Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Nimitaw lil Ġeħova—Alla li jagħti l-inkuraġġiment

Nimitaw lil Ġeħova—Alla li jagħti l-inkuraġġiment

“Ikun imbierek Alla . . . li jfarraġna [jew, “jinkuraġġina” *] fit-​tribulazzjoni kollha tagħna.”—2 KORINTIN 1:3, 4.

GĦANJIET: 23, 152

1. Meta Adam u Eva rribellaw, Ġeħova kif ta inkuraġġiment u tama lill-​umanità?

ĠEĦOVA hu Alla li jagħti l-​inkuraġġiment. Hu ilu jagħmel dan mindu l-​bnedmin dinbu u saru imperfetti. Fil-​fatt, eżatt wara li Adam u Eva rribellaw kontrih, Hu pprovda profezija li, ladarba tiġi mifhuma, kienet se tagħti kuraġġ u tama lill-​bnedmin li kienu se jitwieldu fil-​futur. Din il-​profezija tinsab f’​Ġenesi 3:15 u twiegħed li Satana x-​Xitan u l-​għemejjel mill-​agħar kollha tiegħu se jinqerdu.—1 Ġwanni 3:8; Rivelazzjoni 12:9.

ĠEĦOVA INKURAĠĠIXXA LILL-​QADDEJJA TIEGĦU FIL-​PASSAT

2. Ġeħova kif inkuraġġixxa lil Noè?

2 Aħseb dwar kif Ġeħova inkuraġġixxa lill-​qaddej tiegħu Noè. In-​nies li kienu jgħixu fi żmienu kienu vjolenti u  immorali, u Noè u familtu biss kienu jqimu lil Ġeħova. Noè setaʼ skuraġġixxa ruħu. (Ġenesi 6:4, 5, 11; Ġuda 6) Imma Ġeħova ta lil Noè l-​kuraġġ li kellu bżonn biex ikompli jqimu u jagħmel dak li hu tajjeb. (Ġenesi 6:9) Ġeħova qal lil Noè li Hu kien se jeqred dik id-​dinja mill-​agħar, u spjegalu dak li kellu jagħmel sabiex familtu setgħet issalva. (Ġenesi 6:13-​18) Ġeħova kien Alla taʼ inkuraġġiment għal Noè.

3. Ġeħova kif inkuraġġixxa lil Ġożwè? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 Iktar tard, Ġeħova inkuraġġixxa lill-​qaddej tiegħu Ġożwè, li kellu biċċa xogħol kbira ħafna tistennieh. Hu kellu jwassal lill-​poplu t’Alla fl-​Art Imwiegħda u jegħleb l-​armati setgħanin tal-​ġnus li kienu jgħixu hemm. Ġeħova kien jaf li Ġożwè kellu kull raġun biex jibżaʼ, allura qal lil Mosè: “Inkariga lil Ġożwè u inkuraġġih u saħħu, għaliex hu dak li se jaqsam quddiem dan il-​poplu u dak li se jġegħelhom jirtu l-​art li se tara int.” (Dewteronomju 3:28) Imbagħad Ġeħova nnifsu inkuraġġixxa lil Ġożwè billi qallu: “Ma kkmandajtekx jien? Kun kuraġġuż u agħmel il-​ħila. Tinħasadx jew titwerwer, għax Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek kulfejn tmur.” (Ġożwè 1:1, 9) Kif taħseb li ħassu Ġożwè b’dan il-​kliem?

4, 5. (a) Ġeħova kif inkuraġġixxa lill-​poplu tiegħu fil-​passat? (b) Ġeħova kif inkuraġġixxa lil Ibnu?

4 Ġeħova inkuraġġixxa wkoll lill-​poplu tiegħu bħala grupp. Pereżempju, Ġeħova kien jaf li l-​Lhud kien se jkollhom bżonn l-​inkuraġġiment bħala lsiera f’Babilonja, u għalhekk tahom profezija inkuraġġanti, billi qal: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-​leminija tas-​sewwa.” (Isaija 41:10) Iktar tard, Ġeħova inkuraġġixxa lill-​Kristjani tal-​bidu, u hu qed jinkuraġġixxi lilna bl-​istess mod.—Aqra t-​2 Korintin 1:3, 4.

