Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Liema tip taʼ mħabba ġġib ferħ veru?

Liema tip taʼ mħabba ġġib ferħ veru?

“Hieni l-​poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!”—SALM 144:15.

GĦANJIET: 75, 73

1. Iż-​żmien li qed ngħixu fih għala hu differenti minn kwalunkwe żmien ieħor?

AĦNA qed ngħixu fi żmien li hu differenti minn kwalunkwe żmien ieħor fl-​istorja umana. Ġeħova qed jiġbor folla kbira “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien,” eżatt bħalma bassret il-​Bibbja. Din il-​folla hi “ġens setgħan” taʼ iktar minn tmien miljun persuna ferħana li qed ‘jagħtu servizz sagru lil Alla lejl u nhar.’ (Rivelazzjoni 7:9, 15; Isaija 60:22) Qatt qabel ma kien hawn daqstant nies li saru jħobbu lil Alla u lill-​bnedmin sħabhom.

2. Nies li mhumiex ħbieb t’Alla x’tip taʼ mħabba gwidata b’mod ħażin għandhom? (Ara l-​ewwel stampa.)

2 Madankollu, il-​Bibbja bassret ukoll li fi żmienna, nies li mhumiex ħbieb t’Alla se jkollhom tip taʼ mħabba gwidata b’mod ħażin u hi egoista. L-​appostlu Pawlu kiteb li fl-​aħħar jiem, in-​nies kienu se “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus” u “jħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:1-4) Hemm baħar jaqsam bejn dit-​tip taʼ mħabba egoista u l-​imħabba għal Alla. Meta n-​nies jirsistu  għal miri egoisti, dan ma jagħmilhomx kuntenti, allavolja huma forsi hekk jaħsbu. Anzi, din it-​tip taʼ mħabba toħloq dinja egoista u tagħmel il-​ħajja diffiċli għal kulħadd.

3. X’se neżaminaw f’dan l-​artiklu? Għala?

3 L-​appostlu Pawlu kien jaf li l-​imħabba egoista kienet se ssir komuni ħafna u li kienet se tkun taʼ periklu għall-​Kristjani. Għalhekk, hu wissiehom biex ‘jaħarbu,’ jew jevitaw, nies li juru mħabba egoista. (2 Timotju 3:5) Imma ma nistgħux nevitaw kull kuntatt maʼ nies bħal dawn. Allura, x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna mill-​attitudnijiet taʼ dawk taʼ madwarna u nogħġbu lil Ġeħova, l-​Alla taʼ mħabba? Ejja naraw x’inhi d-​differenza bejn l-​imħabba li Alla jrid li jkollna u l-​imħabba deskritta fit-​2 Timotju 3:2-4. Imbagħad nistgħu nevalwaw lilna nfusna u naraw kif nistgħu nuru t-​tip taʼ mħabba li se tagħmilna sodisfatti u kuntenti verament.

IMĦABBA GĦAL ALLA JEW GĦALINA NFUSNA?

4. Għala mhuwiex ħażin li jkollna xi ftit taʼ mħabba għalina nfusna?

4 Pawlu kiteb: “In-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom.” Ifisser dan li hu ħażin li nħobbu lilna nfusna? Le, li nħobbu lilna nfusna hu normali u neċessarju. Ġeħova stess ħalaqna b’dal-​mod. Ġesù qal: “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Marku 12:31) Fil-​fatt, ma nistgħux inħobbu lil ħaddieħor jekk ma nħobbux lilna nfusna. Il-​Bibbja tgħidilna wkoll: “L-​irġiel . . . għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.” (Efesin 5:28, 29) Għalhekk, jidher ċar li għandu jkollna xi ftit taʼ mħabba għalina nfusna.

5. Int kif tiddeskrivi nies li jħobbu lilhom infushom iżżejjed?

5 L-​imħabba li n-​nies ikollhom għalihom infushom, li naqraw dwarha fit-​2 Timotju 3:2, mhix imħabba normali jew taʼ ġid. Din hi egoista. Jekk xi ħadd iħobb lilu nnifsu żżejjed, hu jaħseb dwaru nnifsu iktar milli hemm bżonn. (Aqra Rumani 12:3.) Hu jimpurtah iktar minnu nnifsu milli minn kwalunkwe persuna oħra. Meta l-​affarijiet ma jmorrux sew, hu jwaħħal f’ħaddieħor minflok ma jieħu r-​responsabbiltà hu. Kummentarju tal-​Bibbja jqabbel nies bħal dawn maʼ qanfud li jirrombla fih innifsu f’forma taʼ ballun u jżomm sħun fis-​suf tiegħu waqt li lil oħrajn jurihom biss ix-​xewk iniggeż tiegħu. Nies bħal dawn mhumiex kuntenti verament.

