Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Ir-​rakkont taʼ Mattew dwar it-​tfulija taʼ Ġesù għala hu differenti minn dak taʼ Luqa?

Ir-​rakkont taʼ Mattew dwar it-​twelid u t-​tfulija taʼ Ġesù hu differenti mir-​rakkont taʼ Luqa għax kull kittieb jiffoka fuq il-​ħsibijiet u l-​esperjenzi taʼ persuna differenti.

Ir-​rakkont taʼ Mattew jiffoka fuq ġrajjiet li involvew lil Ġużeppi. Fih jiddeskrivi r-​reazzjoni taʼ Ġużeppi meta sar jaf li Marija kienet tqila, il-​ħolma tiegħu li fiha anġlu spjegalu s-​sitwazzjoni, u l-​mod kif hu mexa mal-​istruzzjonijiet tal-​anġlu. (Mattew 1:19-​25) Jiddeskrivi wkoll kif anġlu wissa lil Ġużeppi f’ħolma biex jaħrab lejn l-​Eġittu flimkien mal-​familja tiegħu u kif hu obda. Mattew imbagħad jgħidilna li Ġużeppi kellu ħolma oħra, li fiha anġlu qallu jmur lura lejn l-​art taʼ Iżrael u li hu għamel dan u ddeċieda li flimkien mal-​familja tiegħu jmur joqgħod Nazaret. (Mattew 2:13, 14, 19-​23) Fl-​ewwel żewġ kapitli tal-​Evanġelju tiegħu, Mattew isemmi isem Ġużeppi sebaʼ darbiet, imma isem Marija erbaʼ darbiet biss.

Madankollu, ir-​rakkont taʼ Luqa jiffoka fuq Marija. Jiddeskrivi ż-​żjara tal-​anġlu Gabrijel lil Marija, iż-​żjara li għamlet lill-​qariba tagħha Eliżabetta, u l-​kliem taʼ tifħir tagħha lil Ġeħova. (Luqa 1:26-​56) Jiddeskrivi wkoll x’qal Simegħon lil Marija dwar is-​sofferenzi futuri taʼ Ġesù. Imbagħad Luqa jiddeskrivi l-​okkażjoni meta Ġesù mar it-​tempju mal-​familja tiegħu meta kellu 12-​il sena. Anke f’dan ir-​rakkont, Luqa jikkwota l-​kliem taʼ Marija u mhux il-​kliem taʼ Ġużeppi, u jgħidilna li Marija kienet affettwata profondament minn dawn il-​ġrajjiet. (Luqa 2:19, 34, 35, 48, 51) Fl-​ewwel żewġ kapitli tal-​Evanġelju tiegħu, Luqa jsemmi isem Marija 12-​il darba, imma taʼ Ġużeppi tliet darbiet biss. Allura Mattew jgħidilna iżjed dwar dak li Ġużeppi ħaseb u għamel. Madankollu, Luqa jiffoka fuq il-​ħsibijiet u l-​esperjenzi taʼ Marija.

Id-​dixxendenza tal-​familja taʼ Ġesù wkoll hi dokumentata b’mod differenti fiż-​żewġ Evanġelji. Mattew jiddokumenta d-​dixxendenza tal-​familja taʼ Ġużeppi u juri li Ġesù, bħala l-​iben adottiv taʼ Ġużeppi, kellu d-​dritt legali għas-​saltna taʼ David. Għala? Għaliex Ġużeppi kien dixxendent tas-​Sultan David permezz taʼ Salamun, bin David. (Mattew 1:6, 16) Madankollu, Luqa jikteb id-​dixxendenza tal-​familja taʼ Marija u juri li Ġesù kellu d-​dritt naturali għas-​saltna taʼ David “skond il-​laħam.” (Rumani 1:3) Għala? Għaliex Marija kienet dixxendenta tas-​Sultan David permezz taʼ Natan, bin David. (Luqa 3:31) Imma Luqa għala ma jiddokumentax lil Marija bħala bint Għeli, missierha? Għaliex ir-​rekords uffiċjali ġeneralment inkludew biss lill-​irġiel taʼ familja. Allura meta Luqa jikteb isem Ġużeppi u jiddeskrivih bħala iben Għeli, in-​nies fehmu li Ġużeppi kien ir-​raġel taʼ bint Għeli.—Luqa 3:23.

Il-​listi taʼ dixxendenza tal-​familja taʼ Ġesù fl-​Evanġelji taʼ Mattew u Luqa juru li Ġesù kien il-​Messija li Alla kien wiegħed. Il-​fatt li Ġesù kien dixxendent tas-​Sultan David tant kien magħruf li anke l-​Fariżej u s-​Sadduċej ma setgħux jiċħdu dan. Id-​deskrizzjonijiet taʼ Mattew u Luqa tad-​dixxendenza tal-​familja taʼ Ġesù jsaħħu l-​fidi tagħna u jagħmluna fiduċjużi li l-​bqija tal-​wegħdi t’Alla se jseħħu.