Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 25

Strieħ fuq Ġeħova meta tkun stressat

Strieħ fuq Ġeħova meta tkun stressat

“L-​ansjetà f’qalb il-​bniedem ittaqqalha.”—PROV. 12:25.

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Għala għandna nisimgħu mill-​parir taʼ Ġesù?

FIL-​profezija tiegħu dwar l-​aħħar jiem, Ġesù qal: ‘Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ansjetajiet tal-​ħajja,’ jiġifieri, ansjetajiet li mhux se jkollna biżżejjed flus biex ngħixu jew inkella l-​inkwiet tal-​ħajja taʼ kuljum. (Lq. 21:34) Għala għandna nisimgħu minn dan il-​parir? Għax bħalissa, aħna bħal kulħadd qed niffaċċjaw l-​istess tip taʼ problemi li joħolqulna l-​istress.

2. Liema problemi stressanti qed jiffaċċjaw ħutna rġiel u nisa?

2 Xi kultant, ikollna niffaċċjaw diversi problemi stressanti f’daqqa. Ikkunsidra dawn l-​eżempji. Ħu jismu John, * li jbati mill-​isklerożi multipla, kien ixxokkjat u mdejjaq meta martu telqitu wara li kienu ilhom 19-​il sena miżżewġin. Imbagħad, iż-​żewġt ibniet tiegħu waqfu jaqdu lil Ġeħova. Koppja jisimhom Bob u Linda kellhom problemi differenti minn John. It-​tnejn tilfu x-​xogħol tagħhom, u b’hekk ma baqgħux jaffordjaw iktar il-​post fejn kienu jgħixu. Flimkien maʼ dawn il-​problemi, Linda ngħatat l-​aħbar mit-​tabib li kellha kundizzjoni f’qalbha li setgħet toqtolha u kellha wkoll artrite qawwija.

3. X’jgħidilna Filippin 4:6, 7 dwar Ġeħova?

3 Nistgħu nkunu ċerti li l-​Ħallieq u Missierna kollu mħabba, Ġeħova, jifhem kif inħossuna meta jkollna l-​istress. U hu jrid jgħinna nkampaw mal-​isfidi li niffaċċjaw. (Aqra Filippin 4:6, 7.) Il-​Kelma t’Alla fiha ħafna rakkonti li jiddeskrivu l-​isfidi li l-​qaddejja tiegħu ssaportew. Tispjega wkoll kif Ġeħova għenhom ikampaw  maʼ dawk is-​sitwazzjonijiet stressanti. Ejja niddiskutu ftit minnhom.

ELIJA—“RAĠEL B’SENTIMENTI BĦAL TAGĦNA”

4. Xi sfidi ffaċċja Elija, u kif ħassu dwar Ġeħova?

4 Elija qeda lil Ġeħova matul perjodu diffiċli u ffaċċja sfidi serji. Is-​Sultan Aħab, wieħed mis-​slaten żleali fl-​istorja taʼ Iżrael, iżżewweġ lil Ġeżabel, mara kattiva li tqim lil Bagħal. It-​tnejn li huma mlew l-​art bil-​qima taʼ Bagħal u qatlu ħafna mill-​profeti taʼ Ġeħova. Elija rnexxielu jaħrab. Hu anki salva minn ġuħ kbir għax straħ fuq Ġeħova. (1 Slat. 17:2-4, 14-16) Flimkien maʼ dan, Elija kien straħ fuq Ġeħova meta l-​profeti u l-​qaddejja taʼ Bagħal sfidawh. Hu ħeġġeġ lill-​Iżraelin biex jaqdu lil Ġeħova. (1 Slat. 18:21-24, 36-38) Kien hemm ħafna drabi meta Elija ra kif Ġeħova pproteġieh u għenu matul dak iż-​żmien stressanti.

Ġeħova bagħat anġlu biex jgħin lil Elija jerġaʼ jikseb is-saħħa (Ara paragrafi 5-6) *

5-6. Skont l-​1 Slaten 19:1-4, kif ħassu Elija, u Ġeħova kif wera li kien iħobbu?

