Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 24

Eħilsu minn kull idea li tmur kontra t-tagħlim t’Alla!

Eħilsu minn kull idea li tmur kontra t-tagħlim t’Alla!

“Qed inwaqqgħu r-​raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-​għarfien dwar Alla.”—2 KOR. 10:5.

GĦANJA 124 Dejjem leali

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Liema twissija kiteb l-​appostlu Pawlu lill-​Kristjani midlukin?

“TIBQGĦUX,” wissa l-​appostlu Pawlu. Tibqgħux xiex? “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema.” (Rum. 12:2) Pawlu kiteb dan il-​kliem lill-​Kristjani tal-​ewwel seklu. Għala kien ta twissija daqstant diretta lil irġiel u nisa li diġà kienu dedikati lil Alla u midlukin bl-​ispirtu qaddis?—Rum. 1:7.

2-3. Satana kif jipprova jbegħedna minn Ġeħova, iżda aħna kif nistgħu nneħħu kompletament affarijiet li huma “stabbiliti fis-​sod” f’moħħna?

2 Pawlu kien konċernat għaliex xi Kristjani milli jidher kienu qed jiġu influwenzati minn ideat u filosofiji taʼ ħsara li nsibu fid-​dinja taʼ Satana. (Efes. 4:17-19) Dan jistaʼ jiġri lil kull wieħed minna. F’attentat iddisprat biex ibegħedna minn Ġeħova, Satana, l-​alla taʼ din is-​sistema, juża diversi tattiki. Waħda minnhom hi li jieħu vantaġġ minn xi xewqa li għandu mnejn ikollna biex inkunu ambizzjużi jew famużi. Hu jistaʼ saħansitra jipprova juża l-​affarijiet li tgħallimna mid-​dar, mill-​iskola, u min-​nies madwarna sabiex iġegħelna naħsbu bil-​mod li jridna hu.

3 Huwa possibbli għalina li nneħħu kompletament affarijiet li huma “stabbiliti fis-​sod” f’moħħna? (2 Kor. 10:4) Innota kif iwieġeb Pawlu: “Qed inwaqqgħu r-​raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-​għarfien dwar Alla; u qed injassru kull ħsieb biex nagħmluh ubbidjenti lejn il-​Kristu.”  (2 Kor. 10:5) Iva, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, attwalment nistgħu nneħħu r-​raġunar ħażin. L-​istess bħalma l-​mediċina tistaʼ tgħinna nneħħu l-​effetti ħżiena taʼ xi marda, hekk ukoll il-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nneħħu l-​effetti ħżiena tad-​dinja taʼ Satana.

“INBIDLU BILLI ĠEDDU MOĦĦKOM”

4. Ħafna minna x’bidliet kellna nagħmlu meta aċċettajna l-​verità?

4 Aħseb ftit fil-​bidliet li kellek bżonn tagħmel meta aċċettajt il-​verità tal-​Kelma t’Alla u ddeċidejt li taqdi lil Ġeħova. Għal ħafna minna, dan kien jinvolvi li nwaqqfu ċerta mġiba ħażina. (1 Kor. 6:9-​11) Kemm aħna grati li Ġeħova għenna nieqfu nagħmlu dawn il-​prattiki ħżiena!

5. Liema żewġ affarijiet jiġu deskritti f’​Rumani 12:2?

5 Madankollu, qatt m’għandna nħossuna li m’għandniex bżonn nagħmlu iżjed bidliet. Għalkemm waqafna nagħmlu dnubiet serji li konna nagħmlu qabel il-​magħmudija, xorta rridu nibqgħu naħdmu iebes biex nevitaw kwalunkwe ħaġa li tħajjarna nerġgħu nagħmluhom. Kif nistgħu nagħmlu dan? Pawlu jwieġeb: “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema, imma nbidlu billi ġġeddu moħħkom.” (Rum. 12:2) Allura jeħtieġ li nagħmlu żewġ affarijiet. L-​ewwel, jeħtieġ li ma ‘nibqgħux magħġunin,’ jew influwenzati, minn din id-​dinja. It-​tieni, jeħtieġ li ‘ninbidlu’ billi nibdlu l-​mod kif naħsbu.

