Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 MILL-​ARKIVJI TAGĦNA

“Meta se jkollna assemblea oħra?”

“Meta se jkollna assemblea oħra?”

QEGĦDIN lejn l-​aħħar taʼ Novembru 1932 fil-​Belt tal-​Messiku, belt traffikuża fejn jgħixu iktar minn miljun ruħ. Ġimgħa biss qabel, hawn tpoġġew it-​traffic lights għall-​ewwel darba. Imma n-​nies issa jinsabu eċċitati dwar xi ħaġa oħra. Xi riporters fl-​istazzjon tal-​ferrovija jinsabu bil-​kameras tar-​ritratti lesti, jistennew mistieden speċjali. Min hu? Hu Joseph F. Rutherford, il-​president tal-​Watch Tower Society. Xhieda tal-​lokal ukoll qed jistennew biex jilqgħu lil Ħuna Rutherford, li ġie biex jattendi l-​konvenzjoni tagħhom taʼ tlett ijiem.

Ir-​rivista The Golden Age qalet: “Bla dubju din il-​konvenzjoni se titniżżel fl-​istorja bħala ġrajja taʼ importanza li tispikka” għall-​isforzi li saru biex tinxtered il-​verità fil-​Messiku. Iżda din kienet konvenzjoni żgħira li fiha attendew biss madwar 150 ruħ. Mela, għala kienet daqstant importanti?

Qabel din il-​konvenzjoni, il-​verità ma kinitx inxterdet wisq fil-​Messiku. Mill-​1919 ’il quddiem kien hemm assembleat żgħar, iżda wara din is-​sena n-​numru taʼ kongregazzjonijiet kien attwalment naqas. Meta fetaħ uffiċċju tal-​fergħa fil-​Belt tal-​Messiku fl-​1929, deher li s-​sitwazzjoni kienet se tmur għall-​aħjar, imma xorta kien għad hemm xi diffikultajiet x’jingħelbu. L-​organizzazzjoni kienet idderiġiet lill-​colporteurs, bħalma kienu jissejħu l-​pijunieri dak iż-​żmien, biex ma jħalltux il-​kummerċ mal-​ippritkar. Colporteur minnhom tant ħadha bi kbira li telaq mill-​verità u fforma l-​grupp tiegħu taʼ studju tal-​Bibbja. Matul dan iż-​żmien ukoll, l-​indokratur tal-​fergħa kellu jinbidel minħabba l-​imġiba ħażina tiegħu. Ix-​Xhieda leali fil-​Messiku kellhom bżonn l-​inkuraġġiment.

Matul iż-​żjara tiegħu, Ħuna Rutherford inkuraġġixxa ħafna lil dawn l-​uħud leali b’żewġ taħditiet li jmissu l-​qalb fil-​konvenzjoni u ħames lekċers li xxandru fuq ir-​radju. Kienet l-​ewwel darba li l-​aħwa użaw l-​istazzjonijiet tar-​radju biex tinfirex l-​aħbar tajba fil-​Messiku. Wara l-​konvenzjoni nħatar indokratur ġdid tal-​fergħa biex jorganizza x-​xogħol. Ix-​Xhieda issa kienu mimlijin żelu, u bl-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, komplew jippritkaw.

Il-konvenzjoni tal-1941, il-Belt tal-Messiku

Is-​sena taʼ wara, fl-​1933, kien hemm żewġ konvenzjonijiet fil-​pajjiż, waħda f’Veracruz u oħra fil-​Belt tal-​Messiku. L-​aħwa kienu qed jaħdmu iebes fit-​territorju, u kien qed ikollhom riżultati tajbin. Pereżempju, fl-​1931, kien hemm 82 pubblikatur. Sal-​1941, kien hemm għaxar darbiet iktar! Madwar 1,000 ruħ ġew fil-​Belt tal-​Messiku għall-​Assemblea Teokratika tal-​1941.

