Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Aħna taʼ Ġeħova

Aħna taʼ Ġeħova

“Hieni l-​ġens li Alla tiegħu hu Ġeħova, il-​poplu li għażel bħala wirtu.”—SALM 33:12.

GĦANJIET: 40, 50

1. Għala nistgħu ngħidu li kollox hu taʼ Ġeħova? (Ara l-​ewwel stampa.)

KOLLOX hu taʼ Ġeħova! Tiegħu huma “s-​smewwiet, saħansitra s-​smewwiet tas-​smewwiet, l-​art u kulma fiha.” (Dewteronomju 10:14; Rivelazzjoni 4:11) Minħabba li Ġeħova ħalaqna, aħna kollha proprjetà tiegħu. (Salm 100:3) Imma min-​nies kollha li qatt għexu, Alla għażel lil xi wħud biex ikunu tiegħu b’mod speċjali.

2. Skont il-​Bibbja, min hu taʼ Ġeħova b’mod speċjali?

2 Pereżempju, Salm 135 iddeskriva lill-​aduraturi leali taʼ Ġeħova taʼ Iżrael tal-​qedem bħala “l-​proprjetà speċjali tiegħu.” (Salm 135:4) Ukoll, Ħosea pprofetizza li wħud mhux Iżraelin kienu se jsiru l-​poplu taʼ Ġeħova. (Ħosea 2:23) Din il-​profezija twettqet meta Ġeħova beda jagħżel nies li ma kinux Iżraelin biex imexxu maʼ Kristu fis-​sema. (Atti 10:45; Rumani 9:23-​26) Dawk midlukin bl-​ispirtu qaddis jissejħu “ġens qaddis.”  Huma l-​“proprjetà speċjali” taʼ Ġeħova. (1 Pietru 2:9, 10) Imma xi ngħidu għall-​Kristjani leali kollha llum li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art? Dawn ukoll huma speċjali għal Ġeħova, fil-​fatt isejħilhom “in-​nies tiegħi” u “l-​magħżulin tiegħi.”—Isaija 65:22.

3. (a) Illum, min għandu relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Illum, il-​“merħla żgħira,” li jittamaw li jgħixu għal dejjem fis-​sema, u n-​“nagħaġ oħrajn,” li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-​art, iqimu lil Ġeħova flimkien bħala “merħla waħda.” (Luqa 12:32; Ġwanni 10:16) Aħna rridu nuru lil Ġeħova kemm napprezzaw din ir-​relazzjoni speċjali li għandna miegħu. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw dan l-​unur speċjali.

AĦNA NIDDEDIKAW ĦAJJITNA LIL ĠEĦOVA

4. Kif nistgħu nirringrazzjaw lil Ġeħova li tana l-​opportunità li jkollna relazzjoni miegħu, u Ġesù kif għamel xi ħaġa simili?

4 Aħna nuru l-​apprezzament tagħna lejn Ġeħova meta niddedikaw ħajjitna lilu u nitgħammdu. Imbagħad, kulħadd ikun jistaʼ jara li aħna taʼ Ġeħova u lesti li nobduh. (Ebrej 12:9) Ġesù għamel xi ħaġa simili meta tgħammed. Għalkemm hu kien diġà parti minn poplu dedikat lil Ġeħova, hu offra lilu nnifsu lil Ġeħova. Kien qisu qed jgħid: ‘Jien nitgħaxxaq nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi.’—Salm 40:7, 8.

5, 6. (a) X’qal Ġeħova meta Ġesù tgħammed? (b) Liema eżempju jistaʼ jgħinna nifhmu kif iħossu Ġeħova dwar id-​dedikazzjoni tagħna?

5 Ġeħova kif ħassu meta tgħammed Ġesù? Il-​Bibbja tgħid: “Wara li tgħammed, Ġesù minnufih telaʼ mill-​ilma; u, ara, is-​smewwiet infetħu, u hu ra l-​ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuqu. U, ara! Instemaʼ wkoll leħen mis-​smewwiet jgħid: ‘Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.’” (Mattew 3:16, 17) Ġesù kien diġà taʼ Alla. Imma Ġeħova kien ferħan meta ra li Ġesù kien lest li juża ħajtu biex jaqdi Lilu biss. Ġeħova jieħu pjaċir ukoll meta aħna niddedikaw ħajjitna lilu, u hu se jberikna.—Salm 149:4.

