Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’nistgħu nagħtu lill-Wieħed li għandu kollox?

X’nistgħu nagħtu lill-Wieħed li għandu kollox?

“O Alla tagħna, aħna qed nirringrazzjawk u nfaħħru l-​isem sabiħ tiegħek.”—1 KRONAKI 29:13.

GĦANJIET: 95, 58

1, 2. Ġeħova kif inhu ġeneruż magħna?

ĠEĦOVA hu Alla ġeneruż. Dak kollu li għandna ġej mingħandu. L-​affarijiet prezzjużi kollha tal-​art huma tiegħu, u hu jużahom biex jieħu ħsieb il-​ħolqien. (Salm 104:13-15; Ħaggaj 2:8) Mill-​Bibbja nitgħallmu kif Ġeħova kultant juża dawn l-​affarijiet prezzjużi b’mod mirakoluż biex jipprovdi għan-​nies tiegħu.

2 Pereżempju, meta l-​poplu taʼ Iżrael għex fix-​xagħri għal 40 sena, Ġeħova pprovdielu l-​manna u l-​ilma. (Eżodu 16:35) Minħabba dan, huma “ma kien jonqoshom xejn.” (Neħemija 9:20, 21) Wara xi żmien, Ġeħova ta lill-​profeta Eliżew il-​qawwa biex iżid l-​ammont żgħir taʼ żejt li kellha armla leali. Dan ir-​rigal mingħand Alla għenha biex tħallas id-​dejn kollu li kellha u xorta jibqgħalha biżżejjed flus biex kemm hi u kemm it-​tfal subien tagħha jibqgħu ħajjin. (2 Slaten 4:1-7) Ukoll, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Ġesù  b’mod mirakoluż ipprovda ikel u anke flus meta kien hemm bżonn.—Mattew 15:35-38; 17:27.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Ġeħova jistaʼ juża dak li jrid hu biex jieħu ħsieb il-​ħolqien tiegħu. Imma hu xorta jistieden lill-​qaddejja tiegħu biex jagħtu dak li jistgħu ħalli jappoġġjaw ix-​xogħol tal-​organizzazzjoni tiegħu. (Eżodu 36:3-7; aqra Proverbji 3:9.) Ġeħova għala jistenna li nagħtuh lura mill-​affarijiet prezzjużi tagħna? Il-​qaddejja taʼ Ġeħova fi żminijiet Bibliċi kif appoġġjaw ix-​xogħol tiegħu? Illum, l-​organizzazzjoni kif tuża l-​kontribuzzjonijiet li tirċievi? Dan l-​artiklu se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

AĦNA GĦALA NAGĦTU MILLI GĦANDNA LIL ĠEĦOVA?

4. Xi nkunu qed nuruh lil Ġeħova meta nappoġġjaw ix-​xogħol tiegħu?

Aħna nagħtu lil Ġeħova għax inħobbuh

4 Aħna nagħtu lil Ġeħova għax inħobbuh u għax aħna grati għal kulma hu għamel magħna. Meta naħsbu dwar dak kollu li Ġeħova għamel għalina, qalbna titqanqal profondament. Is-​Sultan David hekk ħassu meta spjega x’kien hemm bżonn għall-​bini tat-​tempju. David qal li dak kollu li nirċievu ġej mingħand Ġeħova u dak li nagħtu lil Ġeħova, ġej minn dak li Hu diġà tana.—Aqra l-​1 Kronaki 29:11-14.

5. Il-​Bibbja kif turina illi li nagħtu b’mod ġeneruż hu parti importanti mill-​qima vera?

5 Ukoll, aħna nagħtu lil Ġeħova għax dan hu mod kif inqimuh. Permezz taʼ viżjoni, l-​appostlu Ġwanni semaʼ lill-​qaddejja taʼ Ġeħova fis-​sema jgħidu: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Rivelazzjoni 4:11) Żgur naqblu li Ġeħova jistħoqqlu kull glorja u unur, u allura aħna se nkunu rridu nagħtuh mill-​aħjar tagħna. Ġeħova kkmanda lill-​poplu taʼ Iżrael, permezz taʼ Mosè, biex jagħmel tliet festi kull sena. F’dawn il-​festi, li jagħtu lil Ġeħova kienet parti mill-​qima tagħhom. Il-​poplu kien intqallu biex ma ‘jidhirx quddiem Ġeħova b’idu vojta.’ (Dewteronomju 16:16) Anke llum il-​ġurnata, li nagħtu b’mod ġeneruż hu parti importanti mill-​qima tagħna. B’dan il-​mod, inkunu qed nuru li napprezzaw u nappoġġjaw ix-​xogħol tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

