Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Jalla nkunu lkoll ħaġa waħda bħalma huma Ġeħova u Ġesù

Jalla nkunu lkoll ħaġa waħda bħalma huma Ġeħova u Ġesù

‘Nitlob . . . ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, . . . bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi.’—ĠWANNI 17:20, 21.

GĦANJIET: 24, 99

1, 2. (a) Ġesù għal xiex talab matul l-​aħħar talba tiegħu mal-​appostli? (b) Ġesù għala setaʼ kien imħasseb dwar l-​unità?

ĠESÙ kien imħasseb dwar l-​unità matul l-​aħħar ikla mal-​appostli tiegħu. Meta kien qed jitlob magħhom, hu qal li ried li d-​dixxipli tiegħu jkunu ħaġa waħda, jew magħqudin, bħalma hu u Missieru huma magħqudin. (Aqra Ġwanni 17:20, 21.) Jekk id-​dixxipli taʼ Ġesù jkunu magħqudin, dan kien se juri lil oħrajn li Ġeħova kien bagħat lil Ġesù fuq l-​art. In-​nies kienu se jagħrfu lid-​dixxipli veri taʼ Ġesù mill-​imħabba li kellhom għal xulxin, u din l-​imħabba kienet se tagħmilhom iktar magħqudin.—Ġwanni 13:34, 35.

2 Aħna nistgħu nifhmu għala Ġesù tkellem ħafna dwar l-​unità dak il-​lejl. Hu kien innota li l-​appostli ma kinux magħqudin għalkollox. Pereżempju, l-​appostli argumentaw dwar “min minnhom kien jidher li hu l-​akbar,” bħalma kienu għamlu qabel. (Luqa 22:24-27; Marku 9:33, 34) Darb’oħra, Ġakbu u Ġwanni kienu talbu lil Ġesù  biex jagħtihom postijiet importanti fis-​Saltna tas-​sema, eżatt ħdejh.—Marku 10:35-40.

3. X’setaʼ ma ħalliex lid-​dixxipli taʼ Kristu jkunu magħqudin, u liema mistoqsijiet se niddiskutu?

3 Ix-​xewqa għal iktar qawwa u awtorità ma kinitx l-​unika ħaġa li ma ħallietx lid-​dixxipli taʼ Kristu jkunu magħqudin. In-​nies fi żmien Ġesù kienu mifrudin minħabba l-​mibegħda u l-​preġudizzju. Id-​dixxipli taʼ Ġesù kien se jkollhom bżonn jegħlbu dawn is-​sentimenti negattivi. F’dan l-​artiklu se niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet: X’għamel Ġesù dwar il-​preġudizzju? Hu kif għen lis-​segwaċi tiegħu jitgħallmu jittrattaw lil kulħadd indaqs, jew b’mod ġust, u jsiru magħqudin? U l-​eżempju taʼ Ġesù u l-​affarijiet li għallem kif se jgħinuna nibqgħu magħqudin?

PREĠUDIZZJU KONTRA ĠESÙ U S-​SEGWAĊI TIEGĦU

4. Agħti eżempji taʼ preġudizzju li Ġesù esperjenza.

4 Ġesù stess kien vittma tal-​preġudizzju. Meta Filippu qal lil Natanjel li kien sab lill-​Messija, Natanjel qal: “Tistaʼ xi ħaġa tajba toħroġ minn Nazaret?” (Ġwanni 1:46) Probabbilment, Natanjel kien jaf li l-​Messija kellu jitwieled f’Betlem, bħalma kienet qalet il-​profezija f’​Mikea 5:2. Hu setaʼ ħaseb li Nazaret ma kinitx importanti biżżejjed biex tkun il-​belt fejn trabba l-​Messija. Ukoll, kien hemm Lhud prominenti li ħarsu b’disprezz lejn Ġesù għax kien mill-​Galilija. (Ġwanni 7:52) Ħafna Lhud ħasbu li nies mill-​Galilija kienu inqas importanti minnhom. Lhud oħrajn ipprovaw jgħajru lil Ġesù billi sejħulu Samaritan. (Ġwanni 8:48) Is-​Samaritani kienu minn ġens ieħor, u r-​reliġjon tagħhom kienet differenti mir-​reliġjon tal-​Lhud. Kemm il-​Lhud kif ukoll il-​Galilin ftit irrispettaw lis-​Samaritani u evitawhom.—Ġwanni 4:9.

