Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Imxi ’l quddiem bħala persuna spiritwali!

Imxi ’l quddiem bħala persuna spiritwali!

“Ibqgħu mexjin bl-​ispirtu.”—GALATIN 5:16.

GĦANJIET: 136, 10

1, 2. Wieħed ħu xi rrealizza dwaru nnifsu, u x’għamel dwar dan?

ROBERT tgħammed meta kellu 15-​il sena, imma l-​verità ma kinitx l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtu. Hu jgħid: “Qatt m’għamilt xi ħaġa ħażina, iżda sempliċement għamilt dak li kien mistenni minni mingħajr entużjażmu. Kont nidher b’saħħti spiritwalment, kont nattendi l-​laqgħat kollha u xi drabi fis-​sena kont nagħmel pijunier awżiljarju. Imma kien hemm xi ħaġa nieqsa.”

2 Kien biss wara li żżewweġ li Robert fehem x’kien hemm nieqes. Xi kultant, bħala logħba hu u martu kienu jistaqsu mistoqsijiet lil xulxin dwar il-​Bibbja. Martu kienet tafha sew il-​Bibbja u setgħet twieġeb il-​mistoqsijiet faċilment. Imma taʼ spiss, Robert ma kienx ikun jafhom it-​tweġibiet u kien iħossu imbarazzat. Hu jgħid: “Kont qisni ma naf xejn. Jien għedt bejni u bejn ruħi, ‘Jekk se nkun il-​kap spiritwali taʼ marti, mela rrid nagħmel xi ħaġa.’” U hekk għamel! Hu jgħid: “Studjajtha fuq li studjajtha l-​Bibbja, u b’hekk bdejt nara l-​istampa kollha. Kont qed nifhem iktar u, iżjed importanti minn hekk, żviluppajt relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova.”

3. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Robert? (b) Liema punti importanti se niddiskutu issa?

 3 Aħna nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti mill-​esperjenza taʼ Robert. Aħna jistaʼ jkollna xi għarfien mill-​Bibbja u nkunu regulari għal-​laqgħat u l-​ministeru, imma dan biss ma jagħmilniex persuni spiritwali. Jew forsi diġà ħdimna biex insiru iktar moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali, imma meta neżaminaw lilna nfusna, naraw modi fejn nistgħu nitjiebu. (Filippin 3:16) F’dan l-​artiklu, se nwieġbu tliet mistoqsijiet importanti: (1) X’se jgħinna nkunu nafu li aħna spiritwali? (2) Kif nistgħu nsiru iktar b’saħħitna spiritwalment? (3) Spiritwalità b’saħħitha kif tistaʼ tgħinna fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum?

KIF INKUNU NAFU LI AĦNA SPIRITWALI

4. Il-​parir f’​Efesin 4:23, 24 għal min japplika?

4 Meta bdejna naqdu lil Alla, għamilna bidliet li effettwaw kull aspett taʼ ħajjitna. Dan il-​proċess ma waqafx meta tgħammidna. Il-​Bibbja tgħidilna: “Iġġeddu fil-​forza li qed tqanqal lil moħħkom.” (Efesin 4:23, 24) Bil-​Grieg, il-​kelma għal “iġġeddu” tindika proċess kontinwu. Għalhekk, aħna għandna nkomplu niġġeddu fil-​forza li qed tqanqal lil moħħna. Peress li m’aħniex perfetti, jeħtieġ inkomplu nagħmlu bidliet. Anke jekk inkunu qdejna lil Ġeħova għal ħafna snin, għandna nżommu r-​relazzjoni tagħna miegħu b’saħħitha.—Filippin 3:12, 13.

5. Liema mistoqsijiet jistgħu jgħinuna nkunu nafu jekk aħniex spiritwali?

5 Kemm jekk aħna kbar u kemm jekk żgħar, jeħtieġ neżaminaw lilna nfusna onestament. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Ninnota li qed insir iktar spiritwali? Qiegħed insir iktar bħal Kristu? L-​attitudni tiegħi u l-​mod kif inġib ruħi fil-​laqgħat x’juru dwari? Dak li nitkellem fuqu x’juri dwar dak li verament irrid f’ħajti? Id-​drawwiet tal-​istudju tiegħi, l-​ilbies u d-​dehra tiegħi, u l-​mod kif nirreaġixxi għall-​pariri x’juru dwari? Kif nirreaġixxi meta niġi ttantat nagħmel xi ħaġa ħażina? Sirt jien Kristjan matur?’ (Efesin 4:13) Dawn il-​mistoqsijiet jistgħu jgħinuna naraw kemm sirna spiritwali.

