“L-​Alla taʼ kull faraġ . . . ifarraġna fit-​tribulazzjoni kollha tagħna.”—2 KORINTIN 1:3, 4.

GĦANJIET: 38, 56

1, 2. Ġeħova kif ifarraġna fil-​provi, u x’wegħda nsibu fil-​Kelma tiegħu?

ĦU ŻAGĦŻUGĦ single kien qed jaħseb dwar l-​1 Korintin 7:28, li jgħid li dawk li jiżżewġu se “jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” Il-​ħu tkellem m’anzjan miżżewweġ ikbar minnu u staqsieh: “X’inhi din it-​‘tribulazzjoni,’ u x’għandi nagħmel dwarha jekk niżżewweġ?” Qabel ma wieġbu, l-​anzjan qal liż-​żagħżugħ biex jaħseb dwar ħaġa oħra li kiteb l-​appostlu Pawlu: Ġeħova hu “l-​Alla taʼ kull faraġ, li jfarraġna fit-​tribulazzjoni [jew provi] kollha tagħna.”—2 Korintin 1:3, 4.

2 Aħna nafu li Ġeħova, Missierna, iħobbna, u jfarraġna meta jkollna d-​diffikultajiet. Forsi tiftakar xi drabi meta Ġeħova saħħek u ggwidak permezz tal-​Kelma tiegħu. Nistgħu nkunu ċerti li hu jixtieq l-​aħjar għalina, bħalma xtaq lill-​qaddejja tiegħu tal-​passat.—Aqra Ġeremija 29:11, 12.

3. X’mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

 3 Normalment, ikun iktar faċli li nissaportu l-​problemi u t-​tribulazzjonijiet meta nkunu nafu xi kkaġunahom. Allura għaliex jistaʼ jkollna t-​tribulazzjoni fiż-​żwieġ jew fil-​familja tagħna? U liema eżempji minn żminijiet Bibliċi u minn żmienna jistgħu jgħinuna nsibu l-​faraġ li għandna bżonn? Ejja nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet u naraw kif nistgħu nissaportu l-​provi.

PROBLEMI FIŻ-​ŻWIEĠ

4, 5. Mara u raġel miżżewġin xi tribulazzjonijiet jistaʼ jkollhom?

4 Wara li Ġeħova ħalaq l-​ewwel mara, hu ħadha għand ir-​raġel, u hi saret martu. Imbagħad Ġeħova qal: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Ovvjament, illum aħna lkoll imperfetti. (Rumani 3:23) Minħabba dan, meta raġel u mara jiżżewġu, huma jistgħu jistennew li se jiffaċċjaw il-​problemi. Pereżempju, qabel iż-​żwieġ, mara x’aktarx kellha tobdi l-​ġenituri. Imma l-​Kelma t’Alla tgħid li wara ż-​żwieġ, raġel isir il-​kap taʼ martu. (1 Korintin 11:3) Għall-​ewwel, raġel jistaʼ jsibha diffiċli biex jagħti direzzjonijiet lil martu. U l-​mara tistaʼ ssibha diffiċli li taċċetta d-​direzzjoni m’għand ir-​raġel minflok m’għand il-​ġenituri. Barra minn hekk, meta koppja tkun għadha kif iżżewġet, huma jistaʼ jkollhom nuqqas taʼ qbil mal-​membri tal-​familja taʼ xulxin, u dan ukoll jistaʼ jkun taʼ sfida.

5 Aħseb ukoll dwar kif mara u raġel miżżewġin jistgħu jħossuhom meta jsiru jafu li se jkollhom tarbija. Għalkemm jistgħu jkunu kuntenti ħafna, normalment ikunu ansjużi wkoll. Jistgħu jitħassbu jekk hux se jmur kollox sew fit-​tqala, u forsi jinkwetaw dwar is-​saħħa tat-​tarbija. Huma jafu wkoll li se jiżdiedu l-​ispejjeż. Wara li t-​tarbija titwieled, il-​koppja se jkollha bżonn tagħmel aġġustamenti oħra. L-​omm x’aktarx tibda tqattaʼ l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tagħha tieħu ħsieb it-​tarbija. B’hekk, ir-​raġel u l-​mara abbli ma jkunux jistgħu jagħtu l-​istess attenzjoni lil xulxin bħal qabel. Ukoll, il-​missier se jkollu iktar responsabbiltajiet. Hu jrid jagħmel ċert li kemm martu u kemm it-​tarbija jkollhom dak li jeħtieġu.

