Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 23

“Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh”!

“Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh”!

“Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin.”—KOL. 2:8.

GĦANJA 96 Il-​ktieb t’Alla stess—Teżor

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Skont Kolossin 2:4, 8, Satana kif jipprova jikkontrollalna lil moħħna?

SATANA jridna nieqfu nħobbu lil Ġeħova. Sabiex jilħaq din il-​mira, hu jipprova jinfluwenza l-​mod kif naħsbu, bħallikieku jikkontrollalna lil moħħna u jagħmlu ubbidjenti lejh. Hu jipprova jipperswadina jew iqarraq bina biex insegwuh billi juża affarijiet li huma attraenti għalina.—Aqra Kolossin 2:4, 8.

2-3. (a) Għala għandna noqogħdu attenti għat-​twissija mniżżla f’​Kolossin 2:8? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Qegħdin aħna verament f’periklu serju li niġu mqarrqin minn Satana? Iva, qegħdin! Ftakar li Pawlu ma kitibx it-​twissija mniżżla f’​Kolossin 2:8 lil nies li ma kinux jemmnu. Hu kitibha lill-​Kristjani li kienu ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis. (Kol. 1:2, 5) Dawn il-​Kristjani kienu fil-​periklu dak iż-​żmien, u aħna qegħdin f’periklu saħansitra ikbar illum. (1 Kor. 10:12) Għala? Satana twaddab fil-​viċinanzi tal-​art, u hu ffokat biex iqarraq bil-​qaddejja leali t’Alla. (Riv. 12:9, 12, 17) Ukoll, qed ngħixu fi żmien meta nies mill-​agħar u impusturi jibqgħu sejrin “mill-​ħażin għall-​agħar.”—2 Tim. 3:1, 13.

3 F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif Satana juża “qerq fieragħ,” jew qerq bla sens, biex jipprova jinfluwenza l-​ħsibijiet tagħna. Se nidentifikaw tliet nases minn tiegħu. (Efes. 6:11) Imbagħad, fl-​artiklu taʼ wara dan, se nikkunsidraw kif inġibu fix-​xejn kwalunkwe riżultat negattiv li t-​tattiki tiegħu setgħu ġabu fuq il-​ħsibijiet tagħna. Imma l-​ewwel, ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​mod  kif Satana qarraq bl-​Iżraelin wara li daħlu fl-​Art Imwiegħda.

IMĦAJRIN IQIMU ALLAT FOLOZ

4-6. Skont Dewteronomju 11:10-15, l-​Iżraelin liema bidla rigward il-​biedja kellhom jagħmlu meta ssetiljaw fl-​Art Imwiegħda?

4 Bil-​ħażen taʼ moħħu, Satana ħajjar lill-​Iżraelin iqimu allat foloz. Kif għamel dan? Hu ħa vantaġġ mill-​bżonn tagħhom li jipprovdu l-​ikel għalihom infushom. Meta l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, huma kellhom ibiddlu l-​mod taʼ kif ikabbru l-​prodotti tal-​ikel tagħhom. Meta kienu l-​Eġittu, l-​Iżraelin saqqew l-​għelieqi tagħhom billi ġabu l-​ilma mix-​Xmara Nil. Madankollu, fl-​Art Imwiegħda ma kien hemm ebda xmara kbira, allura biex ikollhom x’jieklu kellhom bżonn l-​ilma tax-​xita kif ukoll tan-​nida. (Aqra Dewteronomju 11:10-15; Is. 18:4, 5) B’hekk, l-​Iżraelin kellhom jitgħallmu metodi ġodda tal-​biedja. Dan ma kienx se jkun faċli għaliex il-​biċċa l-​kbira tan-​nies li kellhom l-​esperjenza fil-​biedja kienu mietu fid-​deżert.

Satana kif kien kapaċi jbiddel ir-​raġunar tal-​bdiewa Iżraelin? (Ara paragrafi 4-6) *

5 Ġeħova spjega lill-​poplu tiegħu li ċ-​ċirkustanzi tagħhom kienu nbidlu. Imbagħad żied din it-​twissija, li mad-​daqqa t’għajn tistaʼ tidher li m’għandhiex x’taqsam mal-​biedja: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li ma tmurx qalbkom titħajjar, u dduru u tqimu allat oħrajn u tmilu quddiemhom.” (Dt. 11:16, 17) Ġeħova għala wissa kontra l-​qima t’allat foloz meta kien qed jitkellem dwar li jitgħallmu metodi ġodda tal-​biedja?