It-​tip taʼ mħabba li Alla jrid li jkollna tipproduċi kwalitajiet tajbin

6. Liema riżultati tajbin ikun hemm meta nħobbu lil Alla?

6 Xi studjużi tal-​Bibbja jemmnu li Pawlu semma l-​imħabba li n-​nies ikollhom għalihom infushom fl-​ewwel post għax din tipproduċi l-​kwalitajiet ħżiena li semma wara. B’differenza, it-​tip taʼ mħabba li Alla jrid li jkollna tipproduċi  kwalitajiet tajbin. Din għandha x’taqsam mal-​ferħ, il-​paċi, il-​paċenzja, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, u r-​rażan. (Galatin 5:22, 23) Is-​salmista kiteb: “Hieni l-​poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!” (Salm 144:15) Ġeħova hu Alla hieni, u n-​nies tiegħu jirriflettu din il-​kwalità. Ukoll, b’kuntrast għal dawk li jħobbu wisq lilhom infushom u li jaħsbu biss f’dak li jistgħu jirċievu, il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma kuntenti għax huma jagħtu milli għandhom lil oħrajn.—Atti 20:35.

Kif nistgħu nevitaw li nsiru nħobbu lilna nfusna? (Ara paragrafu 7)

7. Liema mistoqsijiet se jgħinuna neżaminaw imħabbitna għal Alla?

7 Kif nistgħu nkunu nafu jekk l-​imħabba li għandna għalina nfusna hix qed issir iktar b’saħħitha mill-​imħabba tagħna għal Alla? Aħseb dwar dan il-​parir għaqli: ‘Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà qisu lill-​oħrajn superjuri għalikom. Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.’ (Filippin 2:3, 4) Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Napplikah jien dan il-​parir? Qiegħed nipprova nagħmel dak li Alla jridni nagħmel? Infittex għal modi kif nistaʼ ngħin lil oħrajn fil-​kongregazzjoni u fil-​ministeru tal-​għalqa?’ Mhuwiex dejjem faċli li nagħtu mill-​ħin u l-​enerġija tagħna. Dan jistaʼ jirrikjedi li jkollna naħdmu iebes u nċedu xi affarijiet li nieħdu pjaċir nagħmlu. Imma xejn ma jistaʼ jagħmilna iktar ferħanin milli nkunu nafu li s-​Sovran tal-​univers hu kuntent bina!

8. Xi Kristjani x’għamlu minħabba li jħobbu lil Alla?

8 Peress li jħobbu lil Alla u jridu jaqduh iktar bis-​sħiħ, xi Kristjani rrifjutaw karrieri li setgħu għamluhom sinjuri ħafna. Ericka, li hi tabiba, għażlet li  tkun pijuniera minflok ma tiffoka fuq il-​karriera medika tagħha. Hi u r-​raġel tagħha rnexxielhom jaqdu f’diversi postijiet. Hi tgħid: “Il-​ħafna esperjenzi li kellna f’li ngħinu f’qasam tal-​lingwa barranija, flimkien mal-​ħbiberiji li għamilna, verament tejbulna ħajjitna. Xorta għadni naħdem bħala tabiba, imma l-​fatt li nistaʼ niffoka l-​maġġoranza tal-​ħin u l-​enerġija tiegħi biex infejjaq lin-​nies spiritwalment u nieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ ħuti fil-​kongregazzjoni jġibli ferħ ġenwin u sodisfazzjon personali.”

RIKKEZZI FIS-​SEMA JEW FUQ L-​ART?

9. Persuna li tħobb il-​flus għala mhix se tkun kuntenta?

9 Pawlu kiteb li n-​nies kienu se “jħobbu l-​flus.” Xi snin ilu, pijunier fl-​Irlanda tkellem maʼ wieħed raġel dwar Alla. Ir-​raġel fetaħ il-​kartiera tiegħu, ħareġ xi flus, u qal: “Dawn huma alla tiegħi!” Għalkemm forsi ma jammettux, ħafna nies iħossuhom b’dan il-​mod. Huma jħobbu l-​flus u l-​affarijiet li jistgħu jixtru bihom. Imma l-​Bibbja twissi: “Min iħobb il-​fidda ma jixbax bil-​fidda, u lanqas min iħobb l-​għana ma jixbaʼ bid-​dħul.” (Ekkleżjasti 5:10) Xi ħadd li jħobb il-​flus qatt ma jħoss li għandu biżżejjed. Dan dejjem ikun irid iktar u jqattaʼ ħajtu jipprova jieħu dak li jrid. Dan iġiblu “ħafna weġgħat.”—1 Timotju 6:9, 10.

