha b’dan il-​mod mhux mistenni.

12, 13. Ġesù kif ġie onorat (a) meta twieled u (b) meta Marija ħaditu t-​tempju 40 jum wara?

12 Meta twieled Ġesù, Ġeħova lil min qal dwar it-​twelid tiegħu? Lil ebda uffiċjal jew ħakkiem importanti f’Ġerusalemm u Betlem. Minflok, bagħat anġli lil ragħajja umli li kienu jieħdu ħsieb in-​nagħaġ fl-​għelieqi ’l barra minn Betlem. (Luqa 2:8-14) Imbagħad, dawn ir-​ragħajja żaru lit-​tarbija li kienet għadha kemm twieldet. (Luqa 2:15-17) Marija u Ġużeppi żgur li stagħġbu ħafna meta raw lil Ġesù onorat b’dan il-​mod. Il-​mod kif Ġeħova jagħmel l-​affarijiet hu differenti mill-​mod kif jagħmilhom ix-​Xitan. Meta Satana bagħat l-​astrologi biex iżuru lil Ġesù u l-​ġenituri tiegħu, kulħadd f’Ġerusalemm sar jaf dwar it-​twelid taʼ Ġesù, u dan qajjem ħafna inkwiet. (Mattew 2:3) B’hekk, iktar tard inqatlu ħafna tfal innoċenti.—Mattew 2:16.

13 Il-​Liġi li Ġeħova ta lil Iżrael kienet tgħid li 40 jum wara li mara jkollha tarbija tifel, hi kellha toffri sagrifiċċju  lil Ġeħova. Allura, Marija vvjaġġat madwar disaʼ kilometri maʼ Ġużeppi u Ġesù minn Betlem għat-​tempju f’Ġerusalemm. (Luqa 2:22-24) Matul it-​triq, Marija forsi qagħdet taħseb jekk il-​qassis kienx se jagħmel xi ħaġa speċjali biex jonora lil Ġesù. Ġesù ġie onorat, imma b’mod li Marija setgħet ma stennietx. Ġeħova għażel lil Simegħon, “raġel sewwa li jibżaʼ minn Alla,” u l-​profetessa Anna, armla taʼ 84 sena, biex iħabbar li Ġesù kellu jsir il-​Messija mwiegħed, jew Kristu.—Luqa 2:25-38.

14. Ġeħova kif ippremja lil Marija?

14 Kompla Ġeħova juri li jaf u japprezza lil Marija għax b’lealtà rabbiet u ħadet ħsieb Ġesù? Iva! Alla għamel ċert li ftit mill-​affarijiet li Marija qalet u għamlet tniżżlu fil-​Bibbja. Jidher li Marija ma setgħetx tivvjaġġa maʼ Ġesù matul it-​tliet snin u nofs taʼ ppritkar tiegħu. Forsi peress li kienet armla, kellha toqgħod Nazaret. Allura ma kinitx preżenti meta l-​oħrajn għaddew minn ħafna esperjenzi sbieħ. Imma meta miet Ġesù, hi kienet preżenti. (Ġwanni 19:26) Wara dan, Marija kienet Ġerusalemm mad-​dixxipli taʼ Ġesù qabel irċivew l-​ispirtu qaddis f’Pentekoste. (Atti 1:13, 14) Hemm probabbiltà kbira li kienet waħda mid-​dixxipli li ġew midlukin. Jekk inhu hekk, ifisser li rċiviet l-​opportunità li tkun maʼ Ġesù fis-​sema għal dejjem. Żgur li dan hu premju sabiħ għas-​servizz leali tagħha!