6-8. Raġel u mara miżżewġin kif għandhom mnejn iħossuhom jekk ma jkunx jistaʼ jkollhom tfal?

6 Xi koppji miżżewġin għandhom tribulazzjoni differenti. Huma jixtiequ ħafna li jkollhom it-​tfal, imma ma jistgħux. Meta l-​mara ma tinqabadx tqila, hi tistaʼ tħoss uġigħ emozzjonali kbir. (Proverbji 13:12) Fi żminijiet Bibliċi, kien importanti ħafna għan-​nisa li jiżżewġu u jkollhom it-​tfal. Huwa għalhekk li Rakele, il-​mara taʼ Ġakobb, ħassitha dipressa bil-​kbir meta ma setgħetx tinqabad tqila, filwaqt li oħtha setgħet. (Ġenesi 30:1, 2) F’ċerti pajjiżi llum, ħafna jemmnu li hu importanti ferm li jkollhom ħafna tfal. In-​nies taʼ sikwit isaqsu lill-​missjunarji li jkunu qed jgħixu f’dawn il-​pajjiżi għaliex m’għandhomx tfal. Minkejja li l-​missjunarji jipprovaw jispjegawlhom  ċar u tond għaliex, xi wħud xorta jgħidu, “Tibżax, aħna se nitolbu għalikom!”

7 Ikkunsidra eżempju ieħor. Oħt fl-​Ingilterra minn dejjem xtaqet it-​tfal. Meta rrealizzat li ma setax ikollha tfal f’din is-​sistema, ħaditha bi kbira ħafna. Imbagħad hi u r-​raġel tagħha ddeċidew li jadottaw tifel jew tifla. Imma xorta ħassitha mnikkta għal xi żmien. Hi qalet, “Kont naf illi li nadotta ma kienx se jkun l-​istess bħal li nwelled it-​tarbija tiegħi stess.”

8 Il-​Bibbja tgħid li mara “tinżamm salva billi tiled it-​tfal.” (1 Timotju 2:15) Imma dan ma jfissirx li hi se jkollha l-​ħajja taʼ dejjem sempliċement għax għandha t-​tfal. Allura, xi jfisser dal-​vers? Omm ikollha ħafna x’tagħmel biex tieħu ħsieb it-​tfal u d-​dar. Dan jistaʼ jgħinha tevita affarijiet bħal li tgħid fuq in-​nies jew li tindaħal fl-​affarijiet t’oħrajn. (1 Timotju 5:13) Minkejja dan, hi xorta jistaʼ jkollha l-​problemi fiż-​żwieġ u l-​familja tagħha.

Ġeħova wegħedna ħafna affarijiet li jgħinuna nħossuna aħjar matul żminijiet diffiċli

9. Il-​miżżewġin xi tribulazzjoni oħra jistgħu jiffaċċjaw?

9 Waħda mit-​tribulazzjonijiet li xi miżżewġin jistgħu jiffaċċjaw hi l-​mewt tas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom. Għalkemm forsi qatt ma ħasbu li dan se jiġri lilhom, ħafna kellhom jissaportu din is-​sitwazzjoni verament diffiċli. Il-​Kristjani b’konvinzjoni jemmnu fil-​wegħda tal-​irxoxt, u dan ifarraġhom ħafna. (Ġwanni 5:28, 29) Fil-​Kelma tiegħu, Missierna, Ġeħova, wegħedna ħafna affarijiet li jgħinuna nħossuna aħjar matul żminijiet diffiċli. Issa ejja naraw kif xi qaddejja taʼ Ġeħova ħassew dan il-​faraġ u kif għenhom.

Kif tistaʼ ssib faraġ jekk is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tmut? (Ara paragrafi 9, 12)

FARAĠ META NGĦADDU MINN PROVI

10. Ħanna kif tfarrġet? (Ara l-​ewwel stampa.)