Biex jibqgħu magħqudin, id-​dixxipli taʼ Ġesù kien se jkollhom bżonn ibiddlu l-​mod kif kienu jaħsbu

5. Id-​dixxipli taʼ Ġesù xi preġudizzju esperjenzaw?

5 Il-​mexxejja reliġjużi Lhud ma rrispettawx ukoll lis-​segwaċi taʼ Ġesù. Il-​Fariżej sejħulhom ‘misħutin.’ (Ġwanni 7:47-49) Il-​Fariżej kienu jqisu lil xi ħadd li ma studjax fl-​iskejjel reliġjużi Lhud u li ma kienx jimxi skont it-​tradizzjonijiet tagħhom bħala li ma kien jiswa għal xejn u komuni. (Atti 4:13) Ġesù u d-​dixxipli tiegħu ġew preġudikati għax in-​nies dak iż-​żmien kienu kburin bir-​reliġjon tagħhom, bil-​pożizzjoni tagħhom fis-​soċjetà, u bir-​razza tagħhom. Dan il-​preġudizzju influwenza wkoll lid-​dixxipli u l-​ħarsa tagħhom lejn oħrajn. Biex jibqgħu magħqudin, huma kien se jkollhom bżonn ibiddlu l-​mod kif kienu jaħsbu.

6. Uża eżempji biex turi kif il-​preġudizzju jistaʼ jaffettwana.

6 Illum, id-​dinja taʼ madwarna mimlija bil-​preġudizzju. In-​nies jistgħu jkunu  preġudikati kontrina, jew aħna nistgħu nkunu preġudikati kontrihom b’xi mod. Oħt li issa taqdi bħala pijuniera fl-​Awstralja tgħid: “Il-​mibegħda tiegħi lejn in-​nies bojod kibret hekk kif jien iffokajt fuq l-​inġustizzja li batew in-​nies Aboriġini—fil-​passat u fil-​preżent.” Il-​mibegħda tagħha kibret ukoll minħabba l-​mod kif xi wħud ittrattawha. Ħu mill-​Kanada jistqarr kif kien iħossu: “Kont naħseb li n-​nies li jitkellmu bil-​Franċiż kienu aħjar minn oħrajn.” B’hekk, hu jgħid li ma kienx iħobb lil dawk li kienu jitkellmu bl-​Ingliż.

7. Ġesù x’għamel dwar il-​preġudizzju?

7 Illum, bħal fi żmien Ġesù, sentimenti taʼ preġudizzju spiss huma qawwijin ħafna u diffiċli biex jinbidlu. X’għamel Ġesù dwar sentimenti bħal dawn? L-​ewwel, hu qatt ma sar preġudikat u dejjem ittratta lil kulħadd indaqs. Hu pprietka lis-​sinjuri u lill-​foqra, lill-​Fariżej u lis-​Samaritani, u anke lill-​kolletturi tat-​taxxa u ’l-​midinbin. It-​tieni, Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu u wriehom bl-​eżempju tiegħu li huma ma kellhomx jissuspettaw f’oħrajn jew ikunu preġudikati kontrihom.

EGĦLEB IL-​PREĠUDIZZJU BL-​IMĦABBA U L-​UMILTÀ

8. Liema prinċipju importanti hu l-​bażi għall-​unità tagħna? Spjega.

8 Ġesù għallem prinċipju importanti li hu l-​bażi għall-​unità tagħna. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Intom ilkoll aħwa.” (Aqra Mattew 23:8, 9.) F’ċertu sens, aħna lkoll aħwa għaliex ilkoll tfal taʼ Adam. (Atti 17:26) Ġesù spjega li d-​dixxipli tiegħu kienu wkoll aħwa għax ilkoll aċċettaw lil Ġeħova bħala Missierhom tas-​sema. (Mattew 12:50) U huma lkoll saru parti mill-​familja t’Alla u kienu magħqudin bl-​imħabba u l-​fidi. Hu għalhekk li l-​appostli sejħu lil Kristjani oħrajn bħala ħuthom fl-​ittri tagħhom lill-​kongregazzjonijiet.—Rumani 1:13; 1 Pietru 2:17; 1 Ġwanni 3:13.