6. X’hemm iktar li jistaʼ jgħinna nkunu nafu jekk aħniex spiritwali?

6 Kultant ikollna bżonn lil min jgħinna nsiru nafu jekk aħniex spiritwali. L-​appostlu Pawlu spjega li persuna fiżika, jew tal-​laħam, ma tifhimx li l-​mod kif qed tgħix ħajjitha mhux qed iferraħ lil Alla. Imma persuna spiritwali tifhem kif Alla jqis l-​affarijiet. Din taf li Ġeħova ma japprovax ħajja li hi skont il-​laħam. (1 Korintin 2:14-16; 3:1-3) Anzjani li għandhom il-​moħħ taʼ Kristu mill-​ewwel jinnotaw meta l-​aħwa jibdew jaġixxu skont il-​laħam, u jipprovaw jgħinuhom.  Jekk l-​anzjani jipprovaw jgħinuna, se naċċettaw aħna l-​għajnuna tagħhom u nagħmlu l-​bidliet meħtieġa? Jekk nagħmlu hekk, se nuru li verament nixtiequ nsiru iktar b’saħħitna spiritwalment.—Ekkleżjasti 7:5, 9.

SIR IKTAR B’SAĦĦTEK SPIRITWALMENT

7. Kif nafu li persuna spiritwali mhix sempliċiment xi ħadd li għandu għarfien mill-​Bibbja?

7 L-​għarfien mill-​Bibbja mhuwiex biżżejjed biex inkunu spiritwali. Is-​Sultan Salamun kien jaf ħafna dwar Ġeħova, u xi kliem għaref taʼ Salamun saħansitra sar parti mill-​Bibbja. Imma maż-​żmien, ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova ddgħajfet, u ma baqax leali. (1 Slaten 4:29, 30; 11:4-6) Allura, x’neħtieġu flimkien mal-​għarfien mill-​Bibbja? Jeħtieġ li nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna. (Kolossin 2:6, 7) Kif nagħmluh dan?

8, 9. (a) X’se jgħinna nsaħħu l-​fidi tagħna? (b) Xi tkun il-​mira tagħna meta nistudjaw u nimmeditaw? (Ara l-​ewwel stampa.)

8 Fl-​ewwel seklu, Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex ‘jirsistu lejn il-​maturità.’ (Ebrej 6:1) Illum, kif nistgħu napplikaw dan il-​parir? Mod wieħed importanti hu billi jiġi studjat il-​ktieb Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla. Dan se jgħinek tifhem kif tuża prinċipji Bibliċi f’ħajtek. Jekk diġà studjajt dan il-​ktieb, hemm pubblikazzjonijiet oħrajn li tistaʼ tistudja biex jgħinuk issaħħaħ il-​fidi tiegħek. (Kolossin 1:23) Ukoll, hemm bżonn li nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu, u nitolbu lil Ġeħova jgħinna naraw kif nistgħu napplikawh.

9 Meta nistudjaw u nimmeditaw, il-​mira tagħna għandha tkun li niżviluppaw xewqa qawwija ħalli nogħġbu u nobdu lil Ġeħova. (Salm 40:8; 119:97) Ukoll, għandna bżonn inwarrbu dak kollu li jwaqqafna milli nikbru spiritwalment.—Titu 2:11, 12.

10. Iż-​żgħażagħ x’jistgħu jagħmlu biex isiru iktar b’saħħithom spiritwalment?

10 Jekk int żagħżugħ jew żagħżugħa, għandek miri spiritwali? Ħu li jaqdi f’Betel spiss jitkellem maʼ żgħażagħ li jkunu se jitgħammdu f’assembleat tas-​circuit u jistaqsihom dwar il-​miri spiritwali tagħhom. Hu jistaʼ jara li ħafna  minnhom ikunu ħasbu sew dwar kif iridu jaqdu lil Ġeħova fil-​futur. Xi wħud jippjanaw li jaqdu lil Ġeħova full-​time jew li jmorru joqogħdu xi mkien fejn hemm bżonn t’iktar pubblikaturi. Imma xi żgħażagħ ma jafux kif iwieġbu l-​mistoqsija tiegħu. Jistaʼ dan ifisser li jħossu li m’għandhomx bżonn ikollhom miri spiritwali? Jekk int żagħżugħ, staqsi lilek innifsek: ‘Immur jien il-​laqgħat u s-​servizz tal-​għalqa sempliċement għax iriduni l-​ġenituri? Jew għax għandi relazzjoni persunali m’Alla?’ M’għandniex xi ngħidu, ilkoll għandu jkollna miri spiritwali, kemm jekk aħna kbar u kemm jekk żgħar. Dawn il-​miri se jgħinuna nsiru iktar b’saħħitna spiritwalment.—Ekkleżjasti 12:1, 13.