6. X’nitgħallmu mill-​ħsieb li hemm fil-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’​Mattew 12:43-45?

6 Il-​bidla li kellu f’moħħu Pawlu tinvolvi iktar milli nibdlu fuq fuq il-​mod kif nidhru. Din taffettwa kull parti minna. (Ara l-​kaxxa “ Inbdilt għalkollox jew għat-​taparsi?”) Neħtieġu li ninbidlu kompletament—l-​attitudnijiet l-​iktar  profondi, is-​sentimenti, u x-​xewqat tagħna. Allura, kulħadd għandu bżonn jistaqsi lilu nnifsu: ‘Il-​bidliet li qed nagħmel biex insir Kristjan jaffettwaw biss kif nidher għal oħrajn, jew verament qed insir Kristjan f’qalbi u f’moħħi?’ Fil-​kliem imniżżel f’​Mattew 12:43-45, Ġesù wriena x’hemm bżonn isir. (Aqra.) Il-​ħsieb wara dan il-​kliem jenfasizza din il-​verità importanti: Mhuwiex biżżejjed li neħilsu minn ħsibijiet ħżiena; jeħtieġ li l-​vojt tagħhom nimlewh bi ħsibijiet li Alla japprova.

‘IĠĠEDDU FIL-​FORZA LI QED TQANQAL LIL MOĦĦKOM’

7. Kif nistgħu nibdlu dak li aħna minn ġewwa?

7 Huwa possibbli li nibdlu x-​xewqat bażiċi tagħna jew min tassew aħna minn ġewwa? Il-​Kelma t’Alla twieġeb: ‘Iġġeddu fil-​forza li qed tqanqal lil moħħkom, u ilbsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.’ (Efes. 4:23, 24) Iva, possibbli nibdlu dak li aħna minn ġewwa, imma mhux faċli nagħmlu dan. Għandna bżonn nagħmlu iktar milli rrażżnu xewqat u azzjonijiet ħżiena. Jeħtieġ li nibdlu ‘l-​forza li qed tqanqal lil moħħna.’ Dan jinvolvi li nibdlu x-​xewqat, l-​imġiba, u r-​raġunijiet tagħna għala nagħmlu l-​affarijiet. Dan jeħtieġ azzjoni kontinwa.

8-9. L-​esperjenza taʼ wieħed ħu kif tenfasizza l-​bżonn li ninbidlu minn ġewwa?

8 Ejja nikkunsidraw l-​eżempju taʼ ħu li kien persuna vjolenti fil-​passat. Wara li waqaf jixrob u jiġġieled, hu kkwalifika għall-​magħmudija u ta xhieda mill-​aħjar fil-​komunità żgħira fejn kien jgħix. Iżda lejla waħda, ftit wara li tgħammed, hu ġie ttestjat b’mod li ma stenniex. Sakranazz ġie għandu u sfidah għal ġlieda. Għall-​ewwel ħuna rreżista l-​ħeġġa li ġietu biex jiġġieled. Imma meta r-​raġel fl-​aħħar dagħa bl-​isem taʼ Ġeħova, ħuna ma felaħx iżomm. Hu ħareġ u ta xebgħa kif kien imiss lir-​raġel. X’kienet il-​problema? Għalkemm l-​istudju tal-​Bibbja tiegħu kien għenu jrażżan it-​tendenzi vjolenti tiegħu, kien għadu mhux kapaċi jbiddel il-​forza li tqanqal lil moħħu. Fi kliem ieħor, ma biddilx dak li verament kien minn ġewwa.

9 Madankollu, il-​ħu ma qatax qalbu. (Prov. 24:16) Bl-​għajnuna tal-​anzjani, kompla miexi ’l quddiem. Fl-​aħħar ikkwalifika għal anzjan. Imbagħad lejla waħda, eżatt ħdejn is-​Sala tas-​Saltna, ġie wiċċ imb wiċċ maʼ sfida simili għal dik li ffaċċja snin qabel. Sakranazz kien se jagħti xebgħa tajba lil wieħed mill-​anzjani l-​oħra. X’għamel ħuna? B’mod kalm u umli, hu rraġuna mar-​raġel fis-​sakra, mewwet it-​tensjoni, u anke għenu jasal id-​dar. X’kien ġara? Ħuna kien biddel il-​forza li tqanqal lill-​moħħ. Fil-​fond taʼ qalbu, hu kien inbidel f’persuna paċifika u umli—kollox għat-​tifħir taʼ Ġeħova!