5 Aqra l-​1 Slaten 19:1-4. Minkejja dan, meta s-​Sultana Ġeżabel riedet toqtlu, Elija beda jibżaʼ. Allura ħarab lejn Bir-​xeba. Tant ħassu skuraġġit li xtaq imut. X’ġiegħlu jħossu b’dan il-​mod? Elija kien imperfett, “raġel b’sentimenti bħal tagħna.” (Ġak. 5:17) Forsi ħassu stressat iżżejjed u għajjien ħafna fiżikament. Jidher li Elija ħaseb li l-​isforzi tiegħu biex jgħin lin-​nies iqimu lil Ġeħova kienu għalxejn, li f’Iżrael ma kien ġara  xejn tajjeb, u li hu kien l-​uniku wieħed li kien għadu jaqdi lil Ġeħova. (1 Slat. 18:3, 4, 13; 19:10, 14) Forsi nibqgħu sorpriżi li dan il-​profeta leali ħassu hekk. Imma Ġeħova fehem kif kien qed iħossu Elija.

6 Ġeħova ma ċanfarx lil Elija talli esprima ruħu b’dal-​mod. Minflok hu għen lil Elija jerġaʼ jkollu s-​saħħa. (1 Slat. 19:5-7) Iktar tard, bi mħabba Ġeħova għen lil Elija jikkoreġi l-​mod kif kien qed jaħseb billi wrieh il-​qawwa tal-​għaġeb Tiegħu. Ġeħova mbagħad qallu li kien għad baqaʼ 7,000 persuna f’Iżrael li ma ridux jaqdu lil Bagħal. (1 Slat. 19:11-18) B’modi prattiċi, Ġeħova wera lil Elija kemm kien iħobbu.

KIF ĠEĦOVA SE JGĦINNA

7. Il-​mod kif Ġeħova għen lil Elija liema ċertezza jagħtina?

7 Għaddej int minn sitwazzjoni stressanti? Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova fehem kif kien qed iħossu Elija! Dan jaċċertana li hu jifhem ukoll id-​diffikultajiet tagħna. Ġeħova jaf x’nistgħu u x’ma nistgħux nagħmlu, u anki jaf dak li qed naħsbu u nħossu. (Salm 103:14; 139:3, 4) Jekk nimitaw lil Elija billi nistrieħu fuq Ġeħova, hu se jgħinna nkampaw mal-​problemi li qed jikkawżawlna l-​istress.—Salm 55:22.

8. Ġeħova kif se jgħinek tkampa mal-​istress?

8 L-​istress jistaʼ jġiegħlek taħseb li s-​sitwazzjoni tiegħek qatt mhi se tinbidel, u dan iġiegħlek tħossok skuraġġit. Jekk dan jiġri, ftakar li Ġeħova se jgħinek tkampa mal-​istress. Kif se jgħinek? Hu jistiednek tgħidlu x’inhuma l-​problemi tiegħek u kif qed tħossok. U hu se jwieġeb it-​talb bil-​ħerqa tiegħek għall-​għajnuna. (Salm 5:3; 1 Pt. 5:7) Għalhekk, itlob spiss lil Ġeħova dwar il-​problemi tiegħek. Hu mhux se jkellmek bl-​istess mod li kellem lil Elija, imma se jkellmek permezz taʼ Kelmtu, il-​Bibbja, u permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu. Ir-​rakkonti li taqra fil-​Bibbja jistgħu jfarrġuk u jagħtuk tama. Anki ħutek jistgħu jinkuraġġuk.—Rum. 15:4; Ebr. 10:24, 25.

9. Ħabib li tafda kif jistaʼ jgħinek?

9 Ġeħova qal lil Elija biex jagħti ftit mix-​xogħol tiegħu lil Eliżew. B’dan il-​mod, Ġeħova ta lil Elija ħabib taʼ veru li setaʼ jgħinu jkampa meta ħassu skuraġġit ferm. Bl-​istess mod, meta ngħidu lill-​ħabib li nafdaw kif inħossuna, hu jew hi tistaʼ tgħinna nkampaw meta nħossuna skuraġġiti. (2 Slat. 2:2; Prov. 17:17) Jekk tħoss li m’għandek lil ħadd maʼ min tiftaħ qalbek, itlob lil Ġeħova jgħinek issib Kristjan matur li jistaʼ jinkuraġġik.

10. L-​esperjenza taʼ Elija kif tagħtina t-​tama li anki aħna nistgħu nissaportu, u l-​wegħda li nsibu f’​Isaija 40:28, 29 kif tistaʼ tgħinna?