6. Għala hu għall-​ġid tagħna li nagħtu mill-​affarijiet prezzjużi li għandna? (Ara l-​ewwel stampa.)

6 Li nagħtu b’mod ġeneruż u mhux biss nirċievu, hu għall-​ġid tagħna. (Aqra Proverbji 29:21.) Immaġina tifla li l-​ġenituri tagħha jagħtuha l-​pocket money u mbagħad tuża ftit minn dawk il-​flus biex tixtri rigal għall-​ġenituri tagħha. Kif taħseb li ħa jħossuhom bir-​rigal li tkun tathom? Jew immaġina pijunier żagħżugħ li jgħix mal-​ġenituri tiegħu u hu jagħtihom xi flus biex jgħinhom iħallsu l-​kera jew jixtru l-​ikel għall-​familja. Il-​ġenituri tiegħu forsi ma jistennewx li  jagħmel hekk, imma huma xorta jaċċettaw ir-​rigal. Għala? Għax għalih, dan hu mod kif juri li japprezza dak kollu li jagħmlu miegħu. B’mod simili, Ġeħova jaf li hu għall-​ġid tagħna li nagħtu mill-​affarijiet prezzjużi li għandna.

KIF IL-​QADDEJJA T’ALLA TAW KONTRIBUZZJONIJIET FIL-​PASSAT

7, 8. In-​nies taʼ Ġeħova fi żminijiet Bibliċi, kif ħallew eżempju meta (a) taw kontribuzzjonijiet għall-​proġetti speċifiċi? (b) għenu bil-​flus lil dawk li kienu qed imexxu x-​xogħol?

7 Mill-​Bibbja nitgħallmu li l-​poplu taʼ Ġeħova kien jagħti kontribuzzjonijiet biex jappoġġja x-​xogħol Tiegħu. Kultant taw għall-​proġetti speċifiċi. Pereżempju, Mosè inkuraġġixxa lill-​Iżraelin biex jikkontribwixxu għall-​bini tat-​tabernaklu. Żmien wara, is-​Sultan David għamel l-​istess għall-​bini tat-​tempju. (Eżodu 35:5; 1 Kronaki 29:5-​9) Matul it-​tmexxija tas-​Sultan Ġeħogħas, il-​qassisin irranġaw it-​tempju billi użaw il-​flus li kienu taw in-​nies. (2 Slaten 12:4, 5) Fl-​ewwel seklu, kien hemm Kristjani li saru jafu li fil-​Lhudija kien hemm ġuħ kbir u li l-​aħwa kellhom bżonn l-​għajnuna. Allura kull Kristjan ra kemm setaʼ jagħti lill-​aħwa t’hemmhekk.—Atti 11:27-​30.

8 In-​nies taʼ Ġeħova taw ukoll il-​flus biex jgħinu lil dawk li kienu qed imexxu x-​xogħol tiegħu. Pereżempju, taħt il-​Liġi taʼ Mosè, il-​Leviti ma kellhomx wirt bħalma kellhom it-​tribujiet l-​oħra. Għalhekk, il-​bqija tal-​Iżraelin kellhom jgħinuhom permezz taʼ kontribuzzjonijiet regolari, u b’hekk il-​Leviti setgħu jiffokaw fuq ix-​xogħol tagħhom fit-​tabernaklu. (Numri 18:21) B’mod simili, nisa ġenerużi użaw minn dak li kellhom biex jgħinu lil Ġesù u lill-​appostli tiegħu.—Luqa 8:1-3.