6 Biex nagħtu eżempju, immaġina li raġel għandu ġnien sabiħ kollu fjuri. Darba waħda, it-​tifla żgħira tiegħu taqtaʼ waħda minn dawn il-​fjuri u tagħtiha lil missierha. Għalkemm il-​fjura diġà hi tiegħu, il-​missier kollu mħabba jkun ferħan ħafna b’dan ir-​rigal. Dan juri li bintu tħobbu. Dik il-​fjura mingħand bintu hi iktar prezzjuża għalih mill-​fjuri l-​oħra kollha tal-​ġnien. B’mod simili, Ġeħova jkun ferħan ħafna meta nkunu lesti li niddedikaw ħajjitna lilu.—Eżodu 34:14.

7. Malakija kif għenna nifhmu kif iħossu Ġeħova dwar dawk li huma lesti li jaqduh?

7 Aqra Malakija 3:16. Għala hu daqshekk importanti li tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed? Huwa veru li minn mindu bdejt teżisti, int kont diġà tal-​Ħallieq tiegħek, Ġeħova. Imma aħseb ftit kemm ikun ferħan Ġeħova meta int taċċetta lilu bħala l-​Mexxej  tiegħek u tiddedika ħajtek lilu. (Proverbji 23:15) Ġeħova jaf min huma dawk li huma lesti li jaqduh, u hu jikteb isimhom fi “ktieb it-​tifkira” tiegħu.

8, 9. Ġeħova x’jitlob minn dawk li isimhom hu miktub fi “ktieb it-​tifkira” tiegħu?

8 Jekk irridu li isimna jibqaʼ fi “ktieb it-​tifkira” taʼ Ġeħova, hemm xi ħaġa li rridu nagħmlu. Malakija qal li għandna nibżgħu minn Ġeħova u nimmeditaw dwar ismu. Jekk aħna nqimu lil xi ħadd ieħor jew xi ħaġa oħra, isimna se jiġi mħassar mill-​ktieb taʼ Ġeħova!—Eżodu 32:33; Salm 69:28.

Għal kemm indumu ħajjin, għandna nuru bl-​azzjonijiet tagħna li aħna nobdu lil Ġeħova

9 Mela mhux biżżejjed li nwiegħdu lil Ġeħova li se nagħmlu dak li jrid hu u mbagħad nitgħammdu. Dawn huma affarijiet li għamilniehom darba, imma li nqimu lil Ġeħova hu l-​mod kif ngħixu. Kuljum, għal kemm indumu ħajjin, għandna nuru bl-​azzjonijiet tagħna li aħna nobdu lil Ġeħova.—1 Pietru 4:1, 2.

AĦNA NWARRBU X-XEWQAT TAD-DINJA

10. X’differenza ċara għandu jkun hemm bejn dawk li jaqdu lil Ġeħova u dawk li ma jaqduhx?

10 Fl-​artiklu taʼ qabel dan tgħallimna li Kajjin, Salamun, u l-​Iżraelin qalu li jqimu lil Ġeħova imma huma ma kinux leali lejh. Dawn l-​eżempji għallmuna li mhuwiex biżżejjed li ngħidu li nqimu lil Ġeħova. Aħna għandna nobogħdu dak li hu ħażin u nħobbu dak li hu tajjeb. (Rumani 12:9) Ġeħova jgħid li kellu jkun hemm differenza ċara “bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.”—Malakija 3:18.