10 Ġeħova għen lil Elija jkampa mal-​istress u jaqdih għal ħafna snin. L-​esperjenza tiegħu tagħtina tama. Xi drabi, tant jistaʼ jkollna stress li nħossuna bla saħħa fiżikament u emozzjonalment. Però, jekk nistrieħu fuq Ġeħova, hu se jagħtina l-​qawwa li għandna bżonn biex inkomplu naqduh.—Aqra Isaija 40:28, 29.

ĦANNA, DAVID, U SALMISTA STRAĦU FUQ ĠEĦOVA

11-13. L-​istress kif effettwa lil tlieta mill-​qaddejja t’Alla tal-​passat?

11 Anki karattri oħra fil-​Bibbja ffaċċjaw stress kbir. Pereżempju, Ħanna ħassitha stressata ħafna minħabba l-​mistħija tagħha għax ma setax ikollha tfal u għax il-​mara l-​oħra tar-​raġel tagħha kellha  u kienet toqgħod tinkiha b’kattiverija. (1 Sam. 1:2, 6) Dan l-​istress tant ġegħelha tħossha mdejqa li kienet tibki u ma tikolx.—1 Sam. 1:7, 10.

12 Xi kultant, is-​Sultan David ħassu stressat ħafna. Aħseb fl-​isfidi li ffaċċja. Hu ħass ħtija kbira minħabba l-​iżbalji li kien għamel. (Salm 40:12) Ibnu l-​għażiż Absalom irribella kontrih, u iktar tard ġie maqtul. (2 Sam. 15:13, 14; 18:33) U wieħed mill-​iktar ħbieb qrib tiegħu ttradieh. (2 Sam. 16:23; 17:1, 2; Salm 55:12-14) Ħafna mis-​salmi li David kiteb jiddeskrivu l-​iskuraġġiment li ħass kif ukoll il-​fiduċja b’saħħitha li kellu f’Ġeħova.—Salm 38:5-10; 94:17-19.

X’għen lis-salmista jerġaʼ jaqdi lil Ġeħova bil-ferħ? (Ara paragrafi 13-15) *

13 Iktar tard salmista beda jgħir għall-​mod taʼ ħajja li kienu qed jgħixu n-​nies ħżiena. Jistaʼ jkun li hu kien dixxendent tal-​Levita Asaf, u qeda “fis-​santwarju grandjuż t’Alla”. Dan is-​salmista bata minn stress emozzjonali, li ġiegħlu jħossu mdejjaq u mhux kuntent. Hu anki beda jaħseb jekk il-​barkiet taʼ li jaqdi lil Alla kinux biżżejjed.—Salm 73:2-5, 7, 12-14, 16, 17, 21.

14-15. X’nitgħallmu mit-​tliet eżempji tal-​Bibbja dwar li nduru lejn Ġeħova għall-​għajnuna?

14 It-​tliet qaddejja taʼ Ġeħova li ssemmew kollha straħu fuqu għall-​għajnuna. Huma talbuh mill-​qalb dwar dak li kien qed jinkwetahom. Ma żammewx lura milli jgħidulu r-​raġunijiet għala ħassewhom daqshekk stressati. U komplew imorru fil-​post taʼ qima taʼ Ġeħova.—1 Sam. 1:9, 10; Salm 55:22; 73:17; 122:1.

15 B’mogħdrija, Ġeħova għen lil kull wieħed minnhom. Ħanna kisbet il-​paċi tal-​moħħ. (1 Sam. 1:18) David kiteb:  “Bosta huma l-​gwajijiet tal-​ġust, imma Ġeħova jeħilsu minnhom kollha.” (Salm 34:19) U iktar tard is-​salmista ħass li Ġeħova kien ‘qabadlu idu l-​leminija,’ billi ggwidah b’pariri taʼ mħabba. Hu kanta: “Min-​naħa tiegħi, li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija. Fil-​Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.” (Salm 73:23, 24, 28) X’nitgħallmu minn dawn l-​eżempji? Xi kultant, aħna se jkollna problemi serji li jikkaġunawlna stress. Imma nistgħu nkampaw jekk nimmeditaw fuq kif Ġeħova għen lil oħrajn, nistrieħu fuqu bit-​talb, u nobduh billi nagħmlu dak li jitlobna nagħmlu.—Salm 143:1, 4-8.

