Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ara d-differenza fin-nies

Ara d-differenza fin-nies

“Intom . . . taraw id-​distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar.”—MALAKIJA 3:18.

GĦANJIET: 61, 53

1, 2. Il-​ħajja għala tistaʼ tkun diffiċli għall-​qaddejja t’Alla llum? (Ara l-​ewwel stampi.)

ĦAFNA tobba u infermieri jaħdmu fost nies li għandhom mard li jittieħed. Huma jieħdu ħsieb il-​pazjenti tagħhom għax iridu jgħinuhom. Imma jridu wkoll jipproteġu lilhom infushom biex ma jiġux infettati bil-​marda li qed jipprovaw ifejqu. Bħala l-​qaddejja taʼ Ġeħova, aħna f’ċertu sens qegħdin f’sitwazzjoni simili. Ħafna minna jgħixu u jaħdmu maʼ nies li huma infettati b’attitudnijiet u kwalitajiet li huma kompletament differenti mill-​kwalitajiet t’Alla. Dan jistaʼ jagħmilhielna diffiċli.

2 Fl-​aħħar jiem taʼ dis-​sistema, nies li ma jaqdux lil Alla jinjoraw il-​livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. L-​appostlu Pawlu ddeskriva l-​kwalitajiet negattivi tagħhom meta kiteb l-​ittra tiegħu lil Timotju. Pawlu qal li dawn il-​kwalitajiet ħżiena kienu se jsiru saħansitra iktar komuni hekk kif nersqu eqreb lejn it-​tmiem taʼ dis-​sistema. (Aqra t-​2 Timotju 3:1-5, 13.) Għalkemm dawn il-​kwalitajiet ħżiena jistgħu jkunu xokkanti għalina, xorta waħda nistgħu niġu influwenzati mill-​mod kif in-​nies taʼ madwarna jaħsbu, jitkellmu, u jaġixxu. (Proverbji 13:20) F’dan  l-​artiklu, se naraw kemm dawn il-​kwalitajiet huma differenti minn dawk tan-​nies t’Alla. Se naraw ukoll x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna milli niġu infettati minn kwalitajiet ħżiena waqt li ngħinu n-​nies isiru jafu lil Ġeħova.

3. Liema tip taʼ nies huma deskritti fit-​2 Timotju 3:2-​5?

3 Pawlu kiteb li fl-​aħħar jiem, kien se jkun hawn “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” Imbagħad hu għamel lista taʼ 19-​il kwalità negattiva li kienu se jkunu komuni ħafna fi żmienna. Dawn il-​kwalitajiet huma simili għal dawk li Pawlu semma f’​Rumani 1:29-​31, imma l-​lista fl-​ittra tiegħu lil Timotju tuża kliem li ma nsibu mkien iktar fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Pawlu introduċa din il-​lista bil-​kliem “għax in-​nies ikunu. . . ” Imma mhux in-​nies kollha għandhom il-​kwalitajiet negattivi li ddeskriva Pawlu. Il-​Kristjani għandhom kwalitajiet ferm differenti.—Aqra Malakija 3:18.

KIF AĦNA NQISU LILNA NFUSNA

4. X’taħseb li jfisser li wieħed ikun imkabbar?

4 Wara li Pawlu qal li ħafna kienu se jħobbu lilhom infushom u l-​flus, hu żied li n-​nies kienu se jkunu minfuħin bihom infushom, suppervi, u mkabbrin. Nies li għandhom dawn il-​kwalitajiet spiss jaħsbu li huma aħjar minn oħrajn minħabba d-​dehra tagħhom, dak li huma kapaċi jagħmlu, dak li għandhom, jew il-​pożizzjoni tagħhom. L-​iktar ħaġa li dawn in-​nies jixtiequ hi li jiġu ammirati minn oħrajn. Wieħed studjuż kiteb hekk dwar xi ħadd bħal dan: “F’qalbu hemm artal żgħir fejn hu jmil quddiemu nnifsu.” Xi wħud qalu li l-​kburija tant hi kerha li anki n-​nies kburin stess jiddejqu meta jarawha f’oħrajn.

