Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Setaʼ kellu l-approvazzjoni t’Alla

Setaʼ kellu l-approvazzjoni t’Alla

AĦNA naqdu lil Ġeħova u nixtiequ l-​approvazzjoni u l-​barka tiegħu. Imma kif jistaʼ jkollna l-​approvazzjoni t’Alla? Fi żminijiet Bibliċi, xi wħud li għamlu dnubiet serji reġgħu kisbu l-​favur, jew l-​approvazzjoni, t’Alla. Oħrajn kellhom kwalitajiet tajbin imma fl-​aħħar tilfu l-​approvazzjoni t’Alla. Allura forsi nistaqsu, “X’qed ifittex Ġeħova f’kull wieħed u waħda minna?” L-​eżempju taʼ Reħobogħam, sultan taʼ Ġuda, jistaʼ jgħinna nsibu t-​tweġiba.

BIDU ĦAŻIN

Missier Reħobogħam, Salamun, kien sultan taʼ Iżrael għal 40 sena. (1 Slaten 11:42) Wara li missieru miet, Reħobogħam mar minn Ġerusalemm għal Sikem biex isir sultan. (2 Kronaki 10:1) Kien hu qed jibżaʼ jsir is-​sultan li jmiss? Salamun kien magħruf għall-​għerf kbir tiegħu. Dalwaqt, Reħobogħam kien se jkollu juri jekk kienx għaref biżżejjed biex isolvi problema diffiċli.

L-​Iżraelin ħassew li kienu trattati ħażin ħafna u bagħtu nies għand Reħobogħam biex jgħidulu dak li xtaquh jagħmel: “Missierek, min-​naħa tiegħu, għamel il-​madmad tagħna iebes; u issa int ħaffef is-​servizz iebes taʼ missierek u l-​madmad tqil li qegħdilna fuqna, u aħna naqduk.”—2 Kronaki 10:3, 4.

Reħobogħam kellu għażla diffiċli x’jagħmel. Kieku għamel dak li xtaqu n-​nies, hu, il-​familja tiegħu, u dawk fil-​palazz forsi kien se jkollhom jgħixu mingħajr ċerti affarijiet lussużi li kienu mdorrijin bihom. Imma, kieku ma għamilx dak li xtaqu n-​nies, huma setgħu jiħduha kontrih. X’għamel? L-​ewwel, hu tkellem max-​xjuħ li kienu għenu lil missieru. Huma qalulu biex jismaʼ min-​nies. Imma mbagħad Reħobogħam tkellem maʼ dawk tamparu u ddeċieda li jittratta lin-​nies bl-​aħrax. Hu qalilhom: “Jien se nżid mal-​madmad tagħkom. Missieri sawwatkom bil-​frosti, imma jien insawwatkom bil-​frosti bil-​ponot.”—2 Kronaki 10:6-14.

Hemm xi lezzjoni għalina f’dan? Illum, aħna għandna ħafna xjuħ fostna li ilhom snin jaqdu lil Ġeħova u li jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Ejja nkunu għaqlin u nisimgħu minnhom.—Ġob 12:12.

“HUMA OBDEW IL-​KELMA TAʼ ĠEĦOVA”

Reħobogħam issa ġabar lill-​armata tiegħu biex jiġġieled kontra t-​tribujiet li ħaduha kontrih. Minkejja dan, Ġeħova bagħat lill-​profeta Semajja biex jgħidilhom: “Titilgħux tiġġieldu kontra ħutkom ulied Israel. Morru lura, kull wieħed lejn  daru, għax kien minni li seħħet din il-​ħaġa.”—1 Slaten 12:21-24. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

Kien faċli għal Reħobogħam li jismaʼ minn Ġeħova? X’kienu se jaħsbu n-​nies dwar is-​sultan ġdid tagħhom? Hu kien qalilhom li kien se jikkastigahom “bil-​frosti bil-​ponot,” imma issa ma kien se jagħmel xejn dwar din ir-​ribelljoni xokkanti! (Qabbel it-​2 Kronaki 13:7.) Minkejja dak li setgħu ħasbu n-​nies dwaru, is-​sultan u l-​armata tiegħu “obdew il-​kelma taʼ Ġeħova, u marru lura d-​dar skond il-​kelma taʼ Ġeħova.”

X’inhi l-​lezzjoni għalina? Dejjem hu għaqli li nobdu lil Alla, anki jekk in-​nies iwaqqgħuna għaċ-​ċajt għax nagħmlu dan. Alla dejjem iberikna meta nobdu.—Dewteronomju 28:2.

Ġie Reħobogħam imbierek għax obda? Hu xorta mexxa fuq it-​tribujiet taʼ Ġuda u Benjamin, u ddeċieda li jibni bliet ġodda f’dawn it-​territorji. Hu anki “saħħaħhom bil-​kbir” lil xi bliet. (2 Kronaki 11:5-​12) L-​iktar importanti kien li għal xi żmien hu obda l-​liġijiet taʼ Ġeħova. Minħabba li l-​għaxar tribujiet tas-​saltna bdew iqimu l-​idoli, ħafna vvjaġġaw lejn Ġerusalemm biex jappoġġaw lil Reħobogħam u l-​qima vera. (2 Kronaki 11:16, 17) Mela għax Reħobogħam obda lil Ġeħova, is-​saltna tiegħu saret iktar b’saħħitha.