10. X’inhu involut f’li nagħmlu dawn il-​bidliet?

10 Bidliet bħal dawn ma jseħħux mil-​lum għal għada; lanqas ma jsiru malajr u mingħajr sforzi. Forsi jkollna bżonn nagħmlu “sforz ħerqan” għal tul taʼ snin. (2 Pt. 1:5) Ma jfissirx li għax ilna s-​snin “fil-​verità” allura għamilna l-​bidliet kollha. Aħna jeħtieġ li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inbiddlu dak li aħna minn ġewwa. Xi passi bażiċi se jgħinuna nagħmlu din il-​bidla. Ejja naraw uħud minnhom.

 KIF INBIDDLU L-​FORZA LI TQANQAL LIL MOĦĦNA

11. It-​talb kif jgħinna nbiddlu l-​forza li tqanqal lil moħħna?

11 It-​talb hu l-​ewwel pass importanti. Għandna bżonn nitolbu bħalm’għamel is-​salmista: “Oħloq fija qalb pura, O Alla, u poġġi ġewwa fija spirtu ġdid, wieħed sod.” (Salm 51:10) Għandna nammettu li neħtieġu nbiddlu l-​forza li tqanqal lil moħħna u nitolbu l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna nagħmlu l-​bidla? Nistgħu niġu inkuraġġiti bil-​wegħda taʼ Ġeħova lill-​Iżraelin stinati fi żmien Eżekjel: “Nagħtihom qalb waħda, u ndaħħal fihom spirtu ġdid . . . u nagħtihom qalb tal-​laħam,” jiġifieri, waħda lesta li ssegwi l-​gwida t’Alla. (Eżek. 11:19) Ġeħova kien lest li jgħin lil dawk l-​Iżraelin biex jinbidlu, u hu lest li jgħin lilna wkoll.

12-13. (a) Skont Salm 119:59, fuq xiex għandna bżonn nimmeditaw? (b) X’mistoqsijiet għandek tistaqsi lilek innifsek?

12 Il-​meditazzjoni hi t-​tieni pass vitali. Aħna u naqraw bir-​reqqa l-​Kelma t’Alla kuljum, jeħtieġ li nieħdu l-​ħin biex nimmeditaw, jew naħsbu fil-​fond, dwar liema ħsibijiet u sentimenti għandna bżonn inbiddlu. (Aqra Salm 119:59; Ebr. 4:12; Ġak. 1:25) Aħna għandna nidentifikaw kwalunkwe tendenza li jistaʼ jkollna biex ninġibdu lejn l-​ideat tad-​dinja. Għandna nammettu onestament x’inhuma d-​dgħufijiet tagħna u mbagħad naħdmu iebes biex neħilsu minnhom.

13 Pereżempju, staqsi lilek innifsek: ‘Hemm xi traċċa taʼ għira f’qalbi?’ (1 Pt. 2:1) ‘Inħossni kburi, anke jekk ftit, minħabba t-​trobbija, l-​edukazzjoni, jew l-​istat finanzjarju tiegħi?’ (Prov. 16:5) ‘Inħossni aħjar minn dawk li m’għandhomx l-​affarijiet li għandi jien jew li huma taʼ razza differenti?’ (Ġak. 2:2-4) ‘Inħossni miġbud lejn dak li għandha x’toffri d-​dinja taʼ Satana?’ (1 Ġw. 2:15-17) ‘Nieħu pjaċir b’divertiment immorali u vjolenti?’ (Salm 97:10; 101:3; Għam. 5:15) It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet personali jistgħu jġegħluk tirrealizza fuq xiex għandek bżonn taħdem. Billi negħlbu dak li jistaʼ jidher bħala raġunar ‘stabbilit fis-​sod’ f’qalbna, aħna se nogħġbu lil Missierna tas-​sema.—Salm 19:14.

14. Għala hu tant importanti li nagħżlu ħbieb tajbin?

14 Li nagħżlu ħbieb tajbin hu t-​tielet pass meħtieġ. Nirrealizzawx jew le, aħna influwenzati bil-​kbir minn dawk li nkunu magħhom. (Prov. 13:20) Fuq ix-​xogħol jew l-​iskola, x’aktarx li nkunu mdawrin b’dawk li ma jgħinuniex niżviluppaw ħsibijiet li jogħġbu lil Alla. Madankollu, nistgħu nsibu l-​aħjar nies li nistgħu nkunu ħbieb magħhom fil-​laqgħat Kristjani tagħna. Proprju hemm nistgħu niġu mmotivati, jew imqanqlin, għall-​“imħabba u l-​għemejjel tajbin.”—Ebr. 10:24, 25.