9, 10. (a) Il-​Lhud għala ma kellhomx raġun ikunu kburin bir-​razza tagħhom? (b) Ġesù kif għallem li hu ħażin li tqis lin-​nies taʼ razza differenti bħala mhux importanti? (Ara l-​ewwel stampa, 1.)

9 Wara li Ġesù qal lid-​dixxipli li huma kellhom iqisu lil xulxin bħala aħwa, hu enfasizza li kellhom ikunu umli. (Aqra Mattew 23:11, 12.) Bħalma diġà tgħallimna, kultant il-​kburija firdet lill-​appostli. U fi żmien Ġesù, in-​nies kienu kburin ħafna bir-​razza tagħhom. Ħafna Lhud emmnu li kienu aħjar minn oħrajn għax kienu t-​tfal t’Abraham. Imma Ġwanni l-​Battista qalilhom: “Alla għandu l-​qawwa li jqajjem ulied lil Abraham minn dan il-​ġebel.”—Luqa 3:8.

10 Ġesù għallem li huwa ħażin li n-​nies ikunu kburin bir-​razza tagħhom. Hu għamel dan ċar meta wieħed skriba staqsieh: “Min tassew hu l-​proxxmu tiegħi?” Biex iwieġeb din il-​mistoqsija, Ġesù qal storja. Xi ħallelin sawtu lil raġel Lhudi u ħallewh mal-​art. Għalkemm xi Lhud għaddew minn ħdejn dan ir-​raġel, huma ma waqfux biex jgħinuh. Iżda Samaritan tħassar lil dan il-​Lhudi u ħa ħsiebu. Ġesù spiċċa din l-​istorja billi qal lill-​iskriba li hu kellu bżonn ikun bħal dak is-​Samaritan. (Luqa 10:25-​37) Ġesù wera li Samaritan setaʼ  jgħallem lil-​Lhud x’kien ifisser li jħobbu lill-​proxxmu tagħhom.

11. Id-​dixxipli taʼ Ġesù għala kellhom bżonn jittrattaw lil kulħadd indaqs, u kif għenhom jifhmu dan?

11 Qabel Ġesù mar is-​sema, hu qal lid-​dixxipli tiegħu biex jippritkaw “fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Sabiex jagħmlu dan, id-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom jegħlbu l-​kburija u l-​preġudizzju tagħhom. Ġesù spiss kien tkellem dwar kwalitajiet tajbin tal-​barranin, u dan ipprepara lid-​dixxipli biex jippritkaw lill-​ġnus kollha. Pereżempju, hu faħħar lil wieħed barrani fizzjal tal-​armata li kellu fidi li tispikka. (Mattew 8:5-10) Fil-​belt fejn trabba, Nazaret, Ġesù spjega kif Ġeħova kien għen lill-​barranin, bħall-​armla minn Sarefat f’Kangħan u r-​raġel bil-​ġdiem mis-​Sirja jismu Nagħman. (Luqa 4:25-27) Ukoll, Ġesù pprietka lil mara Samaritana u anke qattaʼ jumejn f’belt Samaritana għax in-​nies kienu interessati fil-​messaġġ tiegħu.—Ġwanni 4:21-24, 40.

L-​EWWEL KRISTJANI KELLHOM JIĠĠIELDU KONTRA L-​PREĠUDIZZJU

12, 13. (a) L-​appostli kif irreaġixxew meta Ġesù għallem lil mara Samaritana? (Ara l-​ewwel stampa, 2.) (b) X’juri li Ġakbu u Ġwanni ma fehmux bis-​sħiħ dak li Ġesù kien qed jipprova jgħallimhom?

12 Ma kienx faċli għall-​appostli biex jegħlbu l-​preġudizzju tagħhom. Huma stagħġbu kif Ġesù kien lest li jgħallem mara Samaritana. (Ġwanni 4:9, 27) Għala? Forsi għaliex il-​mexxejja reliġjużi Lhud ma kinux ikellmu mara fil-​pubbliku, u żgur mhux lil mara Samaritana b’reputazzjoni ħażina. L-​appostli riedu lil Ġesù jiekol, imma Ġesù tant ħa gost jitkellem maʼ din il-​mara li l-​ikel ma kienx importanti għalih. L-​ippritkar, anke lil mara Samaritana, kien dak li riedu jagħmel Missieru, u dan kien bħal ikel għal Ġesù.—Ġwanni 4:31-34.