11. Għala għandu jkun faċli għal oħrajn biex jaraw li aħna nqimu biss lil Ġeħova?

11 Aħna napprezzaw li Ġeħova għażilna biex inkunu l-​poplu tiegħu! Allura, għandu jkun faċli għal oħrajn biex jaraw li aħna qegħdin fuq in-​naħa taʼ Ġeħova. (Mattew 5:16; 1 Timotju 4:15) Saqsi lilek nnifsek: ‘Jistgħu oħrajn jaraw li jien kompletament fuq in-​naħa taʼ Ġeħova? Kburi jien li ngħid lin-​nies li jien wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?’ Aħseb kemm ikun imdejjaq Ġeħova jekk nistħu ngħidu lil oħrajn li aħna tiegħu.—Salm 119:46; aqra Marku 8:38.

Juri l-mod kif tgħix ħajtek li int wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova? (Ara paragrafi 12, 13)

12, 13. Xi wħud kif għamluha diffiċli għal oħrajn biex jindunaw li huma Xhieda taʼ Ġeħova?

12 B’dispjaċir, xi Xhieda jimitaw “l-​ispirtu tad-​dinja.” Minħabba f’hekk, mhumiex daqshekk differenti minn dawk li ma jqimux lil Ġeħova. (1 Korintin 2:12) “L-​ispirtu tad-​dinja” jġiegħel lin-​nies ikun moħħhom fuq ix-​xewqat tagħhom. (Efesin 2:3) Pereżempju, minkejja l-​pariri kollha li nirċievu, xi wħud jagħżlu li jilbsu immodest. Huma jilbsu ħwejjeġ issikkati u skullati, anki waqt il-​laqgħat Kristjani. Jew jagħżlu stil taʼ xagħar estrem li jiġbed wisq attenzjoni lejhom jew juri li qed  jimitaw lil uħud fid-​dinja. (1 Timotju 2:9, 10) Minħabba f’hekk, jistaʼ jkun diffiċli għal oħrajn biex jindunaw jekk humiex Xhieda taʼ Ġeħova jew le.—Ġakbu 4:4.

13 Hemm modi oħra kif xi Xhieda ma wrewx biċ-​ċar li huma differenti min-​nies tad-​dinja. Pereżempju, waqt xi okkażjonijiet, xi wħud żifnu jew ġabu ruħhom b’mod li mhux xieraq għall-​Kristjani. U oħrajn tefgħu ritratti tagħhom infushom u kummenti fuq is-​social media li juru li għandhom ħsibijiet tal-​laħam, jiġifieri li jaħsbuha bħan-​nies tad-​dinja. Jistaʼ jkun li dawn ma għamlux dnub serju u għadhom parti mill-​kongregazzjoni, imma jistgħu jkunu taʼ influwenza ħażina għall-​aħwa kollha li qed jagħmlu sforz biex ikunu differenti mid-​dinja.—Aqra l-​1 Pietru 2:11, 12.

Tiġix influwenzat minn dawk li ma jurux biċ-ċar li huma fuq in-naħa taʼ Ġeħova

14. X’għandna nagħmlu biex nipproteġu l-​ħbiberija speċjali tagħna maʼ Ġeħova?

14 Kull ħaġa fid-​dinja hi ddisinjata biex iġġegħelna niffokaw fuq “ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja.” (1 Ġwanni 2:16) Imma aħna taʼ Ġeħova, allura aħna differenti. Aħna “nwarrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja u ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-​sistema.” (Titu 2:12) Il-​mod kif ngħixu, inkluż kliemna, l-​ikel, ix-​xorb, l-​ilbies u d-​dehra tagħna, u kif inġibu ruħna fuq ix-​xogħol, għandhom jagħmluha ċara għal kulħadd li aħna taʼ Ġeħova.—Aqra l-​1 Korintin 10:31, 32.

 AĦNA GĦANDNA “MĦABBA PROFONDA LEJN XULXIN”

15. Għala għandna nittrattaw lil ħutna b’qalb tajba u bi mħabba?

15 Aħna nuru li nqisu taʼ valur il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova bil-​mod kif nittrattaw lil ħutna Kristjani. L-​istess bħalna, huma taʼ Ġeħova. Jekk niftakru dan il-​fatt, dejjem se nittrattawhom b’qalb tajba u bi mħabba. (1 Tessalonikin 5:15) Kemm hu importanti dan? Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:35.

