Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ħallu d-dawl tagħkom jiddi biex tigglorifikaw lil Ġeħova

Ħallu d-dawl tagħkom jiddi biex tigglorifikaw lil Ġeħova

“[Ħallu] jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex . . . jagħtu glorja lil Missierkom.”—MATTEW 5:16.

GĦANJIET: 77, 59

1. X’raġuni speċjali għandna biex nifirħu?

AĦNA nifirħu ħafna meta nisimgħu kif il-​qaddejja t’Alla qed iħallu d-​dawl tagħhom jiddi! Is-​sena li għaddiet, il-​poplu taʼ Ġeħova għamel iktar minn għaxar miljun studju tal-​Bibbja. U miljuni taʼ wħud interessati ġodda attendew it-​Tifkira u tgħallmu dwar ir-​rigal tal-​fidwa li Ġeħova tana bi mħabba.—1 Ġwanni 4:9.

2, 3. (a) X’ma jwaqqafniex milli niddu “bħala dawwala fid-​dinja”? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Madwar id-​dinja kollha, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jitkellmu b’ħafna lingwi differenti. Imma dan ma jwaqqafniex milli nfaħħru lil Ġeħova bħala familja magħquda. (Rivelazzjoni 7:9) Nitkellmu b’liema lingwa nitkellmu jew noqogħdu fejn noqogħdu, aħna nistgħu niddu “bħala dawwala fid-​dinja.”—Filippin 2:15.

3 Il-​ministeru tagħna, l-​unità Kristjana tagħna, u s-​sens t’urġenza tagħna jigglorifikaw lil Ġeħova. Kif nistgħu  nħallu d-​dawl tagħna jiddi f’dawn it-​tliet aspetti?—Aqra Mattew 5:14-16.

GĦIN LIL OĦRAJN IQIMU LIL ĠEĦOVA

4, 5. (a) Flimkien mal-​ippritkar tagħna, kif nistgħu nħallu d-​dawl tagħna jiddi? (b) X’riżultati jkun hemm meta nkunu dħulin u qalbna tajba? (Ara l-​ewwel stampa.)

4 Mod wieħed kif inħallu d-​dawl tagħna jiddi hu billi nippritkaw u nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20) Fl-​1925, l-​artiklu “Light in the Darkness” qal li matul l-​aħħar jiem, ħadd ma jistaʼ jkun leali lejn il-​Mulej jekk ma jiħux “l-​opportunità li jħalli d-​dawl tiegħu jiddi.” Imbagħad qal: “Wieħed jistaʼ jagħmel dan billi jitkellem dwar l-​aħbar tajba man-​nies tad-​dinja kollha, u billi jġib ħajtu fi qbil mal-​mogħdijiet tad-​dawl.” (It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Ġunju 1925) Flimkien mal-​ippritkar tagħna, il-​kondotta tagħna tigglorifika lil Ġeħova. Ħafna nies jinnotawna meta nippritkaw. Meta nitbissmulhom u nsellmulhom bil-​ħlewwa, dan jgħinhom jaħsbu b’mod tajjeb fuqna u fuq l-​Alla li nqimu.

L-​ippritkar u l-​kondotta tagħna jigglorifikaw lil Ġeħova

5 Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Meta tidħlu f’xi dar, sellmu lil tad-​dar.” (Mattew 10:12) Fl-​inħawi fejn ipprietka Ġesù, kien hemm id-​drawwa li n-​nies jistiednu ġo darhom lil dawk li ma jafux. F’ħafna pajjiżi llum, m’għadx hemm din id-​drawwa. In-​nies ġeneralment ikunu rritati u nervużi meta jaraw lil xi ħadd li ma jafuhx wara l-​bieb tagħhom. Imma jekk inkunu dħulin u qalbna tajba, huma jistgħu jħossuhom iktar komdi. Meta tkun qed tipprietka f’postijiet pubbliċi permezz tat-​trolley, ġieli nnotajt li jekk titbissem u ssellem lin-​nies bil-​ħlewwa, iħossuhom iktar komdi biex jersqu u jieħdu l-​letteratura? Forsi saħansitra jkunu jridu jibdew konversazzjoni!