 “INVAŻJONI FIT-​TOROQ”

Fl-​1943, ix-​Xhieda bdew jirreklamaw il-​“Free Nation’s” Theocratic Assembly, li kellha ssir fi 12-​il belt Messikana. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Dan għamluh billi libsu sandwich signs. Dawn kienu magħmulin minn żewġ kartelluni kbar li kienu mwaħħlin flimkien u milbusin fuq l-​ispalel, b’wieħed mill-​kartelluni mpoġġi fuq quddiem u l-​ieħor fuq wara. Ix-​Xhieda kienu ilhom jużaw dawn il-​kartelluni biex jirreklamaw il-​konvenzjonijiet tagħhom sa mill-​1936.

Biċċa minn rivista tal-1944 li turi xi aħwa lebsin il-kartelluni fil-Belt tal-Messiku

Ir-​reklamar bil-​kartelluni kbar tant kien taʼ suċċess fil-​Belt tal-​Messiku li r-​rivista La Nación kitbet hekk dwar ix-​Xhieda li attendew l-​assemblea: “Fl-​ewwel ġurnata ntqalilhom biex jistiednu iktar nies. Il-​ġurnata taʼ wara, kien hemm iżjed nies milli jesaʼ l-​post tal-​assemblea.” Il-​Knisja Kattolika ma ħaditx pjaċir b’dan is-​suċċess, u għalhekk opponiet lix-​Xhieda. Imma l-​aħwa ma beżgħux. Huma komplew jirreklamaw il-​konvenzjoni. Artiklu ieħor f’La Nación irrapporta: “Il-​belt kollha rathom.” Qalet li l-​aħwa kienu “nbidlu f’‘sandwiches’ taʼ reklamar.” Ukoll, l-​artiklu ġab stampa tal-​aħwa fit-​toroq tal-​Belt tal-​Messiku. Il-​kliem taħt l-​istampa kien jgħid: “Invażjoni fit-​toroq.”

SODOD LI KIENU “IKTAR ROTOB U SĦAN MILL-​ART TAL-​KONKOS”

Dak iż-​żmien, il-​biċċa l-​kbira tax-​Xhieda kellhom jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jattendu l-​ftit konvenzjonijiet li kienu jsiru fil-​Messiku. Ħafna aħwa ġew minn villaġġi iżolati li kienu ’l bogħod minn kwalunkwe linji tal-​ferrovija jew saħansitra toroq. Allura d-​delegati kellhom jużaw il-​ħmir jew jimxu għal ħafna jiem sempliċement biex jaqbdu ferrovija li kienet se tiħodhom fil-​belt tal-​konvenzjoni.

Il-​biċċa l-​kbira tax-​Xhieda kienu fqar u bilkemm kellhom flus biex jaslu sal-​konvenzjoni. Meta kienu jaslu hemm, ħafna minnhom kienu joqogħdu max-​Xhieda tal-​lokal, li wrewhom imħabba u ospitalità. Oħrajn raqdu fis-​Swali tas-​Saltna. Darba, xi 90 ħu u oħt qagħdu fil-​bini tal-​fergħa, fejn raqdu fuq kaxxi tal-​kotba. Il-​Yearbook qal li l-​aħwa ħassewhom grati li l-​kaxxi kienu “iktar rotob u sħan mill-​art tal-​konkos.”

Għal dawn ix-​Xhieda, kwalunkwe sagrifiċċju biex ikunu jistgħu jingħaqdu maʼ ħuthom irġiel u nisa kien worth it. Illum, hemm iktar minn 850,000 Xhud fil-​Messiku, u jħossuhom grati bl-​istess mod. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Rapport fin-​1949 Yearbook qal li s-​sagrifiċċji li kellhom jagħmlu l-​aħwa ma naqqsux iż-​żelu tagħhom għall-​qima taʼ Ġeħova. Kull assemblea li kellhom kienet “wieħed mis-​suġġetti ewlenin li tkellmu fuqu għal ħafna żmien wara.” Il-​mistoqsija li l-​aħwa staqsew għal darba wara l-​oħra kienet, “Meta se jkollna assemblea oħra?”—Mill-​arkivji tagħna fl-​Amerika Ċentrali.

^ par. 9 Skont in-​1944 Yearbook, permezz taʼ din l-​assemblea, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova saru magħrufin sew fil-​Messiku.

^ par. 14 Fil-​Messiku, 2,262,646 ruħ attendew it-​Tifkira fl-​2016.