11. (a) X’hemm bżonn nagħmlu biex insiru moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali? (b) Liema eżempju Bibliku nistgħu nimitaw?

11 Wara li naraw fejn nistgħu nitjiebu, ikollna bżonn nibdew nagħmlu l-​bidliet. Dan tant hu importanti li jistaʼ jfisser ħajja jew mewt għalina. (Rumani 8:6-8) Ġeħova ma jistenniex li nkunu perfetti, u hu jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna. Imma min-​naħa tagħna xorta hemm bżonn li naħdmu iebes. Ħuna John Barr, li qeda bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, darba kkummenta fuq Luqa 13:24 u qal: “Ħafna ma jirnexxilhomx jgħaddu mill-​bieb id-​dejjaq għax ma jħabirkux biżżejjed biex isiru b’saħħithom.” Aħna jeħtieġ li nkunu bħal Ġakobb, li ssara  m’anġlu u ma qatax qalbu sakemm ġie mbierek. (Ġenesi 32:26-28) Għalkemm li nistudjaw il-​Bibbja jistaʼ jkun pjaċevoli, m’għandniex nistennew li l-​Bibbja tkun divertenti bħalma jistaʼ jkun xi rumanz. Għandna bżonn naħdmu biex insibu veritajiet prezzjużi li se jgħinuna.

12, 13. (a) X’se jgħinna napplikaw Rumani 15:5? (b) L-​eżempju u l-​parir taʼ Pietru kif jistgħu jgħinuna? (ċ) Int x’tistaʼ tagħmel biex issir b’saħħtek spiritwalment? (Ara l-​kaxxa “ Dak li tistaʼ tagħmel biex tikber spiritwalment.”)

12 Meta nagħmlu l-​isforz biex nikbru spiritwalment, l-​ispirtu qaddis se jgħinna nbiddlu l-​mod kif naħsbu. Maż-​żmien, nistgħu nitgħallmu naħsbu kif kien jaħseb Kristu. (Rumani 15:5) L-​ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna neħilsu minn xewqat ħżiena u niżviluppaw kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. (Galatin 5:16, 22, 23) Jekk nindunaw li qed niffokaw fuq l-​affarijiet materjali jew il-​pjaċiri, m’għandniex naqtgħu qalbna. Aħna għandna nibqgħu nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis ħalli jgħinna niffokaw fuq l-​affarijiet xierqa. (Luqa 11:13) Ftakar fl-​appostlu Pietru. Dan mhux dejjem ħaseb bħalma kien jaħseb Kristu. (Mattew 16:22, 23; Luqa 22:34, 54-​62; Galatin 2:11-14) Imma ma qatax qalbu, u Ġeħova għenu. Bil-​mod il-​mod, Pietru tgħallem jaħseb bħalma kien jaħseb Kristu. U anke aħna nistgħu.

13 Iktar tard Pietru semma kwalitajiet speċifiċi li se jgħinuna. (Aqra t-​2 Pietru 1:5-8.) Aħna għandna bżonn naħdmu iebes biex niżviluppaw ir-​rażan, is-​sabar, l-​affezzjoni lejn l-​aħwa, u kwalitajiet tajbin oħra. Kuljum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Illum, fuq liema kwalità nistaʼ naħdem li se tgħinni nsir iktar b’saħħti spiritwalment?’

APPLIKA PRINĊIPJI BIBLIĊI KULJUM

14. Li nkunu moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali kif se jeffettwa ’l ħajjitna?

14 Jekk aħna naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu, dan se jeffettwa kif inġibu ruħna fuq ix-​xogħol jew fl-​iskola, kif nitkellmu, u kif nieħdu deċiżjonijiet kuljum. Id-​deċiżjonijiet tagħna se juru li qed nipprovaw nimitaw lil Kristu. Peress li moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali, ma rridu xejn iħassrilna r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Meta niġu ttantati biex nagħmlu xi ħaġa ħażina, l-​ispiritwalità tagħna se tgħinna nirreżistu t-​tentazzjoni. Qabel ma nieħdu deċiżjoni, aħna nieqfu u nistaqsu lilna nfusna: ‘Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuni? Kieku Kristu x’jagħmel f’din is-​sitwazzjoni? Liema deċiżjoni se togħġob lil Ġeħova?’ Għandna bżonn niħduha drawwa li naħsbu b’dan il-​mod. Allura ejja niddiskutu xi sitwazzjonijiet li nistgħu nkunu fihom. Għal kull waħda, se naraw prinċipju Bibliku li jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjoni għaqlija.

15, 16. Li naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu kif jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjoni għaqlija dwar (a) l-​għażla tas-​sieħeb jew sieħba għaż-​żwieġ? (b) l-​għażla tal-​ħbieb tagħna?