ĠEĦOVA WERA LI JAF U JAPPREZZA LIL IBNU

15. Meta Ġesù kien fuq l-​art, Ġeħova kif wera li jafu u japprezzah?

15 Ġesù ma riedx li jirċievi unur mill-​mexxejja reliġjużi u politiċi. Imma għal tliet darbiet, Ġeħova tkellem direttament mis-​sema, u b’hekk ħalla lil Ibnu jkun jaf li jħobbu. Żgur li Ġesù ġie inkuraġġit ħafna b’dan! Eżatt wara li Ġesù tgħammed fix-​Xmara Ġordan, Ġeħova qal: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17) Jidher li kien Ġwanni l-​Battista biss li semaʼ dan  il-​kliem. Imbagħad, madwar sena qabel il-​mewt taʼ Ġesù, tlieta mill-​appostli tiegħu semgħu lil Ġeħova jgħid dwar Ġesù: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt; isimgħu minnu.” (Mattew 17:5) Fl-​aħħar, ftit ġranet biss qabel il-​mewt taʼ Ġesù, Ġeħova reġaʼ kellem lil Ibnu mis-​sema.—Ġwanni 12:28.

X’titgħallem int mill-mod kif Ġeħova wera li jaf u japprezza lil Ibnu? (Ara paragrafi 15-17)

16, 17. Ġeħova kif wera li jaf u japprezza lil Ġesù b’mod mhux mistenni?

16 Ġesù kien jaf li n-​nies kienu se jgħidu li hu midgħi u li kellu jmut mewta taʼ għajb, jew taʼ mistħija. Xorta waħda, hu talab li ssir ir-​rieda t’Alla u mhux tiegħu. (Mattew 26:39, 42) “Issaporta z-​zokk tat-​tortura, u ma qiesx l-​għajb,” għax ried li jkun magħruf u apprezzat minn Missieru, u mhux mid-​dinja. (Ebrej 12:2) Ġeħova kif wera li jaf u japprezza lil Ġesù?

17 Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu talab biex ikollu l-​glorja li kellu qabel, meta kien maʼ Missieru fis-​sema. (Ġwanni 17:5) Imkien fil-​Bibbja ma jingħad li Ġesù ttama li jikseb xi ħaġa iktar minn dan. Ma stenniex li jirċievi xi premju speċjali għax għamel ir-​rieda taʼ Ġeħova fuq l-​art. Imma x’għamel Ġeħova? Hu wera li jaf u japprezza lil Ġesù billi onorah b’mod mhux mistenni. Meta Ġeħova rxoxta lil Ġesù, hu tah “pożizzjoni superjuri” fis-​sema. Hu tah ukoll ħajja bħala spirtu immortali, xi ħaġa li ħadd qatt ma kien irċieva qabel! * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Filippin 2:9; 1 Timotju 6:16) X’mod meraviljuż biex Ġeħova jippremja lil Ġesù għas-​servizz leali tiegħu!

18. X’se jgħinna naħdmu biex inkunu magħrufin u apprezzati minn Ġeħova u mhux minn din id-​dinja?

18 X’se jgħinna naħdmu biex inkunu magħrufin u apprezzati minn Ġeħova u mhux minn din id-​dinja? Aħna għandna niffokaw fuq il-​fatt li Ġeħova dejjem jaf u japprezza lill-​qaddejja leali tiegħu u li spiss jippremjahom b’modi mhux mistennijin. Aħna nistgħu biss nipprovaw nimmaġinaw kif Ġeħova se jberikna fil-​futur! Imma għalissa, waqt li qed nissaportu l-​problemi u d-​diffikultajiet f’din id-​dinja ħażina, għandna niftakru li l-​affarijiet li hemm fiha se jispiċċaw. Allura, il-​fatt li nkunu magħrufin u apprezzati mid-​dinja ma jiswa xejn. (1 Ġwanni 2:17) Missierna taʼ mħabba, Ġeħova, min-​naħa l-​oħra, qatt mhu se jinsa x-​xogħol li nagħmlu u l-​imħabba li nuru għal ismu, għax hu “mhux inġust.” (Ebrej 6:10) Żgur li se juri li jafna u japprezzana, forsi b’modi li qatt ma immaġinajna!

^ par. 17 Dan il-​premju setaʼ kien mhux mistenni għax l-​immortalità, jew li wieħed ma jmut qatt, ma tissemmiex fl-​Iskrittura Ebrajka.