10. Il-​Bibbja x’tgħid dwar ir-​rikkezzi u l-​faqar?

10 Ovvjament, ilkoll għandna bżonn il-​flus. Dawn jipprovdu ammont taʼ protezzjoni. (Ekkleżjasti 7:12) Imma nistgħu aħna nkunu verament kuntenti jekk il-​flus iservuna biss għall-​bżonnijiet bażiċi tagħna? Iva! (Aqra Ekkleżjasti 5:12.) Agur bin Ġaki kiteb: “Tagħtinix faqar u lanqas rikkezzi. Ħallini niekol l-​ikel li neħtieġ.” Huwa faċli li nifhmu għala dan ir-​raġel ma riedx ikun fqir iżżejjed. Hu qal li ma riedx li tiġih it-​tentazzjoni biex jisraq għax is-​serq iġib diżunur lil Alla. Imma għala ma riedx ikun sinjur? Hu kiteb: “Sabiex ma nixbax u nispiċċa niċħdek u ngħid: ‘Min hu Ġeħova?’” (Proverbji 30:8, 9) Int probabbilment taf nies li jafdaw fir-​rikkezzi minflok f’Alla.

11. Ġesù x’qal dwar il-​flus?

11 Persuna li tħobb il-​flus ma tistax togħġob lil Alla. Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” Hu qal ukoll: “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-​art, fejn jittieklu mill-​kamla u s-​sadid, u fejn jidħlu l-​ħallelin biex jisirqu. Minflok, aħżnu teżori fis-​sema, fejn ma jittiklux mill-​kamla u mis-​sadid, u fejn ma jidħlux il-​ħallelin biex jisirqu.”—Mattew 6:19, 20, 24.

12. Li ngħixu ħajja sempliċi kif jistaʼ jgħinna naqdu lil Alla? Agħti eżempju.

12 Ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova qed jipprovaw jgħixu ħajja sempliċi. Huma jsibu li dan itihom iktar ħin biex jaqdu lil Ġeħova u jagħmilhom iktar ferħanin ukoll. Jack, li jgħix fl-​Istati Uniti, biegħ id-​dar kbira u n-​negozju tiegħu biex b’hekk ikun jistaʼ jaqdi bħala pijunier maʼ martu. Hu jispjega: “Kien diffiċli li nħallu warajna d-​dar u l-​propjetà sabiħa tagħna.” Imma għal snin sħaħ hu kien imur lura d-​dar frustrat minħabba l-​problemi tax-​xogħol. Hu jgħid: “Marti, li hi pijuniera regolari, dejjem kienet  tkun ferħana. Hi kienet tgħid: ‘Jien għandi l-​aqwa mgħallem li qatt jistaʼ jkolli!’ Issa li anki jien qed naqdi bħala pijunier, it-​tnejn li aħna qed naħdmu għall-​istess Persuna, Ġeħova.”

‘Ħajti turi li verament nemmen dak li l-​Bibbja tgħid dwar il-​flus?’

Kif nistgħu nevitaw li nsiru nħobbu l-flus? (Ara paragrafu 13)

13. X’jistaʼ jgħinna neżaminaw il-​ħarsa tagħna lejn il-​flus?

13 Meta neżaminaw il-​ħarsa tagħna lejn il-​flus, jeħtieġ li b’onestà nistaqsu lilna nfusna: ‘Ħajti turi li verament nemmen dak li l-​Bibbja tgħid dwar il-​flus? Huwa li nagħmel il-​flus l-​iktar ħaġa importanti għalija? Jimpurtani iktar minn affarijiet materjali milli mir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova u man-​nies? Nemmen verament li Ġeħova se jipprovdili l-​affarijiet li għandi bżonn?’ Nistgħu nkunu ċerti li hu qatt mhu se jiddiżappunta lil dawk li jafdaw fih!—Mattew 6:33.

INĦOBBU AĦNA LIL ĠEĦOVA JEW IL-​PJAĊIRI?

14. X’inhi ħarsa bilanċjata lejn il-​pjaċiri?

14 Il-​Bibbja bassret ukoll li fl-​aħħar jiem, in-​nies kienu se “jħobbu l-​pjaċiri.” Propju bħalma nafu li m’hemm xejn ħażin f’li jkollna ħarsa bilanċjata lejna nfusna u lejn il-​flus, nafu wkoll li m’hemm xejn ħażin f’li ngawdu l-​ħajja b’mod bilanċjat. Xi nies jemmnu li għandhom jiċċaħħdu minn kull tip taʼ pjaċir, imma dan mhuwiex dak li Ġeħova jrid għalina. Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lil kull qaddej leali t’Alla: “Mur, kul l-​ikel tiegħek bil-​ferħ u ixrob l-​inbid tiegħek b’qalb hienja.”—Ekkleżjasti 9:7.