6. X’jgħin lil koppja avvanzata fl-​età tibqaʼ attiva fil-​ministeru?

6 Fl-​Ingilterra, koppja avvanzata fl-​età m’għadhomx jistgħu jippritkaw minn dar għal dar daqskemm kienu qabel minħabba saħħithom. Allura jarmaw mejda bil-​letteratura eżatt quddiem id-​dar tagħhom. Huma joqogħdu ħdejn skola, allura jpoġġu letteratura li tolqot il-​ġenituri li jiġu jiġbru lit-​tfal tagħhom. Xi ġenituri ħadu minn dawn il-​pubblikazzjonijiet, fosthom iż-​żewġ volumi tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom. Oħt pijuniera spiss toqgħod maʼ din il-​koppja. Il-​ġenituri jinnotaw li l-​oħt hi dħulija u li l-​koppja verament jixtiequ jgħinu lil oħrajn. Wieħed mill-​ġenituri saħansitra beda studju tal-​Bibbja.

7. Int kif tistaʼ tgħin lir-​refuġjati f’pajjiżek?

7 Dan l-​aħħar, ħafna kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u issa qed jgħixu f’pajjiżi oħrajn bħala refuġjati. Int x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lir-​refuġjati f’pajjiżek jitgħallmu dwar Ġeħova? L-​ewwel, tistaʼ titgħallem tgħidilhom hello bil-​lingwa tagħhom. Ukoll, billi tuża l-​app tal-​JW Language, tistaʼ titgħallem xi ftit  sentenzi li forsi jħajruhom jieqfu u jitkellmu miegħek. Imbagħad, tkun tistaʼ turihom vidjows u pubblikazzjonijiet li huma disponibbli bil-​lingwa tagħhom fuq jw.org.—Dewteronomju 10:19.

8, 9. (a) Il-​laqgħat tagħna taʼ matul il-​ġimgħa kif jgħinuna? (b) Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-​tfal tagħhom itejbu l-​kummenti fil-​laqgħat?

8 Ġeħova jagħtina eżatt dak li għandna bżonn biex inkunu effettivi fil-​ministeru. Pereżempju, dak li nitgħallmu fil-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna jgħinna nħossuna kunfidenti biex nagħmlu żjajjar lura u nibdew studji tal-​Bibbja.

9 Meta wħud ġodda jiġu l-​laqgħat tagħna, spiss ikunu impressjonati bil-​kummenti li jagħmlu t-​tfal. Int tistaʼ tgħallem lit-​tfal tiegħek jikkummentaw fi kliemhom. Xi wħud inġibdu lejn il-​verità meta semgħu tfal jesprimu l-​fidi tagħhom b’mod sempliċi u sinċier.—1 Korintin 14:25.

SAĦĦAĦ L-​UNITÀ

10. Il-​qima bħala familja kif tistaʼ tgħin lill-​familji jkunu iktar magħqudin?

10 Meta naħdmu iebes biex nittrennjaw il-​familja tagħna ħalli taħdem flimkien f’unità u paċi, aħna nġibu glorja lil Ġeħova. Pereżempju, jekk int ġenitur, agħmel arranġamenti biex ikollkom il-​Qima Bħala Familja b’mod regolari. Ħafna familji jaraw il-​programm taʼ kull xahar tal-​JW Broadcasting flimkien, u wara jiddiskutu kif jistgħu japplikaw  dak li tgħallmu. Ftakar li l-​gwida li għandu bżonn tifel żgħir hi differenti mill-​gwida li għandu bżonn żagħżugħ. Agħmel kulma tistaʼ biex tgħin lil kull membru tal-​familja jibbenefika bis-​sħiħ mill-​qima bħala familja.—Salm 148:12, 13.

Huwa tajjeb li nqattgħu l-ħin maʼ wħud kbar fl-età (Ara paragrafu 11)

11-13. Kif nistgħu ngħinu biex il-​kongregazzjoni tagħna tkun iktar magħquda?