13 Ġakbu u Ġwanni ma fehmux din il-​lezzjoni importanti. Meta d-​dixxipli kienu qed jivvjaġġaw maʼ Ġesù mis-​Samarija, huma fittxew post fejn jgħaddu l-​lejl f’raħal Samaritan. Imma s-​Samaritani ma ħallewhomx jorqdu hemm. Ġakbu u Ġwanni b’rabja ssuġġerew li jgħidu lin-​nar jinżel mis-​sema biex jeqred lir-​raħal kollu. Ġesù kkoreġiehom b’sodizza. (Luqa 9:51-56) Forsi Ġakbu u Ġwanni ma kinux se jirrabjaw daqstant kieku dan kien ġara fil-​post fejn kienu joqogħdu huma, il-​Galilija. Huma kienu rrabjati għaliex probabbilment kienu preġudikati. Iktar tard, meta Ġwanni kien qed jipprietka lis-​Samaritani u ħafna laqgħu l-​messaġġ, setaʼ ħassu skomdu dwar il-​mod kif kien irreaġixxa qabel.—Atti 8:14, 25.

14. Kif ġiet solvuta problema taʼ preġudizzju?

14 Ftit wara Pentekoste fis-​sena 33, kien hemm problema li mhux kulħadd kien qed jiġi trattat l-​istess fil-​kongregazzjoni. Meta l-​aħwa qassmu l-​ikel lir-​romol li kienu fil-​bżonn, huma qabżu lir-​romol li kienu jitkellmu bil-​Grieg. (Atti 6:1) Dan setaʼ ġara minħabba preġudizzju dwar il-​lingwa. L-​appostli malajr solvew il-​problema. Huma għażlu sebaʼ aħwa rġiel kwalifikati biex iqassmu  l-​ikel indaqs. Dawn l-​aħwa rġiel kollha kellhom ismijiet Griegi, u dan setaʼ farraġ lir-​romol li ħassewhom offiżi.

15. Pietru kif tgħallem jittratta lil kulħadd indaqs? (Ara l-​ewwel stampa, 3.)

15 Fis-​sena 36, id-​dixxipli taʼ Ġesù bdew jippritkaw lil nies mill-​ġnus kollha. Qabel dan, l-​appostlu Pietru ġeneralment kien ikun mal-​Lhud biss. Imbagħad Alla għamilha ċara li l-​Kristjani għandhom jittrattaw lil kulħadd indaqs, u Pietru pprietka lil Kornelju, suldat Ruman. (Aqra Atti 10:28, 34, 35.) Wara dan, Pietru qattaʼ ħin maʼ Kristjani li ma kinux Lhud u kiel magħhom. Iżda, snin wara, fil-​belt t’Antjokja, hu ma baqax jiekol maʼ Kristjani li ma kinux Lhud. (Galatin 2:11-​14) Pawlu kkoreġa lil Pietru, u Pietru aċċetta l-​korrezzjoni. Kif nafu? Meta Pietru kiteb l-​ewwel ittra tiegħu lill-​Kristjani Lhud u lil dawk li ma kinux Lhud fl-​Asja Minuri, hu tkellem dwar kemm hu importanti li nħobbu lil ħutna kollha.1 Pietru 1:1; 2:17.

16. L-​ewwel Kristjani għal xiex saru magħrufin?

16 Biċ-​ċar, permezz tal-​eżempju taʼ Ġesù, l-​appostli tgħallmu jħobbu “lil kull xorta taʼ bnedmin.” (Ġwanni 12:32; 1 Timotju 4:10) Anke jekk ħa ż-​żmien, huma biddlu l-​mod kif kienu jqisu lin-​nies. Fil-​fatt, l-​ewwel Kristjani saru magħrufin għall-​imħabba tagħhom lejn xulxin. Madwar is-​sena 200, il-​kittieb Tertuljanu kkwota x’qalu nies oħrajn dwar il-​Kristjani: “Huma jħobbu lil xulxin,” u “Huma lesti anki li jmutu għal xulxin.” Peress li dawn il-​Kristjani libsu “l-​personalità l-​ġdida,” huma tgħallmu jqisu lin-​nies indaqs, il-​mod kif Alla jqishom.—Kolossin 3:10, 11.