15 L-​għażla tas-​sieħeb jew sieħba għaż-​żwieġ. Il-​prinċipju Bibliku jinsab fit-​2 Korintin 6:14, 15. (Aqra.) Pawlu għamilha ċara li nies li moħħhom ikun iffokat fuq affarijiet spiritwali ma jħarsux lejn l-​affarijiet bħalma jħarsu lejhom nies fiżiċi, jew li moħħhom ikun iffokat fuq affarijiet tal-​laħam. Dan il-​prinċipju kif jistaʼ jgħinek tagħżel sieħeb jew sieħba għaż-​żwieġ?

16 L-​għażla tal-​ħbieb tagħna. Il-​prinċipju Bibliku jinsab fl-​1 Korintin  15:33. (Aqra.) Persuna li moħħha jkun iffokat fuq affarijiet spiritwali mhix se tkun ħabiba maʼ nies li jistgħu jdgħajfulha l-​fidi tagħha. Aħseb dwar kif int tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju f’sitwazzjonijiet differenti. Pereżempju, kif jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjonijiet dwar in-​netwerk soċjali? Kif jistaʼ jgħinek tiddeċiedi jekk tilgħabx logħob onlajn maʼ nies li ma tafhomx?

Se jgħinuni d-deċiżjonijiet tiegħi nsir iktar moħħi ffokat fuq affarijiet spiritwali? (Ara paragrafu 17)

17-19. Li tkun moħħok iffokat fuq affarijiet spiritwali kif se jgħinek (a) tevita attivitajiet bla siwi? (b) ikollok miri tajbin? (ċ) tittratta man-​nuqqas taʼ qbil?

17 Attivitajiet li jagħmlu l-​ħsara lill-​ispiritwalità tagħna. Aħna nsibu twissija importanti f’​Ebrej 6:1. (Aqra.) X’inhuma l-​“għemejjel mejtin” li għandna nevitaw? Dawn huma attivitajiet bla siwi li ma jgħinuniex insiru iktar b’saħħitna spiritwalment. Din it-​twissija dwar għemejjel mejtin tistaʼ tgħinna nwieġbu mistoqsijiet bħal: ‘Din l-​attività hi taʼ benefiċċju jew hi bla siwi? Għandi ninvolvi ruħi f’dan in-​negozju? Għala m’għandix ningħaqad maʼ grupp li qed jipprova jbiddel il-​kundizzjonijiet tad-​dinja?’

Se jgħinuni d-deċiżjonijiet tiegħi nagħmel miri spiritwali? (Ara paragrafu 18)

18 Miri spiritwali. Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù tana pariri tajbin dwar il-​miri. (Mattew 6:33) Persuna li għandha moħħha ffokat fuq affarijiet spiritwali tpoġġi s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitha. Dan il-​prinċipju se jgħinna nwieġbu mistoqsijiet bħal: ‘Għandi nfittex edukazzjoni iktar għolja wara li nkun spiċċajt mill-​iskola? Għandi naċċetta offerta għal ċertu xogħol?’

Se jgħinuni d-deċiżjonijiet tiegħi nkun fil-paċi m’oħrajn? (Ara paragrafu 19)

19 Nuqqas taʼ qbil. Il-​parir taʼ Pawlu lill-​Kristjani f’Ruma jistaʼ jgħinna meta jkollna nuqqas taʼ qbil m’oħrajn. (Rumani 12:18) Aħna nimitaw lil Kristu, allura nipprovaw ‘inżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.’ Kif nirreaġixxu meta jkollna nuqqas taʼ qbil m’oħrajn? Insibuha diffiċli naċċettaw l-​opinjoni taʼ ħaddieħor? Jew aħna magħrufin bħala “dawk li qegħdin iġibu l-​paċi”?—Ġakbu 3:18.

20. Int għala tixtieq timxi ’l quddiem spiritwalment?

20 Dawn l-​eżempji juru kif il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet li jagħtu prova li aħna ggwidati bl-​ispirtu t’Alla. Jekk aħna moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali, se jkollna ħajja ferħana u sodisfaċenti. Robert, li ssemma iktar kmieni, jgħid: “Wara li żviluppajt relazzjoni taʼ veru maʼ Ġeħova, kont raġel miżżewweġ aħjar u missier aħjar. Kont kuntent u ferħan.” Jekk nagħmlu kulma nistgħu biex nimxu ’l quddiem bħala persuni spiritwali, anke aħna se ngawdu ħafna benefiċċji. Se jkollna ħajja iktar ferħana issa, u fil-​futur se jkollna “l-​ħajja vera.”—1 Timotju 6:19.