5. Kif anki xi qaddejja leali taʼ Ġeħova saru kburin?

5 Ġeħova jobgħodha l-​kburija, li fil-​Bibbja hi deskritta bħala “għajnejn imkabbrin.” (Proverbji 6:16, 17) Fil-​fatt, il-​kburija żżomm persuna ’l bogħod minn Alla. (Salm 10:4) Il-​kburija hi kwalità tax-​Xitan. (1 Timotju 3:6) Sfortunatament, anki xi qaddejja leali taʼ Ġeħova ġew infettati bil-​kburija. Pereżempju, is-​Sultan Użżija taʼ Ġuda kien leali għal ħafna snin. Imma l-​Bibbja tgħid: “Malli sar b’saħħtu, qalbu tkabbret sal-​punt li ġab ir-​rovina tiegħu stess, u b’hekk aġixxa b’nuqqas taʼ fedeltà kontra Ġeħova Alla tiegħu.” Użżija mar it-​tempju u ħaraq l-​inċens, xi ħaġa li ma kellux id-​dritt li jagħmel. Iktar tard, is-​sultan leali Ħeżekija wkoll sar kburi għal xi żmien.—2 Kronaki 26:16; 32:25, 26.

6. X’setaʼ ġiegħel lil David isir kburi? Imma hu għala baqaʼ umli?

6 Xi nies saru kburin minħabba li huma ħelwin, popolari, b’saħħithom, ammirati minn oħrajn, jew għandhom talent mużikali. David kellu dawn l-​affarijiet kollha, imma hu baqaʼ umli tul ħajtu kollha. Pereżempju, wara li David qatel lil Gulija, is-​Sultan Sawl qal li David setaʼ jiżżewweġ lil bintu. Imma David qal: “Jien min jien u min huma qrabati, il-​familja taʼ missieri, f’Israel, sabiex insir ħaten is-​sultan?” (1 Samwel 18:18) X’għen lil David jibqaʼ umli? Hu  kien jaf li kwalunkwe kwalità, abbiltà, u privileġġ li kellu kienu minħabba li Alla kien umli u ta kasu. (Salm 113:5-​8) David irrealizza li kull ħaġa tajba li kellu kienet ġejja mingħand Ġeħova.—Qabbel l-​1 Korintin 4:7.

In-​nies jistgħu jinġibdu lejn Alla minħabba l-​umiltà tal-​qaddejja tiegħu

7. X’jistaʼ jgħinna nuru li aħna umli?

7 Bħal David, in-​nies taʼ Ġeħova llum jipprovaw ikunu umli. Il-​fatt li nafu li Ġeħova stess hu umli, għalkemm hu l-​Iktar Għoli, imissilna qalbna. (Salm 18:35) Aħna rridu napplikaw dan il-​kliem: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul.” (Kolossin 3:12) Aħna nafu wkoll li l-​imħabba “ma tiftaħarx” u “ma tintefaħx.” (1 Korintin 13:4) Meta oħrajn jaraw li aħna umli, huma wkoll ikunu jridu jsiru jafu lil Ġeħova. Bħalma raġel miżżewweġ li ma jaqdix lil Ġeħova jistaʼ jinġibed lejn il-​verità minħabba l-​kondotta tajba taʼ martu, in-​nies jistgħu jinġibdu lejn Alla minħabba l-​umiltà tal-​qaddejja tiegħu.—1 Pietru 3:1.

KIF AĦNA NITTRATTAW NIES OĦRAJN

8. (a) Xi nies illum kif iqisuha d-​diżubbidjenza lejn il-​ġenituri? (b) Il-​Bibbja x’tgħidilhom jagħmlu lit-​tfal?