17. Aħna kif nistgħu neħilsu minn kwalunkwe sentiment taʼ preġudizzju? Agħti eżempji.

17 Illum, għandu mnejn li aħna wkoll  nieħdu ż-​żmien biex neħilsu minn kwalunkwe sentiment taʼ preġudizzju. Oħt fi Franza tiddeskrivi kemm dan kien diffiċli għaliha. Hi tgħid: “Ġeħova għallimni xi tfisser l-​imħabba, xi jfisser li taqsam li jkollok maʼ ħaddieħor, xi jfisser li tħobb lil nies taʼ kull xorta. Imma jien xorta għadni qed nitgħallem negħleb il-​preġudizzju lejn oħrajn, u dan mhux dejjem faċli. Hu għalhekk li nkompli nitlob dwar dan.” Oħt fi Spanja tispjega li kultant għadu jkollha bżonn tiġġieled kontra sentimenti negattivi dwar ċertu grupp taʼ nies. Hi tgħid: “Fil-​biċċa l-​kbira jirnexxili. Imma naf li rrid inkompli niġġieled. Grazzi lil Ġeħova, jien ferħana li nagħmel parti minn familja magħquda.” Kull wieħed minna jistaʼ jagħmel eżami sinċier tiegħu nnifsu. Għandi bżonn jien ukoll neħles minn xi sentiment taʼ preġudizzju?

META TIKBER L-​IMĦABBA, IL-​PREĠUDIZZJU JIĠI FIX-​XEJN

18, 19. (a) X’raġunijiet għandna biex naċċettaw lil kulħadd? (b) Kif nistgħu nagħmlu dan?

18 Tajjeb niftakru li lkoll kemm aħna konna mbegħdin minn Alla. (Efesin 2:12) Imma Ġeħova bi mħabba ġibidna lejh. (Ħosea 11:4; Ġwanni 6:44) U Kristu aċċettana. Hu għamilha possibbli għalina li nsiru parti mill-​familja t’Alla. (Aqra Rumani 15:7.) Għalkemm aħna imperfetti, Ġesù b’qalb tajba aċċettana, allura qatt m’għandu jgħaddilna minn moħħna li ma naċċettawx lil xi ħadd!

Aħna magħqudin u nħobbu lil xulxin għax irridu li jkollna “l-​għerf li ġej minn fuq” (Ara paragrafu 19)

19 Hekk kif qed noqorbu lejn tmiem din is-​sistema mill-​agħar, in-​nies qed isiru iktar mifrudin, preġudikati, u mimlijin mibegħda. (Galatin 5:19-21; 2 Timotju 3:13) Imma bħala l-​poplu taʼ Ġeħova, aħna nfittxu għall-​“għerf li ġej minn fuq,” li jgħinna nqisu lil kulħadd indaqs u jġib iktar paċi. (Ġakbu 3:17, 18) Aħna ferħanin li nagħmlu ħbieb maʼ nies minn pajjiżi oħra, naċċettaw il-​mod kif jagħmlu l-​affarijiet, u forsi nitgħallmu l-​lingwa tagħhom ukoll. Meta nagħmlu dan, aħna ngawdu l-​paċi “bħal xmara” u l-​ġustizzja “bħall-​mewġ tal-​baħar.”—Isaija 48:17, 18.

20. X’jiġri meta l-​imħabba tbiddel il-​mod kif naħsbu u nħossuna?

20 Meta l-​oħt mill-​Awstralja studjat il-​Bibbja, il-​preġudizzju u l-​mibegħda qawwija kollha tagħha bil-​mod il-​mod ġew fix-​xejn. L-​imħabba biddlet il-​mod kif kienet taħseb u tħossha. Il-​ħu mill-​Kanada li kien jitkellem bil-​Franċiż jgħid li issa hu jirrealizza li n-​nies spiss jobogħdu lil oħrajn sempliċement għax ma jafuhomx. Hu tgħallem li “l-​kwalitajiet tan-​nies ma jiddependux mill-​post tat-​twelid tagħhom.” Hu saħansitra żżewweġ oħt li titkellem bl-​Ingliż! Dawn l-​eżempji juru li l-​imħabba tegħleb il-​preġudizzju. L-​imħabba tgħaqqadna b’rabta li ma tistax tinħall.—Kolossin 3:14.