STRIEĦ FUQ ĠEĦOVA U JIRNEXXILEK TKAMPA

Għall-ewwel, oħt ħassitha li trid tinqataʼ għaliha, imma l-affarijiet marru għall-aħjar meta fittxet għal modi kif tgħin lil oħrajn (Ara paragrafi 16-17)

16-17. (a) Għala m’għandniex ninqatgħu minn maʼ Ġeħova u l-​qaddejja tiegħu? (b) Kif nistgħu nieħdu lura s-​saħħa?

16 Dawn it-​tliet eżempji jgħallmuna lezzjoni importanti oħra—li m’għandniex ninqatgħu minn maʼ Ġeħova u l-​qaddejja tiegħu. (Prov. 18:1) Nancy, li għaddiet minn stress kbir meta r-​raġel tagħha telaqha, tgħid: “Kien hemm ħafna ġranet li ma ridt nara jew inkellem lil ħadd. Però, iktar ma kont noqgħod waħdi, iktar kont inħossni mdejqa.” L-​affarijiet inbidlu meta Nancy fittxet għal modi  kif tgħin lil oħrajn li kienu qed jiffaċċjaw il-​problemi. Hi tgħid: “Kont noqgħod nismaʼ hekk kif oħrajn spjegaw l-​isfidi tagħhom. Indunajt li meta ffokajt fuqhom u l-​problemi tagħhom, iffokajt inqas fuqi u l-​problemi tiegħi.”

17 Aħna nistgħu nieħdu lura s-​saħħa billi nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Meta nattendu aħna nagħtu iktar opportunitajiet lil Ġeħova biex ikun ‘l-​għajnuna u l-​faraġ’ tagħna. (Salm 86:17) Hemm hu jsaħħaħna bl-​ispirtu tiegħu, b’Kelmtu, u bin-​nies tiegħu. Il-​laqgħat jagħtuna l-​opportunità biex ingawdu mill-​‘inkuraġġiment taʼ xulxin.’ (Rum. 1:11, 12) Oħt jisimha Sophia tgħid: “Ġeħova u l-​aħwa għenuni nissaporti. Il-​laqgħat tagħna kienu l-​iktar ħaġa importanti għalija. Sibt li iktar ma nkun involuta fil-​ministeru u fil-​kongregazzjoni, iktar inkun kapaċi nkampa mal-​istress u l-​inkwiet.”

18. Jekk inħossuna skuraġġiti, x’jistaʼ jagħtina Ġeħova?

18 Meta nħossuna skuraġġiti, ejja niftakru li Ġeħova mhux biss iwegħedna li se jneħħilna l-​istress b’mod permanenti fil-​futur imma wkoll joffri li jgħinna nkampaw issa. Hu jagħtina kemm ir-​rieda kif ukoll il-​qawwa biex jirnexxilna nkampaw maʼ sentimenti li jġegħluna nħossuna skuraġġiti u bla tama.—Flp. 2:13.

19. Liema ċertezza jagħtina Rumani 8:37-39?

19 Aqra Rumani 8:37-39. L-​appostlu Pawlu jaċċertana li xejn ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla. Kif nistgħu ngħinu lil ħutna li qed jipprovaw ikampaw mal-​istress? Fl-​artiklu li jmiss se nanalizzaw kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nuru mogħdrija u nagħtu sapport lil ħutna meta jkunu stressati.

GĦANJA 44 Talba taʼ min ikun imnikket

^ par. 5 Ħafna stress jew stress fit-​tul jistaʼ jkollu effett ħażin fuq ġisimna u l-​emozzjonijiet tagħna. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna? Se nikkunsidraw kif Ġeħova għen lil Elija jkampa mal-​istress. Minn eżempji oħra fil-​Bibbja se nitgħallmu xi rridu nagħmlu biex nirċievu l-​għajnuna mingħand Ġeħova meta nkunu stressati.

^ par. 2 L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Anġlu taʼ Ġeħova bil-​mod iqajjem lil Elija u jagħtih ħobż u ilma.

^ par. 55 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Salmista li seta’ kien dixxendent taʼ Asaf jieħu pjaċir jikteb is-​salmi u jkanta ma’ sħabu l-​Leviti.