8 Pawlu ddeskriva kif in-​nies kienu se jittrattaw lil xulxin fl-​aħħar jiem. Hu kiteb li t-​tfal kienu se jkunu diżubbidjenti lejn il-​ġenituri. Illum, ħafna kotba, films, u programmi tat-​televixin iġibu din l-​imġiba tidher normali u aċċettabbli. Imma l-​verità hi li d-​diżubbidjenza ddgħajjef il-​familja, u dan iġib effetti negattivi fuq is-​soċjetà inġenerali. In-​nies ilhom jafuh dan il-​fatt. Pereżempju, fil-​Greċja tal-​qedem, raġel li jsawwat lill-​ġenituri kien jitlef id-​drittijiet tiegħu fil-​komunità. Taħt il-​liġi Rumana, xi ħadd li jsawwat lil missieru setaʼ jiġi kkastigat l-​istess bħal qattiel. L-​Iskrittura Ebrajka u l-​Iskrittura Griega t-​tnejn jikkmandaw lit-​tfal biex jobdu l-​ġenituri.—Eżodu 20:12; Efesin 6:1-​3.

9. X’se jgħin lit-​tfal jobdu lill-​ġenituri?

9 X’jistaʼ jgħin lit-​tfal biex jobdu l-​ġenituri anki jekk dawk taʼ madwarhom mhumiex ubbidjenti? Meta t-​tfal jaħsbu dwar l-​affarijiet tajbin kollha li l-​ġenituri għamlu għalihom, huma għandhom iħossuhom grati u jkunu jridu jobduhom. Iż-​żgħażagħ jeħtieġ ukoll jifhmu li Alla, il-​Missier taʼ kull wieħed u waħda minna, jistenna li huma jobdu l-​ġenituri tagħhom. Hekk kif iż-​żgħażagħ jitkellmu pożittiv dwar ommhom u missierhom, huma jgħinu lil sħabhom jirrispettaw iktar il-​ġenituri tagħhom stess. Ovvjament, jekk il-​ġenituri m’għandhomx imħabba naturali għal uliedhom, jistaʼ jkun iktar diffiċli li t-​tfal jobduhom. Imma meta żagħżugħ iħoss li l-​ġenituri verament iħobbuh, dan jistaʼ jgħinu jobdihom  anki meta jkun diffiċli li jagħmel hekk. Ħu żagħżugħ jismu Austin jgħid: “Għalkemm spiss kont nitħajjar li nevita kastig talli nkun għamilt xi ħaġa ħażina, il-​ġenituri għamlu regoli raġunevoli, spjegawli r-​raġunijiet għar-​regoli, u żammew komunikazzjoni miftuħa. Dan għenni nkun ubbidjenti. Stajt nara li huma kien jinteressahom minni, u dan ġegħelni nkun irrid nogħġobhom.”

10, 11. (a) Liema kwalitajiet ħżiena juru li n-​nies m’għandhomx imħabba għal xulxin? (b) Il-​Kristjani veri sa liema punt iħobbu lil nies oħrajn?

10 Pawlu ddeskriva wkoll kwalitajiet oħra li juru li n-​nies m’għandhomx imħabba għal xulxin. Wara “diżubbidjenti lejn il-​ġenituri,” hu semma ingrati. Dan jagħmel sens għax nies ingrati ma japprezzawx l-​affarijiet tajbin li oħrajn jagħmlu għalihom. Pawlu qal ukoll li n-​nies kienu se jkunu żleali. Huma ma jkunux iridu jiftiehmu, li jfisser li ma jkunux iridu jagħmlu paċi m’oħrajn. Huma kienu se jkunu midgħija u tradituri, u jgħidu affarijiet koroh u li jweġġgħu dwar in-​nies u saħansitra dwar Alla. U huma kienu se jkunu kalunnjaturi, uħud li jgħidu gideb taʼ ħsara biex iħassru r-​reputazzjoni t’oħrajn. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

