Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Inkuraġġixxu lil xulxin “iktar u iktar”

Inkuraġġixxu lil xulxin “iktar u iktar”

“Ħa nagħtu kas xulxin . . . , ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.”—EBREJ 10:24, 25.

GĦANJIET: 121, 119

1. L-​appostlu Pawlu għala ħeġġeġ lill-​Kristjani Ebrej tal-​bidu biex jinkuraġġixxu lil xulxin “iktar u iktar”?

FL-​EWWEL seklu, l-​appostlu Pawlu ta dan il-​parir lill-​Kristjani Ebrej: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.” (Ebrej 10:24, 25) L-​aħwa għandu mnejn tħassbu dwar għala Pawlu qalilhom biex jinkuraġġixxu lil xulxin saħansitra iktar. Inqas minn ħames snin wara, raġuni waħda dehret ċara. F’dak iż-​żmien, huma raw li l-​jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova fuq Ġerusalemm kien wasal. Huma fehmu li kellhom bżonn jaħarbu mill-​belt bħalma kien qalilhom Ġesù. (Luqa 21:20-22; Atti 2:19, 20) Dan il-​jum taʼ Ġeħova wasal fis-​sena 70 meta r-​Rumani qerdu lil Ġerusalemm.

2. Illum, għala għandna naħsbu dwar li ninkuraġġixxu lil xulxin saħansitra iktar?

 2 Illum, aħna qegħdin f’sitwazzjoni simili. Il-​jum taʼ Ġeħova, li “hu kbir u jqanqal biżaʼ kbir,” qiegħed fil-​qrib. (Ġoel 2:11) Kliem il-​profeta Sofonija japplika wkoll għal żmienna: “Il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib. Fil-​qrib u qed jgħaġġel ħafna.” (Sofonija 1:14) Għal din ir-​raġuni, aħna għandna “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin.” (Ebrej 10:24) Hemm bżonn li nsiru saħansitra iktar interessati f’ħutna sabiex inkunu nistgħu ninkuraġġuhom meta jkollhom bżonn.

MIN GĦANDU BŻONN L-​INKURAĠĠIMENT?

3. L-​appostlu Pawlu x’qal dwar l-​inkuraġġiment? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 “L-​ansjetà f’qalb il-​bniedem ittaqqalha, imma l-​kelma t-​tajba tferraħha.” (Proverbji 12:25) Ilkoll kemm aħna xi drabi jkollna bżonn l-​inkuraġġiment. Pawlu għamilha ċara li anke dawk li huma responsabbli biex jinkuraġġixxu lil oħrajn għandhom bżonn jiġu inkuraġġiti. Lil ħutu f’Ruma kitbilhom: “Għandi xewqa kbira li narakom, biex nagħtikom xi għotja spiritwali sabiex tissodaw; jew, pjuttost, biex ninkuraġġixxu lil xulxin bil-​fidi tagħna, intom lili u jien lilkom.” (Rumani 1:11, 12) Allura, anke l-​appostlu Pawlu kellu bżonn l-​inkuraġġiment xi drabi.—Aqra Rumani 15:30-32.

4, 5. Lil min nistgħu ninkuraġġixxu llum, u għala?

4 Illum, aħna nistgħu ninkuraġġixxu lil dawk li jaqdu lil Ġeħova full-​time. Fosthom hemm il-​pijunieri leali. Ħafna minnhom għamlu sagrifiċċji kbar biex ikunu pijunieri. Dan japplika wkoll għall-​missjunarji, il-​Beteliti, l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet u n-​nisa tagħhom, u dawk li jaqdu fl-​uffiċċji tat-​traduzzjoni. Dawn kollha jagħmlu sagrifiċċji sabiex iqattgħu iktar ħin jaqdu lil Ġeħova. Għalhekk, aħna għandna ninkuraġġuhom. Hemm ukoll ħafna li jixtiequ li baqgħu fis-​servizz full-​time imma m’għadhomx jistgħu. Anke dawn ikunu grati meta jiġu inkuraġġiti.