“ISSODAW FIL-​FIDI”

15-16. Satana kif jipprova jbiddel il-​ħsibijiet tagħna?

15 Ftakar iżda, li Satana hu determinat li jbiddel il-​ħsibijiet tagħna. Hu juża kull tip taʼ raġunar biex jeqred l-​influwenza tajba li l-​Kelma t’Alla kellha fuq il-​mod kif naħsbu.

16 Satana jkompli jistaqsi l-​istess mistoqsija li staqsa lil Eva fil-​ġnien tal-​Għeden: “Veru li Alla qalilkom li  . . . ?” (Ġen. 3:1) Fid-​dinja li qiegħda fil-​kontroll taʼ Satana, spiss nisimgħu mistoqsijiet taʼ sfida, bħalm’huma dawn: ‘Veru li Alla ma japprovax żwieġ bejn tnejn tal-​istess sess? Veru li Alla ma jridekx tiċċelebra l-​Milied u l-​birthdays? Veru li Alla jistenna li tirrifjuta trasfużjoni tad-​demm? Veru li Alla taʼ mħabba jistenna li tevita li tassoċja maʼ qraba maħbubin u ħbieb maqtugħin mis-​sħubija?’

17. X’għandna nagħmlu meta niġu ffaċċjati b’mistoqsijiet li jisfidaw it-​twemmin tagħna, u Kolossin 2:6, 7 x’juri li jistaʼ jkun ir-​riżultat?

17 Aħna għandna bżonn inkunu konvinti mit-​twemmin tagħna. Jekk inħallu mistoqsijiet taʼ sfida mhux imwieġba f’moħħna, jistaʼ jibda jkollna dubji serji. Dawn id-​dubji jistgħu fl-​aħħar mill-​aħħar jgħawġu l-​ħsibijiet tagħna u jeqirdulna l-​fidi. Mela, x’għandna bżonn nagħmlu? Il-​Kelma t’Alla tgħidilna biex inbiddlu lil moħħna, sabiex inkunu nistgħu nagħtu prova lilna nfusna “x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rum. 12:2) Permezz taʼ studju regolari, nistgħu nagħtu prova lilna nfusna tal-​veritajiet li tgħallimna mill-​Bibbja. Nistgħu nkunu konvinti għalkollox li l-​livelli taʼ Ġeħova huma tajbin. Imbagħad, bħal siġra b’għeruq b’saħħithom, se nkunu ‘sodi fil-​fidi.’—Aqra Kolossin 2:6, 7.

18. X’se jgħinna nipproteġu lilna nfusna mill-​effetti ħżiena tad-​dinja taʼ Satana?

18 Ħadd ma jistaʼ jsaħħaħlek il-​fidi tiegħek, allura kompli ġġedded fil-​forza li tqanqal lil moħħok. Itlob kontinwament; ittallab għall-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova. Immedita fil-​fond; kompli eżamina l-​ħsibijiet u l-​motivi tiegħek. Sib ħbieb tajbin; kun imdawwar b’individwi li se jgħinuk tbiddel il-​ħsibijiet tiegħek. Billi tagħmel dan, se teħles u tipproteġi lilek innifsek mill-​effetti ħżiena tad-​dinja taʼ Satana u twaqqaʼ b’suċċess “ir-​raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-​għarfien dwar Alla.”—2 Kor. 10:5.

GĦANJA 50 It-​talba tiegħi taʼ dedikazzjoni

^ par. 5 Kemm jekk għat-​tajjeb u kemm jekk għall-​ħażin, il-​ħsibijiet tagħna huma influwenzati mit-​trobbija, il-​kultura, u l-​edukazzjoni tagħna. Għandna mnejn insibu li ċerti attitudnijiet ħżiena saru parti mill-​personalità tagħna u huma diffiċli biex neħilsu minnhom. Dan l-​artiklu se jurina kif nistgħu nikkontrollaw kwalunkwe tendenza ħażina li stajna żviluppajna.