6 Ġeħova kien jaf li l-​Iżraelin kienu se jitħajru biex jitgħallmu xi mod ġdid dwar il-​biedja mingħand in-​nies pagani taʼ  madwarhom. Bla dubju, il-​ġirien tagħhom kienu iżjed tal-​esperjenza minnhom, u l-​poplu t’Alla setaʼ jitgħallem mill-​metodi utli tagħhom, iżda kien hemm periklu. Ir-​raġunar tal-​bdiewa Kangħanin kien affettwat mit-​twemmin tagħhom f’Bagħal. Huma qiesu lil Bagħal bħala sid is-​sema u l-​wieħed li jagħti x-​xita. Ġeħova ma riedx li niesu jingannaw ruħhom bi twemmin falz bħal dan. Madankollu, għal darba wara l-​oħra, l-​Iżraelin għażlu li jqimu lil Bagħal. (Num. 25:3, 5; Mħ. 2:13; 1 Slat. 18:18) Issa nnota kif Satana kien kapaċi jaħtaf lill-​Iżraelin taħt difrejh.

TLIET TATTIKI LI SATANA UŻA BIEX JAĦTAF LILL-​IŻRAELIN TAĦT DIFREJH

7. Liema prova tal-​fidi ffaċċjaw l-​Iżraelin meta daħlu fl-​Art Imwiegħda?

7 L-​ewwel tattika li Satana uża kienet ix-​xewqa normali tan-​nies biex jaraw l-​art tissaqqa bl-​ilma tax-​xita. Fl-​Art Imwiegħda, kull sena ftit li xejn kienet tagħmel xita mill-​aħħar t’April sa Settembru. Il-​ħajja u l-​uċuħ tar-​rabaʼ ddependew mix-​xita li ġeneralment kienet tibda lejn Ottubru. Satana qarraq bl-​Iżraelin f’li jemmnu li biex jimxu ’l quddiem, huma kellhom jadottaw il-​prattiki tal-​ġirien pagani tagħhom. Dawn kienu jemmnu li kien hemm bżonn taʼ ċerti ritwali biex iqanqlu lill-​allat tagħhom jaġixxu u jġibulhom ix-​xita meħtieġa. Dawk li ma kellhomx biżżejjed fidi f’Ġeħova emmnu li dan kien l-​uniku mod biex tiġi evitata nixfa għal żmien twil. Allura huma għamlu ritwali pagani biex iqimu lill-​alla falz Bagħal.

8. Liema tattika oħra uża Satana? Spjega.

8 Satana uża tattika oħra fuq l-​Iżraelin. Hu ħajjarhom għall-​immoralità sesswali. Il-​ġnus pagani qiemu lill-​allat tagħhom billi għamlu atti immorali diżgustanti. Din il-​forma baxxa taʼ qima inkludiet prostituzzjoni fit-​tempju kemm taʼ nisa kif ukoll taʼ rġiel. L-​omosesswalità u forom oħrajn taʼ immoralità sesswali mhux biss kienu tollerati imma wkoll saru normali! (Dt. 23:17, 18; 1 Slat. 14:24) Dawn il-​pagani emmnu li dawn ir-​ritwali inkuraġġew lill-​allat tagħhom biex jagħmlu l-​art fertili. Ħafna Iżraelin inġibdu lejn ir-​ritwali immorali sesswalment tal-​pagani u ħallew lilhom infushom jiġu mħajrin jaqdu allat foloz. Fir-​realtà, huma nħatfu taħt difrejn Satana.

9. Skont Ħosea 2:16, 17, Satana kif ġiegħel lill-​Iżraelin jinsew x’kienet il-​ħarsa taʼ Ġeħova?

9 Satana uża t-​tielet tattika. Hu nessa lill-​Iżraelin x’kienet il-​ħarsa taʼ Ġeħova. Fi żmien il-​profeta Ġeremija, Ġeħova qal li l-​profeti foloz ġiegħlu lill-​poplu Tiegħu jinsa Ismu “minħabba Bagħal.” (Ġer. 23:27) Għal xi żmien, il-​poplu t’Alla milli jidher waqaf juża l-​isem taʼ Ġeħova u biddlu mal-​isem Bagħal, li jfisser “Sid.” Dan għamilha diffiċli għall-​Iżraelin biex jifhmu d-​differenza bejn Ġeħova u Bagħal, u b’hekk kien eħfef għalihom li jħalltu r-​ritwali tal-​qima lil Bagħal mal-​qima taʼ Ġeħova.—Aqra Ħosea 2:16, 17 u n-​nota taʼ taħt.