5 Min iktar jistħoqqlu l-​inkuraġġiment? Aħna nistgħu ninkuraġġixxu lil ħafna aħwa li għażlu li jibqgħu single għax iridu jobdu lil Ġeħova u jiżżewġu “biss fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:39) In-​nisa miżżewġin jiġu inkuraġġiti meta żwieġhom jgħidulhom li jħobbuhom u li huma grati għal kulma jagħmlu. (Proverbji 31:28, 31) Il-​Kristjani li jissaportu persekuzzjoni jew mard ukoll għandhom bżonn l-​inkuraġġiment. (2 Tessalonikin 1:3-5) Ġeħova u Ġesù jfarrġu lil dawn l-​uħud leali kollha.—Aqra t-​2 Tessalonikin 2:16, 17.

L-​ANZJANI JISTGĦU JINKURAĠĠUNA

6. X’nitgħallmu dwar l-​irwol tal-​anzjani f’​Isaija 32:1, 2?

6 Aqra Isaija 32:1, 2Aħna ngħixu fi żminijiet diffiċli u faċilment insiru mnikktin u skuraġġiti. Sabiex jinkuraġġina, Ġesù Kristu juża lil ħutu l-​midlukin u lill-​“prinċpijiet” leali min-​nagħaġ oħrajn. Dawn l-​anzjani tal-​kongregazzjoni mhumiex “sidien” tal-​fidi tagħna imma ‘ħaddiema sħabna’ għall-​ferħ  tagħna. Huma jridu jgħinuna nkunu ferħanin u nibqgħu leali.—2 Korintin 1:24.

7, 8. L-​anzjani kif jistgħu jinkuraġġixxu lil oħrajn b’dak li jgħidu u jagħmlu?

7 L-​anzjani jistgħu jimitaw lill-​appostlu Pawlu, li dejjem ipprova jinkuraġġixxi lil ħutu. Lill-​Kristjani f’Tessalonika li kienu qed jiġu ppersegwitati kitbilhom: “Peress li għandna affezzjoni tenera lejkom, konna kuntenti ħafna li mhux biss nagħtukom l-​aħbar tajba t’Alla, imma wkoll ruħna stess, għax sirtu għeżież għalina.”—1 Tessalonikin 2:8.

8 L-​anzjani jistgħu jkunu taʼ inkuraġġiment kbir b’dak li jgħidu. Imma dejjem se jkun biżżejjed dan? Pawlu qal lill-​anzjani minn Efesu: “Għandkom tgħinu lid-​dgħajfin u żżommu f’moħħkom il-​kliem tal-​Mulej Ġesù, li qal hu stess, ‘Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.’” (Atti 20:35) Pawlu kien lest li ‘jonfoq u jintefaq għalkollox għal’ ħutu. Bil-​mod taʼ kif aġixxa, hu wera li kien lest li jagħmel mill-​aħjar li setaʼ għalihom. (2 Korintin 12:15) B’mod simili, l-​anzjani għandhom jinkuraġġixxu u jfarrġu lil oħrajn mhux bil-​kliem biss imma b’li jagħmlu wkoll. Dan juri li huma verament jimpurtahom minna.—1 Korintin 14:3.

9. L-​anzjani kif jistgħu jagħtu parir b’mod inkuraġġanti?

9 Biex isaħħu lil ħuthom, l-​anzjani xi kultant ikollhom bżonn jagħtu parir. Huma jistgħu jitgħallmu kif jagħmlu dan b’mod inkuraġġanti mill-​Bibbja. Wara l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu, Ġesù ħalla eżempju eċċellenti taʼ dan. Hu kellu jagħti parir sod lil xi kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri, imma nnota kif għamel dan. Qabel ma tahom il-​parir, hu faħħar mill-​qalb lill-​kongregazzjonijiet f’Efesu, f’Pergamu, u fi Tjatira għall-​affarijiet tajbin li kienu qed jagħmlu. (Rivelazzjoni 2:1-5, 12, 13, 18, 19) Lill-​kongregazzjoni f’Laodiċija, Ġesù qalilha: “Lil kulmin għandi affezzjoni lejh inwiddbu u niddixxiplinah. Għalhekk, kun żeluż u indem.” (Rivelazzjoni 3:19) L-​anzjani jipprovaw jimitaw lil Kristu bil-​mod kif jagħtu parir.