11 Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jżidu l-​unità fil-​kongregazzjoni u b’hekk jinkuraġġixxu lil oħrajn biex iħallu d-​dawl tagħhom jiddi? Jekk int żagħżugħ, għax ma tagħmilhiex il-​mira li ssir ħabib m’aħwa ikbar minnek? Staqsihom x’għenhom jibqgħu jaqdu lil Ġeħova għal ħafna snin. Int tistaʼ titgħallem ħafna mingħandhom. Dan se jinkuraġġixxi kemm lilek u kemm lilhom! U lkoll kemm aħna, żgħar jew kbar, nistgħu ngħinu lil dawk li jiġu fis-​Sala tas-​Saltna jħossuhom milqugħin. Int tistaʼ tgħidilhom hello, titbissmilhom bil-​ħlewwa, tgħinhom isibu post, u tlaqqagħhom m’oħrajn. Għinhom iħossuhom komdi.

12 Jekk int inkarigat biex tieħu ħsieb il-​laqgħa tas-​servizz tal-​għalqa, tistaʼ tgħin lil dawk kbar fl-​età jżommu d-​dawl tagħhom jiddi. Kun ċert li jkollhom territorju addattat. Agħmel arranġamenti biex aħwa iżgħar fl-​età jkunu jistgħu jaħdmu magħhom. Aħwa kbar fl-​età u dawk li għandhom problemi taʼ saħħa spiss iħossuhom skuraġġiti għax ma jistgħux jippritkaw daqskemm kienu qabel. Imma huma se jħossuhom ħafna aħjar meta jkunu jafu li int jimpurtak minnhom u tifhem is-​sitwazzjoni tagħhom. Huma kemm huma kbar fl-​età jew ilhom kemm ilhom fil-​verità, il-​qalb tajba tiegħek tistaʼ tinkuraġġihom jibqgħu jippritkaw b’żelu.—Levitiku 19:32.

Tistaʼ ssir tafhom aħjar lill-​aħwa tal-​kongregazzjoni tiegħek?

13 L-​Iżraelin kienu jieħdu gost iqimu lil Ġeħova flimkien. Is-​salmista kiteb: “Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-​aħwa jgħammru flimkien f’unità!” (Aqra Salm 133:1, 2.) Hu qabbel din l-​unità maʼ żejt tad-​dlik, li hu tajjeb għall-​ġilda u jfuħ. B’mod simili, aħna nistgħu nkunu t’għajnuna għal ħutna billi nkunu dħulin u qalbna tajba magħhom. Dan jgħaqqadha iktar lill-​kongregazzjoni. Tistaʼ ssir tafhom aħjar lill-​aħwa tal-​kongregazzjoni tiegħek?—2 Korintin 6:11-​13.

14. Kif tistaʼ tħalli d-​dawl tiegħek jiddi fl-​inħawi fejn toqgħod?

14 Id-​dawl tiegħek jistaʼ jiddi tkun fejn tkun. Il-​qalb tajba li turi tistaʼ ġġiegħel lill-​ġirien tiegħek ikunu jridu jitgħallmu iktar dwar Ġeħova. Staqsi lilek innifsek: ‘X’jaħsbu dwari l-​ġirien? Inżomm id-​dar tiegħi nadifa, biex b’hekk tirrifletti tajjeb fl-​inħawi fejn noqgħod? Ngħinhom lill-​ġirien tiegħi?’ Staqsi Xhieda oħra kif il-​qalb tajba u l-​eżempju tajjeb tagħhom effettwaw lil qrabathom, lill-​ġirien tagħhom, lil sħabhom tax-​xogħol, jew tal-​iskola.—Efesin 5:9.

 IBQAʼ GĦASSA

15. Għala għandna bżonn nibqgħu għassa?

15 Jekk irridu d-​dawl tagħna jibqaʼ jiddi, għandna bżonn inkunu konxji taż-​żmien li qed ngħixu fih. Għal ħafna drabi, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Ibqgħu għassa.” (Mattew 24:42; 25:13; 26:41) Jekk inħossu li t-​tribulazzjoni l-​kbira fadlilha biex tiġi, mhux se nkunu għassa għal kull opportunità biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova. (Mattew 24:21) Minflok ma niddu, id-​dawl tagħna bil-​mod il-​mod jibda jbatti u jistaʼ saħansitra jintefa.

16, 17. X’tistaʼ tagħmel biex iżżomm is-​sens t’urġenza?