10 Ikkunsidra dak li ġara lil Ħanna, il-​mara maħbuba taʼ Elkana. Hi xtaqet li jkollha t-​tfal imma ma setgħetx. Madankollu, il-​mara l-​oħra tar-​raġel tagħha, Peninna, kellha ħafna tfal. (Aqra l-​1 Samwel 1:4-​7.) Biex tgħaxxaqha, Peninna kienet twaqqaʼ lil Ħanna għaċ-​ċajt “sena wara l-​oħra” minħabba f’hekk. Dan weġġagħha ħafna lil Ħanna. X’għamlet biex issib faraġ? Hi talbet lil Ġeħova. Ħanna saħansitra marret fil-​post taʼ qima taʼ Ġeħova u talbet għal ħin twil. Hi talbet lil Ġeħova biex jagħtiha tifel, u fdat li Hu kien se jgħinha. Wara dan, hi ħassitha ħafna aħjar u “wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.” (1 Samwel 1:12, 17, 18) Kemm jekk billi jagħtiha tifel jew ifarraġha b’xi mod ieħor, Ħanna kienet taf li Ġeħova kien se jgħinha.

11. It-​talb kif jistaʼ jgħinna nħossuna aħjar?

11 Ladarba aħna imperfetti u qed ngħixu fid-​dinja taʼ Satana, se jibqaʼ  jkollna l-​provi. (1 Ġwanni 5:19) Imma m’aħniex waħedna. Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova, “l-​Alla taʼ kull faraġ.” Ħanna hekk għamlet. Hi fetħet qalbha maʼ Ġeħova dwar kif ħassitha u talbitu bil-​ħrara għall-​għajnuna. B’mod simili, meta nkunu qed insofru, ma rridux biss insemmu l-​problemi tagħna maʼ Ġeħova. Irridu nitolbuh bil-​ħrara għall-​għajnuna u ngħidulu eżattament kif inħossuna.—Filippin 4:6, 7.

12. X’kien li għen lil Anna tkun ferħana minkejja l-​provi tagħha?

12 Nistgħu nħossu dwejjaq kbar minħabba li m’għandniex tfal jew minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub. Imma xorta waħda nistgħu nsibu l-​faraġ. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Anna, li għexet fi żmien Ġesù. Wara li kienu ilhom biss sebaʼ snin miżżewġin, ir-​raġel tagħha miet. U ma jidhirx li laħaq kellha xi tfal. Imma x’kien li għenha? “Din qatt ma kienet tonqos mit-​tempju.” Anki meta Anna kellha 84 sena, hi xorta kienet tmur fit-​tempju biex titlob u tqim lil Ġeħova. (Luqa 2:37) Kien dan li ġegħelha tħossha aħjar u għenha tkun ferħana minkejja l-​provi tagħha.

13. Ħbieb veri kif jistgħu jgħinuna nħossuna aħjar jekk il-​membri tal-​familja jiddiżappuntawna?

13 Ħbieb veri tal-​kongregazzjoni jistgħu jfarrġuna wkoll. (Proverbji 18:24) Paula kellha biss ħames snin meta ommha ma baqgħetx taqdi lil Ġeħova. Paula kienet imdejqa ħafna, u l-​affarijiet ma kinux faċli għaliha. Imma mbagħad, oħt pijuniera jisimha Ann inkuraġġietha u bi mħabba interessat ruħha fiha. “Għalkemm Ann ma kinitx tiġi minni, l-​interess kollu mħabba tagħha kien t’għajnuna kbira għalija,” tispjega Paula. “Dan għenni nkompli naqdi lil Ġeħova.” Minn dakinhar ’l hawn, omm Paula reġgħet lura fil-​kongregazzjoni, u dan ferraħha ħafna lil Paula. Anki Ann tinsab ferħana li setgħet tgħin lil Paula tkompli taqdi lil Ġeħova.

14. Kif nibbenefikaw milli nfarrġu lil oħrajn?

 14 Meta nkunu aljenati f’li nagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor, ħafna drabi ninsew dwar il-​problemi tagħna stess. Pereżempju, ħafna aħwa nisa, miżżewġin jew le, jafu li meta jaqsmu l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna m’oħrajn, ikunu qed jaħdmu flimkien maʼ Ġeħova u jagħmlu dak li jixtieq hu. Dan iferraħhom. Fil-​fatt, ilkoll kemm aħna nistgħu nuru li jinteressana minn oħrajn billi naqsmu l-​aħbar tajba magħhom. U meta nagħmlu affarijiet b’qalb tajba għal ħutna, se nersqu eqreb lejhom. (Filippin 2:4) L-​appostlu Pawlu hekk għamel. Hu ħa ħsieb oħrajn bħal kif  omm tgħożż lit-​tarbija tagħha. Ukoll, Pawlu farraġ u inkuraġġixxa lil ħutu “bħalma jagħmel missier maʼ wliedu.”—Aqra l-​1 Tessalonikin 2:7, 11, 12.