Kulħadd setaʼ jagħti xi ħaġa, kemm min kien sinjur ħafna u kemm min kien fqir ħafna

9. Fil-​passat, il-​kontribuzzjonijiet b’liema modi differenti kienu ngħataw?

9 Dawk il-​kontribuzzjonijiet kienu ngħataw b’modi differenti. L-​Iżraelin li kkontribwew għall-​bini tat-​tabernaklu, setgħu taw affarijiet prezzjużi li kienu ġabu mill-​Eġittu. (Eżodu 3:21, 22; 35:22-​24) Fl-​ewwel seklu, xi Kristjani biegħu xi affarijiet li kellhom, bħal għelieqi jew djar, u l-​flus tawhom lill-​appostli. Imbagħad, l-​appostli użaw dawk il-​flus għall-​aħwa li kellhom bżonn l-​għajnuna. (Atti 4:34, 35) Kristjani oħra kienu jwarrbu l-​flus regolarment biex bihom jgħinu fix-​xogħol. (1 Korintin 16:2) Allura kulħadd setaʼ jagħti xi ħaġa, kemm min kien sinjur ħafna u kemm min kien fqir ħafna.—Luqa 21:1-4.

ILLUM AĦNA KIF NAGĦTU?

10, 11. (a) Kif nistgħu nimitaw il-​qaddejja ġenerużi taʼ Ġeħova li kienu jgħixu fi żminijiet Bibliċi? (b) Kif tħossok dwar il-​privileġġ li għandek biex tappoġġja x-​xogħol tas-​Saltna?

10 Illum, aħna wkoll nistgħu niġu mitlubin biex nagħtu għal xi ħaġa speċifika. Forsi l-​kongregazzjoni tiegħek qed tippjana biex tagħmel rinnovazzjoni  tas-​Sala tas-​Saltna jew tibni waħda ġdida. Jew forsi l-​uffiċċju tal-​fergħa lokali għandu bżonn jiġi irrinnovat. Aħna forsi nistgħu wkoll ngħinu fl-​ispejjeż tal-​konvenzjoni. Jew forsi ħutna f’pajjiż ieħor sofrew diżastru naturali u għandhom bżonn l-​għajnuna tagħna. Il-​kontribuzzjonijiet tagħna jappoġġjaw ukoll lill-​missjunarji, il-​pijunieri speċjali, l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet, u lil dawk li jaħdmu fil-​kwartieri ġenerali u f’uffiċċji tal-​fergħa madwar id-​dinja. Il-​kongregazzjoni tiegħek tistaʼ wkoll tkun qed tibgħat kontribuzzjonijiet regolari biex tgħin ħalli jinbnew Swali tal-​Assemblea u Swali tas-​Saltna għal ħutna f’partijiet oħra tad-​dinja.

11 Kollha kemm aħna nistgħu nagħtu xi ħaġa biex nappoġġjaw ix-​xogħol li qed tagħmel l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova f’dawn l-​aħħar jiem. Il-​biċċa l-​kbira mid-​donazzjonijiet ma nkunux nafu min tahom. Meta npoġġu l-​flus fil-​kaxxi tal-​kontribuzzjonijiet fis-​Sala tas-​Saltna jew nagħtu donazzjonijiet onlajn permezz taʼ jw.org/mt, aħna ma noqogħdux ngħidu lil oħrajn kemm tajna. Imma xi ngħidu jekk tħoss li l-​kontribuzzjonijiet tiegħek huma żgħar wisq biex jagħmlu differenza? Ir-​realtà hi li l-​biċċa l-​kbira mid-​donazzjonijiet li tirċievi l-​organizzazzjoni, jiġu minn ħafna donazzjonijiet żgħar u mhux minn ftit kbar. Anke ħutna li għandhom veru ftit flus jimitaw il-​Kristjani tal-​bidu tal-​Maċedonja. Dawn kienu ‘f’faqar kbir,’ imma talbu biex jitħallew jagħtu u għamlu dan b’mod ġeneruż.—2 Korintin 8:1-4.