11 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma differenti ħafna mill-​biċċa l-​kbira tan-​nies fid-​dinja għax huma juru mħabba ġenwina lejn oħrajn. Dan dejjem kien minnu. Fil-​fatt, Ġesù qal li l-​uniku kmand li kien iktar importanti mill-​kmand biex inħobbu lil ħaddieħor fil-​Liġi taʼ Mosè kien il-​kmand biex inħobbu lil Alla. (Mattew 22:37-​39) Ġesù qal ukoll li l-​Kristjani veri kienu se jkunu magħrufin għall-​imħabba li juru lejn xulxin. (Aqra Ġwanni 13:34, 35.) Il-​Kristjani veri kienu se jħobbu saħansitra lill-​għedewwa tagħhom.—Mattew 5:43, 44.

12. Ġesù kif wera mħabba lejn oħrajn?

12 Ġesù wera mħabba kbira lejn oħrajn. Hu għamel dan billi vvjaġġa minn belt għal oħra biex jgħid lin-​nies l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. Hu fejjaq lill-​għomja, liz-​zopop, lil dawk li kellhom il-​ġdiem, u lit-​torox. Ukoll, hu rxoxta lil dawk li kienu mietu. (Luqa 7:22) Ġesù saħansitra ta ħajtu biex isalva l-​bnedmin, allavolja ħafna kienu jobogħduh. Ġesù imita perfettament l-​imħabba taʼ Missieru. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja kollha qed jimitaw lil Ġesù u juru mħabba lejn oħrajn.

13. L-​imħabba li nuru lejn oħrajn kif tistaʼ tgħin lin-​nies jersqu qrib lejn Ġeħova?

13 L-​imħabba li nuru lejn oħrajn tiġbed lin-​nies lejn Missierna tas-​sema. Pereżempju, raġel fit-​Tajlandja attenda konvenzjoni reġjonali u impressjona ruħu meta ra kif l-​aħwa wrew imħabba lejn xulxin. Wara li wasal id-​dar, hu talab li jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova darbtejn fil-​ġimgħa. Imbagħad hu ta xhieda lil dawk kollha li jiġu minnu. Wara sitt xhur biss, dan ir-​raġel ta l-​ewwel qari tal-​Bibbja tiegħu fis-​Sala tas-​Saltna. Qegħdin aħna nuru mħabba lejn oħrajn? Staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed nagħmel kulma nistaʼ biex ngħin lil oħrajn fil-​familja, fil-​kongregazzjoni  tiegħi, u fil-​ministeru tiegħi? Nipprova nqis lil oħrajn kif iqishom Ġeħova?’

ILPUP U ĦRIEF

14, 15. Ħafna nies liema kwalitajiet ħżiena juru? Xi wħud kif bidlu l-​personalità tagħhom?

14 Fl-​aħħar jiem, in-​nies juru wkoll kwalitajiet ħżiena oħra li aħna għandna nevitaw. Pereżempju, ħafna m’għandhomx imħabba għat-​tajjeb. Huma jobogħdu dak li hu tajjeb u saħansitra jagħmlu l-​kontra. Nies bħal dawn huma mingħajr rażan u feroċi. Xi wħud għandhom rashom iebsa. Huma jagħmlu l-​affarijiet mingħajr ma jaħsbu u ma jinteressahomx mill-​effett li l-​azzjonijiet tagħhom se jkollhom fuq oħrajn.

15 Ħafna nies li qabel kienu jaġixxu bħal annimali feroċi bidlu l-​personalità tagħhom. Din il-​bidla impressjonanti ġiet imbassra fi profezija tal-​Bibbja. (Aqra Isaija 11:6, 7.) Hemmhekk naqraw dwar annimali salvaġġi, bħal-​lupu u l-​iljun, li jgħixu fil-​paċi m’annimali domestiċi, bħall-​ħaruf u l-​għoġol. Għala kien se jkollhom il-​paċi? Il-​profezija tkompli: “Għax l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:9) L-​annimali ma jistgħux jitgħallmu dwar Ġeħova, allura b’mod simboliku, din il-​profezija tirreferi għall-​bidliet li n-​nies jagħmlu fil-​personalità tagħhom.