MHUX L-​ANZJANI BISS JEĦTIEĠ LI JINKURAĠĠIXXU LIL OĦRAJN

Ġenituri, qegħdin tħarrġu lil uliedkom biex jinkuraġġixxu lil oħrajn? (Ara paragrafu 10)

10. Kif nistgħu aħna lkoll insaħħu lil xulxin?

10 L-​anzjani mhumiex l-​uniċi wħud li jeħtieġ jinkuraġġixxu lil oħrajn. Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani kollha ħalli jgħidu “dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-​ġid” lil oħrajn. (Efesin 4:29) Kull wieħed u waħda minna għandu jkun konxju tal-​bżonnijiet t’oħrajn sabiex ikun jistaʼ jgħinhom. Lill-​Kristjani Ebrej, Pawlu kitbilhom: “Iddrittaw l-​idejn merħijin u l-​irkopptejn dgħajfin, u ibqgħu ddrittaw il-​mogħdijiet għal saqajkom, biex il-​partijiet dgħajfin ma jinqalgħux mill-​ġogi, imma minflok, jitfejqu.” (Ebrej 12:12, 13) Aħna lkoll nistgħu nsaħħu u ninkuraġġixxu lil xulxin b’dak li ngħidu, anke jekk aħna żgħar ħafna fl-​età.

11. X’għen lil Marthese meta kienet dipressa?

11 Oħt jisimha Marthese kienet dipressa għal xi żmien. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Hi kitbet: “Darba, meta kont qed nitlob għall-​inkuraġġiment, iltqajt m’oħt ikbar minni li wrietni affezzjoni u mogħdrija, proprju dak li kelli bżonn dak il-​ħin.  Ukoll, hi qaltli l-​esperjenza personali tagħha bl-​istess tip taʼ prova li kont għaddejja minnha jien, u ħassejtni inqas waħdi.” Probabbilment, din l-​oħt lanqas biss irrealizzat kemm kliemha kien t’għajnuna għal Marthese!

12, 13. Kif nistgħu napplikaw il-​parir f’​Filippin 2:1-​4?

12 Lill-​Kristjani f’Filippi, Pawlu kitbilhom: “Mela, jekk għandkom xi inkuraġġiment fi Kristu, xi konsolazzjoni taʼ mħabba, xi interess f’xulxin, xi affezzjoni tenera u mogħdrija, imlewni bil-​ferħ billi jkollkom l-​istess fehma u l-​istess imħabba. Kunu magħqudin ruħ waħda u żommu ħsieb wieħed f’moħħkom, waqt li ma tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà tqisu lill-​oħrajn superjuri għalikom. Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.”—Filippin 2:1-4.

13 Aħna lkoll għandna nfittxu għal modi biex ngħinu lil xulxin. Nistgħu nfarrġu lil oħrajn, jew, noffru “konsolazzjoni taʼ mħabba,” nuru “interess f’xulxin,” u “affezzjoni tenera u mogħdrija” sabiex ninkuraġġixxu lil ħutna.

MODI KIF TINKURAĠĠIXXI

14. Liema hu mod wieħed kif nistgħu ninkuraġġixxu?

14 Aħna nifirħu meta nisimgħu li dawk li għenna fil-​passat qed jibqgħu leali. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-​verità.” (3 Ġwanni 4) Ħafna pijunieri jkunu ferħanin se jtiru meta jsiru jafu li  xi ħadd li jkunu għenu biex jitgħallem il-​verità żmien ilu għadu qed jaqdi lil Ġeħova lealment, forsi saħansitra hu pijunier. Allura jekk il-​pijunieri jħossuhom skuraġġiti, aħna nistgħu nfakkruhom fl-​affarijiet tajbin kollha li jkunu għamlu biex jgħinu lil oħrajn.