IT-​TATTIKI LI JUŻA SATANA LLUM

10. Satana x’tattiki juża llum?

10 Satana juża l-​istess tattiki llum. Hu jaħtaf in-​nies taħt difrejh billi jħajjarhom jaġixxu skont ix-​xewqat naturali tagħhom, billi jippromwovi l-​immoralità sesswali, u billi jnessi lin-​nies x’inhi  l-​ħarsa taʼ Ġeħova. L-​ewwel, ejja nikkunsidraw l-​aħħar tattika.

11. Satana kif nessa lin-​nies x’inhi l-​ħarsa taʼ Ġeħova?

11 Satana jnessi lin-​nies x’inhi l-​ħarsa taʼ Ġeħova. Wara l-​mewt tal-​appostli taʼ Ġesù, uħud li qalu li kienu Kristjani bdew ixerrdu tagħlim falz. (Atti 20:29, 30; 2 Tess. 2:3) Dawn l-​apostati bdew inessu l-​identità tal-​uniku Alla veru. Pereżempju, huma waqfu jużaw l-​isem t’Alla meta għamlu l-​kopji tal-​Bibbja u ppreferew espressjonijiet bħal “Mulej.” Billi neħħew l-​isem personali t’Alla u poġġew “Mulej” minfloku, huma għamluha diffiċli għal min jaqra l-​Bibbja biex jara kif Ġeħova hu differenti mill-​“mulejiet” l-​oħrajn imsemmijin fl-​Iskrittura. (1 Kor. 8:5) Huma użaw l-​istess kelma, “Mulej,” kemm għal Ġeħova kif ukoll għal Ġesù. B’hekk, kien diffiċli li wieħed jifhem li Ġeħova u Ibnu huma individwi differenti b’pożizzjonijiet differenti. (Ġw. 17:3) Din il-​konfużjoni tat sehemha għall-​iżvilupp tad-​duttrina tat-​Trinità—duttrina li l-​Kelma t’Alla ma tgħallimx. Minħabba f’hekk, ħafna jaraw lil Alla bħala misterjuż u jemmnu li hu impossibbli li ssir tafu. X’gidba hi din!—Atti 17:27.

Satana kif uża r-​reliġjon falza biex jissodisfa x-​xewqat immorali tan-​nies? (Ara paragrafu 12) *

12. Ir-​reliġjon falza xi ppromwoviet, u b’liema riżultat, bħalma hu spjegat f’​Rumani 1:28-31?

12 Satana jħajjar lin-​nies jaġixxu skont ix-​xewqat immorali. Fi żmien Iżrael tal-​qedem, Satana uża r-​reliġjon falza biex jippromwovi l-​immoralità. Illum jagħmel l-​istess. Ir-​reliġjon falza tittollera u saħansitra tippromwovi mġiba immorali. B’hekk, ħafna li jgħidu li jaqdu lil Alla abbandunaw il-​livelli ċari tiegħu dwar il-​moralità. L-​appostlu Pawlu jiddeskrivi x’kien ir-​riżultat fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani. (Aqra Rumani 1:28-31.) Fost “dak li mhux xieraq” hemm kull tip taʼ immoralità sesswali, inkluż l-​omosesswalità. (Rum. 1:24-27, 32; Riv. 2:20) Kemm hu importanti għalina li nżommu mat-​tagħlim ċar tal-​Bibbja!

13. X’tattika oħra juża Satana?

13 Satana jħajjar lin-​nies jaġixxu skont ix-​xewqat naturali tagħhom. Aħna għandna xewqa naturali biex  ikollna edukazzjoni bażika li tistaʼ tgħinna naqilgħu l-​għajxien għalina u għall-​familji tagħna. (1 Tim. 5:8) Spiss, jistaʼ jkollna edukazzjoni bażika billi nattendu l-​iskola u nkunu studenti ħabrieka. Imma rridu noqogħdu attenti. Minbarra l-​edukazzjoni bażika, is-​sistema edukattiva f’ħafna pajjiżi tgħallem ukoll l-​għerf tal-​bniedem. L-​istudenti huma inkuraġġiti jiddubitaw l-​eżistenza t’Alla u jinjoraw il-​Bibbja. Huma jiġu mgħallmin li t-​teorija tal-​evoluzzjoni hi l-​unika spjegazzjoni intelliġenti għall-​oriġini tal-​ħajja. (Rum. 1:21-23) Tagħlim bħal dan imur kontra “l-​għerf t’Alla.”—1 Kor. 1:19-21; 3:18-20.