15. Xi jfisser li tkun ‘tħobb il-​pjaċiri’?

15 It-​2 Timotju 3:4 jitkellem dwar dawk li jħobbu l-​pjaċiri u li ma jikkunsidrawx lil Alla. Innota li l-​vers ma jgħidx li n-​nies kienu se jħobbu l-​pjaċiri iktar minn Alla. Kieku dan kien ifisser li għandhom xi ftit imħabba għal Alla. Imma l-​vers jgħid “minflok” Alla. Wieħed studjuż kiteb li dan il-​vers “bla dubju ma jfissirx li huma sa ċertu punt iħobbu lil Alla wkoll. Dan ifisser li assolutament ma jħobbux lil Alla.” Din hi twissija serja għan-​nies li jħobbu l-​pjaċiri. Il-​Bibbja tiddeskrivi lil dawk li jħobbu l-​pjaċiri bħala wħud li qed “jinġarru” mill-​pjaċiri tal-​ħajja.—Luqa 8:14.

16, 17. X’eżempju ħalla Ġesù fil-​ħarsa tiegħu lejn il-​pjaċiri?

16 Ġesù wriena xi jfisser li nkunu bilanċjati fil-​pjaċiri. Hu attenda “festa tat-​tieġ” u “festa kbira” oħra. (Ġwanni 2:1-​10; Luqa 5:29) Fit-​tieġ, ma kienx hemm biżżejjed inbid, allura Ġesù wettaq miraklu u biddel l-​ilma fi nbid. Darba oħra, meta n-​nies maqdru lil Ġesù talli kien jiekol u jixrob, hu għamilha ċara ħafna li dawn in-​nies ma kellhomx ħarsa bilanċjata.—Luqa 7:33-36.

17 Xorta waħda, il-​pjaċiri ma kinux l-​iktar ħaġa importanti għal Ġesù. Hu poġġa lil Ġeħova l-​ewwel u għamel kulma setaʼ biex jgħin lil oħrajn. Hu kien lest imut mewta taʼ wġigħ fuq zokk biex isalva l-​bnedmin. Ġesù qalilhom hekk lil dawk li riedu jimxu warajh: “Henjin intom meta n-​nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-​gideb jgħidu kull  xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-​ferħ, għax il-​premju tagħkom hu kbir fis-​smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-​profeti li ġew qabilkom.”—Mattew 5:11, 12.

Kif nistgħu nevitaw li nsiru nħobbu l-pjaċiri? (Ara paragrafu 18)

18. Liema mistoqsijiet se jgħinuna neżaminaw kemm inħobbu l-​pjaċiri?

18 X’se jgħinna neżaminaw kemm inħobbu l-​pjaċiri? Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Hu d-​divertiment iktar importanti mil-​laqgħat u mill-​ministeru għalija? Lest li nċedi xi ftit mill-​affarijiet li nħobb nagħmel għax irrid naqdi lil Alla? Meta nagħżel id-​divertiment, naħseb dwar kif Ġeħova se jqis l-​għażliet tiegħi?’ Peress li nħobbu lil Alla u rridu nferrħuh, aħna se noqogħdu attenti li nevitaw mhux biss affarijiet li nafu li huma ħżiena imma anki affarijiet li naħsbu li jistgħu jdejquh.—Aqra Mattew 22:37, 38.

KIF INKUNU KUNTENTI

19. Min qatt ma jistaʼ jkun verament kuntent?

19 Id-​dinja taʼ Satana ġiegħlet lin-​nies ibatu għal madwar 6,000 sena. Issa, fl-​aħħar jiem taʼ dis-​sistema, id-​dinja hi mimlija nies li jiffokaw fuqhom infushom, fuq il-​flus, u l-​pjaċiri. Huma jaħsbu dwar dak li jistaʼ jkollhom u jqisu x-​xewqat tagħhom bħala l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom. Imma nies bħal dawn ma jistgħux ikunu verament kuntenti! B’kuntrast, il-​Bibbja tgħid: “Hieni min għandu lill-​Alla taʼ Ġakobb bħala l-​għajnuna tiegħu, li t-​tama tiegħu hi f’Ġeħova Alla tiegħu.”—Salm 146:5.

20. Imħabbtek għal Alla kif għamlitek ferħan?

20 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova jħobbuh verament, u kull sena iktar u iktar nies qed isiru jafuh u jħobbuh ukoll. Dan juri li s-​Saltna t’Alla qiegħda tmexxi, u din dalwaqt se ġġib barkiet li lanqas biss nistgħu nimmaġinawhom! Meta nagħmlu dak li Ġeħova jridna nagħmlu, aħna se nferrħuh, u dan iġibilna ferħ veru. Dawk li jħobbu lil Ġeħova se jkunu ferħanin għal dejjem! Fl-​artiklu li jmiss, se neżaminaw xi ftit mill-​kwalitajiet ħżiena li jiġu mill-​imħabba egoista. Imbagħad se naraw kif dawn huma l-​kontra tal-​kwalitajiet tajbin tal-​qaddejja taʼ Ġeħova.