FARAĠ FIL-​FAMILJA

15. Min għandu r-​responsabbiltà li jgħallem lit-​tfal dwar Ġeħova?

15 Kif nistgħu ngħinu u nfarrġu familji fil-​kongregazzjoni? Xi drabi, uħud ġodda forsi jitolbuna ngħinuhom jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova jew anki biex nistudjaw il-​Bibbja mat-​tfal tagħhom. Il-​Bibbja turi li Ġeħova jagħti lill-​ġenituri r-​responsabbiltà biex jgħallmu u jħarrġu lil uliedhom. (Proverbji 23:22; Efesin 6:1-​4) Għalkemm f’ċerti każi jistaʼ jkun hemm għajnuna minn oħrajn, hu importanti ħafna li jkunu l-​ġenituri stess li jgħallmu lil uliedhom. Il-​ġenituri għandhom bżonn jitkellmu mat-​tfal tagħhom regolarment.

Il-​ġenituri għandhom bżonn jitkellmu mat-​tfal tagħhom regolarment

16. X’għandna nżommu f’moħħna meta nkunu qed ngħinu lit-​tfal?

16 Meta ġenitur jitlobna nistudjaw il-​Bibbja mat-​tifel jew it-​tifla tiegħu, nagħmlu tajjeb li niftakru li m’għandniex l-​istess awtorità tal-​ġenitur. Kultant forsi nistudjaw maʼ tfal li l-​ġenituri tagħhom mhumiex fil-​verità. Meta t-​tfal ma jkunux tagħna, ikun għaqli li nistudjaw fid-​dar tagħhom meta jkun hemm il-​ġenituri jew Xhud matur ieħor jew nistudjaw f’post pubbliku. B’dal-​mod, ma nagħtu impressjoni ħażina lil ħadd. U forsi maż-​żmien, il-​ġenituri stess ikunu kapaċi jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova.

17. It-​tfal kif jistgħu jgħinu lil oħrajn fil-​familja jħossuhom aħjar?

17 Tfal li tgħallmu jħobbu lil Ġeħova jistgħu jfarrġu u jinkuraġġixxu lill-​membri tal-​familja tagħhom. Kif? Billi jirrispettaw lill-​ġenituri u jaħdmu iebes biex jgħinuhom b’modi prattiċi. Ukoll, meta t-​tfal jibqgħu leali lejn Ġeħova, dan ikun taʼ inkuraġġiment għall-​familja kollha. Fiż-​żmien taʼ qabel id-​Dulluvju, Lamek qiem lil Ġeħova. Hu qal hekk dwar ibnu Noè: “Dan se jfarraġna fix-​xogħol tagħna u fit-​taħbit taʼ idejna li rriżultaw mill-​art misħuta minn Ġeħova.” Din il-​profezija twettqet wara d-​Dulluvju meta Ġeħova neħħa s-​saħta minn fuq l-​art. (Ġenesi 5:29; 8:21) Illum, tfal li jibqgħu leali lejn Ġeħova wkoll jistgħu jfarrġu lill-​familja tagħhom. Huma jistgħu jgħinu lill-​membri kollha tal-​familja jissaportu l-​provi issa u fil-​futur.

18. X’jistaʼ jgħinna nissaportu minkejja kwalunkwe prova?

18 Illum, in-​nies taʼ Ġeħova qed isibu l-​faraġ permezz tat-​talb, meditazzjoni fuq eżempji Bibliċi, u ħbiberiji mill-​qrib maʼ ħuthom. (Aqra Salm 145:18, 19.) Aħna nafu li Ġeħova dejjem lest biex ifarraġna, u hu bla dubju se jgħinna nissaportu kwalunkwe prova li jistaʼ jkollna!