14. L-​għerf tal-​bniedem x’jippromwovi?

14 L-​għerf tal-​bniedem jinjora jew imur kontra l-​livelli ġusti taʼ Ġeħova. Ma jippromwovix il-​frott tal-​ispirtu t’Alla iżda, minflok, “l-​għemejjel tal-​laħam.” (Gal. 5:19-23) Dan jinkuraġġixxi l-​kburija u l-​arroganza, bir-​riżultat li n-​nies isiru “jħobbu lilhom infushom.” (2 Tim. 3:2-4) Dawn il-​kwalitajiet huma l-​oppost tal-​attitudni ġwejda u umli li l-​qaddejja t’Alla huma inkuraġġiti li jkollhom. (2 Sam. 22:28) Xi Kristjani li ħadu edukazzjoni ogħla beda jkollhom raġunar bħal tad-​dinja minflok bħal t’Alla. Ejja nikkunsidraw eżempju wieħed biss taʼ x’jistaʼ jiġri.

L-​għerf tal-​bniedem kif jistaʼ jbiddel ir-​raġunar tagħna? (Ara paragrafi 14-16) *

15-16. Int x’titgħallem mill-​esperjenza taʼ waħda oħt?

15 Oħt li ilha fis-​servizz full-​time għal iktar minn 15-​il sena tgħid: “Bħala Xhud mgħammda kont qrajt u smajt dwar il-​perikli taʼ li tmur l-​università, imma ma  tajtx kas twissijiet bħal dawn. Ħsibt li l-​parir ma kienx jgħodd għalija.” Xi sfidi ffaċċjat? Hi tammetti: “L-​istudju għall-​korsijiet li ħadt tant ħadli ħin u sforz li ma kienx jibqagħli ħin nitlob lil Ġeħova bħalma kien ikolli qabel, kont inkun wisq għajjiena biex ingawdi diskussjonijiet fil-​ministeru dwar il-​Bibbja, u għajjiena mejta biex nipprepara tajjeb għal-​laqgħat. B’ferħ, ladarba rrealizzajt illi li nkun involuta ħafna f’edukazzjoni ogħla kien qed jagħmilli l-​ħsara fir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova, kont naf li kelli nieqaf. U hekk għamilt.”

16 Din l-​edukazzjoni ogħla x’effett ħalliet fuq ir-​raġunar taʼ din l-​oħt? Hi twieġeb: “Nistħi nammetti li l-​edukazzjoni li għażilt għallmitni niffoka fuq l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn, speċjalment taʼ ħuti fil-​kongregazzjoni, għallmitni nistenna ħafna minnhom, u biex ninqataʼ minnhom. Kellu jgħaddi ħafna żmien biex nieqaf naħseb b’dan il-​mod. Dak il-​perjodu f’ħajti wrieni kemm hu perikoluż li ninjoraw it-​twissijiet mogħtijin minn Missierna tas-​sema permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu. Ġeħova kien jafni aħjar milli kont naf lili nnifsi. Kemm nixtieq li smajt minnu!”

17. (a) X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

17 Kun determinat li qatt ma tħalli lid-​dinja taʼ Satana taħtfek taħt difrejha “b’filosofija u qerq fieragħ.” Oqgħod għassa kontinwament għat-​tattiki taʼ Satana. (1 Kor. 3:18; 2 Kor. 2:11) Qatt tħallih inessik min hu Ġeħova u kif iridek tqimu. Għix skont il-​livelli morali għoljin taʼ Ġeħova. U qatt tħalli lil Satana jqarraq bik f’li tinjora l-​pariri taʼ Ġeħova. Imma x’għandek tagħmel jekk tinduna li diġà ġejt affettwat bir-​raġunar taʼ din id-​dinja? L-​artiklu li jmiss se jurina kif il-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna negħlbu saħansitra ħsibijiet u drawwiet “stabbiliti fis-​sod.”—2 Kor. 10:4, 5.

GĦANJA 49 Inferrħu qalb Ġeħova

^ par. 5 Satana huwa espert f’li jidħaq bin-​nies. Ħafna waqgħu fin-​nassa tiegħu u  emmnu li kienu ħelsin, għalkemm fir-​realtà jkun ħatafhom taħt difrejh. Dan l-​artiklu se jitkellem dwar diversi tattiki li juża Satana biex iqarraq bin-​nies.

^ par. 48 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Xi Iżraelin jagħmluha mal-​Kangħanin u qed jiġu mħajrin jieħdu sehem fil-​qima lil Bagħal u fl-​immoralità.

^ par. 51 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Riklam minn knisja li taċċetta lill-​omosesswali bħala membri tagħha.

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt żagħżugħa daħlet l-​università. Hi u sħabha tal-​klassi jemmnu l-​idea tal-​professoressa tagħhom li x-​xjenza u t-​teknoloġija jistgħu jsolvu l-​problemi kollha tal-​bnedmin. Iżjed tard, fis-​Sala tas-​Saltna, hi ma tibqax interessata u taħseb fuq in-​nuqqasijiet tal-​aħwa.