16 Iktar minn qatt qabel, issa hu ż-​żmien li għandna bżonn nibqgħu għassa. Il-​kundizzjonijiet fid-​dinja jkomplu jiggravaw. Imma aħna nafu li t-​tmiem se jiġi eżatt fil-​ħin li għażel Ġeħova. (Mattew 24:42-​44) Sadanittant, jeħtieġ li nkunu paċenzjużi u niffokaw fuq il-​futur tagħna. Aqra l-​Bibbja kuljum, u qatt tieqaf titlob lil Ġeħova. (1 Pietru 4:7) Tgħallem minn aħwa li qdew lil Ġeħova għal ħafna snin. Pereżempju, tistaʼ taqra l-​bijografiji, bħal dik bit-​titlu  “Sebgħin Sena Naqbad Tarf il-​Libsa taʼ Lhudi,” li tinsab fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April 2012, paġni 18-​21.

17 Imla ħajtek b’attivitajiet u assoċjazzjoni inkuraġġanti. Kun t’għajnuna għal oħrajn, u qattaʼ l-​ħin maʼ ħutek. Imbagħad se tkun ferħan, u jkun bħallikieku ż-​żmien qed itir. (Efesin 5:16) Il-​qaddejja taʼ Ġeħova wettqu ħafna matul l-​aħħar mitt sena. U llum, aħna għandna x’nagħmlu ħafna iktar minn qatt qabel. Ix-​xogħol taʼ Ġeħova kiber b’mod li qatt ma stajna nimmaġinaw. Id-​dawl tagħna qed jiddi ħafna!

Meta jkollna shepherding call, aħna nistgħu nibbenefikaw mill-għerf t’Alla (Ara paragrafi 18, 19)

18, 19. L-​anzjani kif jistgħu jgħinuna naqdu lil Ġeħova biż-​żelu? Agħti eżempju.

18 Għalkemm nagħmlu ħafna żbalji, Ġeħova jħallina naqduh. Sabiex jgħinna, hu jipprovdi “rġiel bħala għotjiet,” l-​anzjani tal-​kongregazzjoni. (Aqra Efesin 4:8, 11, 12.) Allura meta l-​anzjani jiġu jżuruk, ħu vantaġġ mill-​ħin li għandek magħhom biex titgħallem mill-​għerf u l-​pariri tagħhom.

19 Pereżempju, koppja fl-​Ingilterra kellha xi problemi fiż-​żwieġ, u talbet l-​għajnuna taʼ żewġ anzjani. Il-​mara ħasset li żewġha ma kienx qed jieħu t-​tmexxija f’li jaqdi lil Ġeħova. Ir-​raġel ħass li ma kienx għalliem tajjeb u ammetta li ma kienx qed jieħu ħsieb biex ikollhom qima bħala familja regolari. L-​anzjani għenu lill-​koppja taħseb dwar l-​eżempju taʼ Ġesù. Huma inkuraġġew lir-​raġel biex jimita l-​mod kif Ġesù ħa ħsieb lid-​dixxipli tiegħu, u lill-​mara inkuraġġewha biex tkun paċenzjuża maʼ żewġha. Ukoll, l-​anzjani taw xi suġġerimenti dwar kif il-​koppja tistaʼ tagħmel il-​qima bħala familja maż-​żewġt it-​tfal tagħhom. (Efesin 5:21-​29) Ir-​raġel ħadem iebes biex isir kap tal-​familja aħjar. L-​anzjani inkuraġġewh biex ma jaqtax qalbu u biex ikompli jistrieħ fuq l-​ispirtu taʼ Ġeħova. L-​imħabba u l-​qalb tajba li wrew l-​anzjani verament għenu lil din il-​familja!

20. X’se jkun ir-​riżultat meta tħalli d-​dawl tiegħek jiddi?

20 “Hieni kulmin jibżaʼ minn Ġeħova, li jimxi fi triqatu.” (Salm 128:1) Int se tkun ferħan meta tħalli d-​dawl tiegħek jiddi. Għalhekk, għallem lil oħrajn dwar Alla, agħmel kulma tistaʼ biex tgħin lill-​familja u ’l-​kongregazzjoni tiegħek ikunu magħqudin, u ibqaʼ għassa. Oħrajn se jaraw l-​eżempju tajjeb tiegħek u anke huma jkunu jridu jagħtu glorja lil Missierna, Ġeħova.—Mattew 5:16.