15. X’nistgħu nagħmlu biex ninkuraġġixxu lil dawk li qed jaqdu lealment?

15 Ħafna indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet qalu li flimkien maʼ marthom ġew inkuraġġiti meta rċivew nota taʼ ringrazzjament wara li żaru kongregazzjoni. Dan hu minnu wkoll għall-​anzjani, missjunarji, pijunieri, u Beteliti, li lkoll jaqdu lil Ġeħova lealment. Billi nirringrazzjawhom, aħna nistgħu ninkuraġġuhom iktar milli naħsbu.

KIF ILKOLL NISTGĦU NINKURAĠĠIXXU

16. Liema affarijiet sempliċi jistgħu jinkuraġġixxu lil xi ħadd?

16 Xi ngħidu jekk ma ssibhiex faċli tgħid lil oħrajn kif tħossok dwarhom? Fil-​fatt, mhuwiex daqshekk diffiċli biex tinkuraġġixxi lil oħrajn. Ipprova tbissem lil xi ħadd. Jekk ma jitbissimx lura, jistaʼ jkun li għaddej minn problema u għandu bżonn maʼ min jitkellem. Int tistaʼ tfarrġu billi sempliċement tisimgħu.—Ġakbu 1:19.

17. Ħu żagħżugħ kif kien inkuraġġit?

17 Ħu żagħżugħ li jismu Henri kien imnikket ferm meta xi qraba tiegħu ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova. Wieħed minn dawn kien missieru, li kien anzjan. Indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet innota li Henri kien imdejjaq u  ħadu għal kafè. Hu semaʼ b’attenzjoni hekk kif Henri esprima kif kien iħossu. Wara l-​konversazzjoni, Henri rrealizza li l-​uniku mod kif setaʼ jgħin lil familtu tiġi lura fil-​verità kien billi hu stess jibqaʼ leali. Hu kien imfarraġ ukoll billi qara Salm 46, Sofonija 3:17, u Marku 10:29, 30.

Ilkoll kemm aħna nistgħu nsaħħu u ninkuraġġixxu lil xulxin (Ara paragrafu 18)

18. (a) Is-​Sultan Salamun x’kiteb dwar l-​inkuraġġiment? (b) Xi ssuġġerixxa l-​appostlu Pawlu?

18 X’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenzi taʼ Marthese u Henri? Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jfarraġ u jinkuraġġixxi ħu jew oħt li għandha bżonn. Is-​Sultan Salamun kiteb: “Kemm hi tajba kelma f’waqtha! Għajnejn ileqqu jferrħu l-​qalb; rapport tajjeb iħaxxen l-​għadam.” (Proverbji 15:23, 30) Tistaʼ taħseb dwar xi ħadd li taf li qed iħossu skuraġġit jew imdejjaq? Għala ma tagħmilx xi ħaġa sempliċi bħal li taqralu mit-​Torri tal-​Għassa jew mill-​websajt tagħna? Ukoll, Pawlu għallem li l-​kant flimkien tal-​għanjiet tas-​Saltna jistaʼ jġegħelna nħossuna aħjar. Hu kiteb: “Komplu għallmu u widdbu [jew, “inkuraġġixxu” *] lil xulxin b’salmi, tifħir lil Alla, għanjiet spiritwali b’radd il-​ħajr, u kantaw fi qlubkom lil Ġeħova.”—Kolossin 3:16; Atti 16:25.

19. L-​inkuraġġiment għala se jsir iktar u iktar importanti fil-​jiem li ġejjin, u x’għandna nagħmlu?

19 Hekk kif joqrob jum Ġeħova, se jkun saħansitra iktar importanti għalina li ninkuraġġixxu lil xulxin. (Ebrej 10:25) Aħna se nkunu ferħanin jekk nagħmlu bħalma wissa Pawlu: “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, bħalma fil-​fatt qed tagħmlu.”—1 Tessalonikin 5:11.

^ par. 11 L-​ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 18 Skont it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bl-​Ingliż, edizzjoni tal-​2013.