Il-prinċipji Bibliċi jistgħu jibdlu l-ħajjiet! (Ara paragrafu 16)

16. Il-​Bibbja kif għenet lin-​nies jibdlu l-​personalitajiet tagħhom?

Il-​bidliet mhumiex faċli, imma l-​ispirtu t’Alla se jgħin lil dawk li jridu jogħġbuh

16 Ħafna minn ħutna li darba kienu feroċi bħal-​lupu issa qed jgħixu fil-​paċi m’oħrajn. Int tistaʼ taqra xi ftit mill-​esperjenzi tagħhom fis-​serje  Il-​Bibbja tbiddel il-​ħajjiet,” li nsibu fuq jw.org/mt. Dawk li saru jafu lil Ġeħova u bdew jaqduh mhumiex bħal dawk li għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-​fatti l-​qawwa tagħha. Nies bħal dawn taparsi jaqdu lil Alla, imma l-​mod kif iġibu ruħhom juri mod ieħor. Madankollu, fost il-​poplu taʼ Ġeħova hemm ħafna li qabel kienu feroċi imma issa ‘libsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.’ (Efesin 4:23, 24) Meta n-​nies jitgħallmu dwar Alla, huma jirrealizzaw li għandhom bżonn jimxu mal-​livelli tiegħu. Dan jgħinhom jagħmlu bidliet f’dak li jemmnu, fil-​mod kif jaħsbu, u f’dak li jagħmlu. Dawn il-​bidliet mhumiex faċli, imma l-​ispirtu t’Alla se jgħin lil dawk li verament iridu jogħġbuh.

“NIES BĦAL DAWN AĦRABHOM”

17. Kif nistgħu nevitaw li niġu influwenzati min-​nies li għandhom kwalitajiet ħżiena?

17 Qed isir iktar faċli li naraw id-​differenza bejn dawk li jaqdu lil Alla u dawk li ma jaqduhx. Irridu noqogħdu attenti biex ma niġux influwenzati mill-​kwalitajiet ħżiena taʼ dawk li ma jaqdux lil Alla. Aħna rridu nimxu mad-​direzzjoni taʼ Ġeħova biex naħarbu min-​nies li huma deskritti fit-​2 Timotju 3:2-​5. Bla dubju, ma nistgħux nevitaw għalkollox lil kull min għandu kwalitajiet ħżiena. Jistaʼ jkollna naħdmu magħhom, immorru l-​iskola magħhom, jew ngħixu magħhom. Imma m’għandniex għalfejn naħsbu jew naġixxu bħalhom. X’jistaʼ jgħinna? Nistgħu nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova billi nistudjaw il-​Bibbja u nagħmluha maʼ dawk li huma determinati li jaqduh.

18. Dak li ngħidu u nagħmlu kif jistaʼ jgħin lil oħrajn ikunu jridu jsiru jafu lil Ġeħova?

18 Irridu wkoll ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova. Fittex għal opportunitajiet biex tagħti xhieda, u itlob lil Ġeħova biex jgħinek tgħid il-​ħaġa t-​tajba f’waqtha. Aħna għandna ngħidu lil oħrajn li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. B’dal-​mod, il-​kondotta tajba tagħna se ġġib glorja lil Alla u mhux lilna nfusna. Ġeħova għallimna “nwarrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja u ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-​sistema.” (Titu 2:11-​14) Jekk nimitaw lil Ġeħova u nagħmlu dak li jrid hu, oħrajn se jinnotawna, u xi wħud jistgħu saħansitra jgħidu: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żakkarija 8:23.

^ par. 10 Il-​kelma Griega għal “kalunnjatur” jew “akkużatur” hi djabolos. Fil-​Bibbja, din il-​kelma tintuża bħala titlu għal Satana, il-​wieħed mill-​agħar li jimmalafama lil Alla.