ID-​DNUB U L-​INDIEMA TAʼ REĦOBOGĦAM

Meta s-​saltna taʼ Reħobogħam saret b’saħħitha, hu għamel xi ħaġa mhux mistennija. Hu ma baqax jobdi l-​liġi taʼ Ġeħova u beda jqim allat foloz! Imma għala? Setgħet ommu, li kienet Għammonija, influwenzat id-​deċiżjoni tiegħu? (1 Slaten 14:21) Ma nafux, imma l-​poplu mexa wara l-​eżempju ħażin tiegħu. Għalhekk, Ġeħova ħalla lis-​Sultan Sisak tal-​Eġittu jieħu taħt idejh lil ħafna mill-​bliet fis-​saltna taʼ Ġuda. Dan ġara minkejja li Reħobogħam kien saħħaħhom ħafna lil dawn il-​bliet!—1 Slaten 14:22-24; 2 Kronaki 12:1-4.

Is-​sitwazzjoni marret għall-​agħar meta Sisak u l-​armata tiegħu marru biex jattakkaw lil Ġerusalemm, fejn kien isaltan Reħobogħam. F’dak il-​mument, il-​profeta Semajja ta lil Reħobogħam u l-​prinċpijiet tiegħu dan il-​messaġġ mingħand Alla: “Intom, min-​naħa tagħkom, tlaqtuni, u jien, ukoll, min-​naħa tiegħi, tlaqtkom f’idejn Sisak.” Kif irreaġixxa Reħobogħam għal din id-​dixxiplina? B’mod tajjeb ħafna! Il-​Bibbja tgħid: “Il-​prinċpijiet taʼ Israel u s-​sultan umiljaw ruħhom u qalu: ‘Ġeħova hu ġust.’” Għalhekk, Ġeħova salva lil Reħobogħam, u Ġerusalemm ma nqerditx.—2 Kronaki 12:5-​7, 12.

Wara dan, Reħobogħam baqaʼ jmexxi fuq is-​saltna taʼ Ġuda. Qabel ma miet, hu ta ħafna rigali lil uliedu subien. Probabbilment, ried jagħmel ċert li huma ma jiħduhiex kontra ħuhom Abija, li kien se jkun sultan warajh. (2 Kronaki 11:21-​23) Billi għamel dan, Reħobogħam aġixxa b’iktar għerf minn meta kien iżgħar.

KIEN REĦOBOGĦAM RAĠEL TAJJEB JEW ĦAŻIN?

Għalkemm Reħobogħam għamel xi affarijiet tajbin, dwar it-​tmexxija tiegħu l-​Bibbja tgħid: “Hu għamel dak li hu ħażin.” Għala? Għax hu ma kienx determinat b’qalb sħiħa li jfittex lil Ġeħova. Allura, Ġeħova ma kienx ferħan bih.—2 Kronaki 12:14.

Reħobogħam ma kellux relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova, bħalma kellu David

X’nistgħu nitgħallmu mill-​ħajja taʼ Reħobogħam? Xi drabi hu obda lil Alla u għamel xi affarijiet tajbin għan-​nies taʼ Ġeħova. Imma ma kellux relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova, u ma kellux xewqa qawwija li jogħġbu. Dan hu għala waqaf jagħmel it-​tajjeb u beda jqim allat foloz. Int forsi taħseb: ‘Meta Reħobogħam aċċetta l-​korrezzjoni minn Ġeħova, kien għax veru ddispjaċieh tal-​iżbalji u xtaq jogħġob lil Alla? Jew sempliċiment għax oħrajn qalulu li hekk għandu jagħmel?’ (2 Kronaki 11:3, 4; 12:6) Iktar tard f’ħajtu, reġaʼ għamel dak li hu ħażin. Hu kien differenti ħafna minn nannuh, is-​Sultan David! Veru li David għamel l-​iżbalji. Imma hu nidem sinċerament mill-​iżbalji serji li għamel. U kien iħobb lil Ġeħova u l-​qima vera matul ħajtu kollha.—1 Slaten 14:8; Salm 51:1, 17; 63:1.

 Minn dan ir-​rakkont fil-​Bibbja nistgħu nitgħallmu ħafna. Hi xi ħaġa taʼ min ifaħħarha meta n-​nies jipprovdu għall-​familji tagħhom u jagħmlu affarijiet tajbin għal oħrajn. Imma biex ikollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, aħna għandna nqimuh bil-​mod li jogħġob lilu, u għandu jkollna relazzjoni b’saħħitha miegħu.

Biex nilħqu din il-​mira, irridu nħobbu lil Ġeħova mill-​fond taʼ qalbna. Bħalma nar jibqaʼ jaqbad jekk inkomplu nitfgħu l-​injam, aħna nżommu l-​imħabba tagħna għal Alla b’saħħitha billi nistudjaw il-​Kelma tiegħu regolarment, nimmeditaw fuqha, u billi nitolbu bla waqfien. (Salm 1:2; 1 Tessalonikin 5:17) Din l-​imħabba se timmotivana nogħġbu lil Ġeħova f’kollox. U se timmotivana nindmu sinċerament meta niżbaljaw u nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna. Imbagħad m’aħniex se nkunu bħal Reħobogħam imma se nibqgħu leali lejn il-​qima vera.—Ġuda 20, 21.

^ par. 9 Minħabba li Salamun ma kienx leali, Alla kien diġà qal li s-​saltna kienet se tinqasam fi tnejn.—1 Slaten 11:31.