12. L-​organizzazzjoni kif tipprova tuża l-​kontribuzzjonijiet bl-​aħjar mod possibbli?

12 Il-​Ġemgħa li Tiggverna hi leali u għaqlija fil-​mod kif tuża l-​kontribuzzjonijiet. (Mattew 24:45) Il-​membri tagħha jitolbu lil Ġeħova biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin, u jippjanaw b’għaqal kif se jużaw il-​flus. (Luqa 14:28) Fi żminijiet Bibliċi, irġiel leali li kienu jieħdu ħsieb il-​kontribuzzjonijiet għamlu ċert li dawn jintużaw biss għall-​qima taʼ Ġeħova. Pereżempju, Esdra mar lura Ġerusalemm b’kontribuzzjonijiet prezzjużi ħafna li kien tah is-​sultan tal-​Persja. Dawn kienu jinkludu deheb, fidda, u teżori oħra li llum jiġu jiswew iktar minn 90 miljun ewro. Esdra qies dawn il-​kontribuzzjonijiet bħala rigali għal Ġeħova. Allura lil dawk li kienu se jġorruhom tahom istruzzjonijiet speċifiċi, biex waqt li jkunu għaddejjin minn artijiet perikolużi dawn l-​affarijiet ikunu protetti. (Esdra 8:24-34) Ħafna snin wara, l-​appostlu Pawlu ġabar il-​flus biex jgħin lill-​aħwa fil-​Lhudija li kienu fil-​bżonn. Hu għamel ċert li dawk li wasslu l-​flus ħadu ħsiebhom ‘b’mod onest mhux biss quddiem Ġeħova imma wkoll quddiem il-​bnedmin.’ (Aqra t-​2 Korintin 8:18-21.) Illum, l-​organizzazzjoni tagħna timita lil Esdra u lil Pawlu u tuża l-​kontribuzzjonijiet b’għaqal kbir.

13. L-​organizzazzjoni għala għamlet ċerti bidliet dan l-​aħħar?

13 Membri taʼ familja jaf ikollhom bżonn jagħmlu bidliet fil-​mod kif jużaw il-​flus biex ma jonfqux iktar milli jaqilgħu. Jew għandhom mnejn ifittxu modi kif jissimplifikaw ħajjithom biex jagħmlu iktar għal Ġeħova. L-​istess jistaʼ  jingħad għall-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Reċentement, saru ħafna proġetti sbieħ ġodda, u xi drabi, intefqu iktar flus milli daħlu. Allura l-​organizzazzjoni, bħal familja, tfittex modi kif tonfoq inqas flus u tissimplifika x-​xogħol, biex b’hekk tkun tistaʼ tuża l-​kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħkom bl-​aħjar mod possibbli.

KIF NIBBENEFIKAW MILL-​KONTRIBUZZJONIJIET TAGĦNA

Il-kontribuzzjonijiet tagħkom jgħinu fix-xogħol tagħna taʼ madwar id-dinja (Ara paragrafi 14-16)

14-16. (a) Il-​kontribuzzjonijiet tiegħek għal xiex qed jiġu użati? (b) B’liema modi bbenefikajt int minn dawn il-​proġetti?

14 Ħafna li ilhom snin fil-​verità jgħidu li issa qed nirċievu ħafna iżjed rigali sbieħ mill-​organizzazzjoni. Issa għandna l-​websajt jw.org u l-​JW Broadcasting. Għandna wkoll it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa b’ħafna iktar lingwi. Fl-​2014/2015, il-​Konvenzjonijiet Internazzjonali taʼ tlett ijiem “Ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​Saltna t’Alla!” saru fi ftit mill-​ikbar stejdjums f’14-​il belt madwar id-​dinja. Dawk kollha li attendew kienu ferħanin li kienu preżenti!