16. X’nitgħallmu mil-​Liġi Mosajka dwar kemm Ġeħova jħobb lill-​poplu tiegħu?

16 Eżempju mil-​Liġi Mosajka jistaʼ jgħinna nitgħallmu kif aħna għandna nittrattaw lil xulxin fil-​kongregazzjoni. Fit-​tempju taʼ Ġeħova, kien hemm għodod li kienu jintużaw biss għall-​qima. Il-​Liġi kienet tispjega ċar kif il-​Leviti kellhom jieħdu ħsieb dawn l-​għodod, u jekk xi ħadd ma kienx jimxi maʼ dawn l-​istruzzjonijiet kien jiġi maqtul. (Numri 1:50, 51) Issa jekk Ġeħova kien jimpurtah daqshekk minn kif kienu jiġu użati l-​għodod għall-​qima tiegħu, kemm iżjed jimpurtah minn kif in-​nies jittrattaw lill-​poplu dedikat tiegħu, l-​adoraturi leali! Hu wriena kemm aħna prezzjużi għalih meta qal: “Dak li qed imisskom qed imiss il-​mimmi t’għajnejja.”—Żakkarija 2:8.

Ġeħova jinnota meta aħna naħfru, nuru ospitalità, ġenerożità, u qalb tajba

17. Ġeħova taʼ xiex ‘jagħti kas u jismaʼ’?

17 Malakija qal li Ġeħova ‘jagħti kas u jismaʼ’ kif in-​nies tiegħu jittrattaw lil  xulxin. (Malakija 3:16) Ġeħova “jafhom lil dawk li huma tiegħu.” (2 Timotju 2:19) Hu jaf eżatt dak li ngħidu u nagħmlu. (Ebrej 4:13) Meta ma nkunux qalbna tajba maʼ ħutna, Ġeħova jinnotah dan. Imma nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jinnota wkoll meta aħna naħfru, nuru ospitalità, ġenerożità, u qalb tajba.—Ebrej 13:16; 1 Pietru 4:8, 9.

“ĠEĦOVA MHUX SE JABBANDUNA LILL-POPLU TIEGĦU”

18. Kif nistgħu nuru li napprezzaw li Ġeħova għażilna biex inkunu l-​poplu tiegħu?

18 Aħna rridu nuru lil Ġeħova kemm napprezzaw li aħna l-​poplu tiegħu. Ukoll, nafu li meta ddedikajna ħajjitna lilu, din kienet l-​iktar deċiżjoni għaqlija li stajna ħadna. Għalkemm ngħixu “fost ġenerazzjoni mgħawġa u maqluba,” aħna xorta nistgħu nkunu “bla ħtija u innoċenti” u niddu “bħala dawwala fid-​dinja.” (Filippin 2:15) Għalhekk, aħna determinati li nevitaw li nagħmlu xi ħaġa li Ġeħova jobgħod. (Ġakbu 4:7) U aħna nħobbu u nirrispettaw lil ħutna għax anki huma taʼ Ġeħova.—Rumani 12:10.

19. Ġeħova kif jippremja lil dawk li huma tiegħu?

19 Il-​Bibbja twegħedna: “Ġeħova mhux se jabbanduna lill-​poplu tiegħu.” (Salm 94:14) Din hija garanzija. Jiġri x’jiġri, Ġeħova se jkun magħna. Anki jekk immutu, hu mhux se jinsiena. (Rumani 8:38, 39) “Jekk ngħixu, ngħixu għal Ġeħova, u jekk immutu, immutu għal Ġeħova. Għalhekk, kemm jekk ngħixu u kemm jekk immutu, aħna taʼ Ġeħova.” (Rumani 14:8) Aħna nħarsu ’l quddiem għaż-​żmien meta Ġeħova se jerġaʼ jagħti l-​ħajja lill-​ħbieb leali kollha tiegħu li mietu. (Mattew 22:32) U anki issa ngawdu ħafna rigali mill-​isbaħ mingħand Missierna. Kif tgħid il-​Bibbja, “hieni l-​ġens li Alla tiegħu hu Ġeħova, il-​poplu li għażel bħala wirtu.”—Salm 33:12.