15 Ħafna esprimew kemm huma grati għar-​rigali li qed tagħtina l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Pereżempju, koppja li taqdi fl-​Asja kitbet: “L-​inkarigu tagħna hu f’belt żgħira. Minħabba f’hekk, xi kultant inħossuna maqtugħin minn kulħadd, u malajr ninsew li x-​xogħol taʼ Ġeħova qed isir mad-​dinja kollha. Imma malli naraw il-​ħafna programmi fuq il-​JW Broadcasting, niftakru li aħna parti minn familja kbira madwar id-​dinja. Ħutna lokali huma ferħanin ħafna bil-​JW Broadcasting. Taʼ spiss nisimgħuhom jgħidu li wara li jaraw il-​programmi taʼ kull xahar, iħossuhom qrib tal-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Issa huma kburin iktar minn qatt qabel li jagħmlu parti mill-​organizzazzjoni t’Alla.”

 16 Madwar id-​dinja, bħalissa, kważi 2,500 Sala tas-​Saltna qed jiġu mibnijin jew irrinnovati. L-​aħwa taʼ kongregazzjoni waħda fil-​Honduras jgħidu li qabel kienu biss joħolmu li jkollhom Sala tas-​Saltna tagħhom, imma issa din il-​ħolma saret realtà. Huma kitbu: “Inħossuna veru ferħanin li aħna parti mill-​familja universali taʼ Ġeħova u li ngawdu l-​ħbiberiji tal-​aħwa madwar id-​dinja kollha.” Ħafna jesprimu lilhom infushom b’mod simili meta jirċievu l-​Bibbja u pubblikazzjonijiet oħra fil-​lingwa tagħhom, meta aħwa jmorru jgħinuhom wara xi diżastru naturali, jew meta jkollhom riżultati tajbin f’għoti taʼ xhieda fi bliet kbar u fit-​territorju tagħhom.

17. Kif nafu li Ġeħova qed jappoġġja l-​organizzazzjoni tiegħu llum?

17 Ħafna li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova ma jistgħux jifhmu kif nagħmlu dan kollu b’kontribuzzjonijiet volontarji biss. Maniġer taʼ kumpanija kbira żar waħda mill-​istamperiji tagħna. Hu baqaʼ skantat li x-​xogħol kollu jsir mill-​volontieri, b’donazzjonijiet volontarji, u mingħajr ma qatt jiġu organizzati attivitajiet biex jinġabru l-​flus. Hu qal li dak li nagħmlu hu impossibbli. Aħna naqblu miegħu! Ilkoll nafu li dan hu possibbli biss għax Ġeħova qed jappoġġja dan ix-​xogħol.—Ġob 42:2.

INGAWDU BARKIET META NAGĦTU LURA LIL ĠEĦOVA

18. (a) X’barkiet nirċievu meta nagħtu biex nappoġġjaw is-​Saltna? (b) Kif nistgħu ngħallmu lit-​tfal tagħna u wħud ġodda biex jagħmlu l-​istess?

18 Ġeħova jagħtina l-​privileġġ u l-​opportunità biex nappoġġjaw ix-​xogħol kbir tas-​Saltna li qed isir. Hu jassigurana li meta nagħmlu hekk se jberikna. (Malakija 3:10) Ġeħova jwegħedna li jekk nagħtu mill-​qalb se nirċievu ħafna barkiet. (Aqra Proverbji 11:24, 25.) Hu anke jgħidilna li meta nagħtu lil oħrajn se nkunu ferħanin għax “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) B’dak li ngħidu u nagħmlu, nistgħu ngħallmu lit-​tfal tagħna u wħud ġodda li huma wkoll jistgħu jgħinu f’dan ix-​xogħol u jgawdu ħafna barkiet.

19. Dan l-​artiklu kif inkuraġġiek?

19 Dak kollu li għandna ġej mingħand Ġeħova. Meta aħna nagħtu lura lilu, inkunu qed nuruh li nħobbuh u napprezzaw dak kollu li għamel magħna. (1 Kronaki 29:17) Meta l-​Iżraelin taw kontribuzzjonijiet għall-​bini tat-​tempju, huma ‘ferħu minħabba l-​offerti li taw minn rajhom, għax kien b’qalb sħiħa li taw offerti minn rajhom lil Ġeħova.’ (1 Kronaki 29:9) Ejja aħna wkoll inkomplu nsibu l-​ferħ meta nagħtu lura lil Ġeħova minn dak li hu diġà tana.