5 Ġeħova inkuraġġixxa wkoll lil Ibnu. Wara li Ġesù tgħammed, hu semaʼ leħen mis-​sema jgħid: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17) Tistaʼ timmaġina kemm saħħu dan il-​kliem lil Ġesù matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art?

ĠESÙ INKURAĠĠIXXA LIL OĦRAJN

6. Il-​parabbola tat-​talenti li qal Ġesù kif tistaʼ tinkuraġġina?

6 Ġesù imita lil Missieru billi inkuraġġixxa lil oħrajn biex ikunu leali. Hu għamel dan fil-​parabbola tat-​talenti, fejn semma li s-​sid qal lil kull ilsir leali: “Prosit, ilsir tajjeb u leali! Int urejt fedeltà fi ftit. Jien se naħtrek fuq ħafna. Ifraħ maʼ sidek.” (Mattew 25:21, 23) Dan il-​kliem inkuraġġixxa lid-​dixxipli tiegħu biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova lealment!

Ġesù inkuraġġixxa lil Pietru u saħansitra inkarigah biex isaħħaħ lil oħrajn

7. Ġesù kif inkuraġġixxa lill-​appostli, speċjalment lil Pietru?

7 Għalkemm l-​appostli spiss argumentaw dwar min minnhom kien l-​akbar, Ġesù dejjem kien paċenzjuż magħhom. Hu inkuraġġiehom biex ikunu umli u jaqdu lil oħrajn, minflok ma jkunu jridu li oħrajn jaqduhom.  (Luqa 22:24-​26) Għal diversi drabi Pietru żbalja u ddiżappunta lil Ġesù. (Mattew 16:21-​23; 26:31-​35, 75) Imma Ġesù qatt ma ċaħdu lil Pietru. Minflok, hu inkuraġġieh u saħansitra inkarigah biex isaħħaħ lil oħrajn.—Ġwanni 21:16.

L-​INKURAĠĠIMENT FI ŻMIEN IL-​QEDEM

8. Ħeżekija kif inkuraġġixxa lill-​kapijiet militari u lin-​nies taʼ Ġuda?

8 Anke qabel ma kellhom l-​eżempju taʼ Ġesù xi jsegwu, il-​qaddejja taʼ Ġeħova kienu jafu li kellhom jinkuraġġixxu lil xulxin. Aħseb dwar Ħeżekija. Meta l-​Assirjani kienu waslu biex jattakkaw Ġerusalemm, hu ġabar il-​kapijiet militari u n-​nies biex jinkuraġġihom, u dawn ‘bdew iqawwu qalbhom malli semgħu kliemu.’—Aqra t-​2 Kronaki 32:6-8.

9. X’nistgħu nitgħallmu dwar li nagħtu l-​inkuraġġiment minn Ġob?

9 Ukoll, aħna nistgħu nitgħallmu dwar li nagħtu l-​inkuraġġiment minn Ġob. Għalkemm hu stess kellu bżonn jiġi inkuraġġit, hu għallem lil oħrajn kif jinkuraġġixxu. Lill-​irġiel li marru biex ifarrġuh, Ġob qalilhom li kieku hu kien qed jipprova jfarraġhom, kien jgħid affarijiet biex isaħħaħhom u jġegħelhom iħossuhom aħjar, mhux affarijiet li jweġġgħuhom. (Ġob 16:1-5) Imma fl-​aħħar mill-​aħħar Ġob ġie inkuraġġit minn Eliħu u Ġeħova nnifsu.—Ġob 33:24, 25; 36:1, 11; 42:7, 10.

10, 11. (a) Bint Ġefta għala kellha bżonn l-​inkuraġġiment? (b) Illum, lil min nistgħu ninkuraġġixxu?

10 Bint Ġefta wkoll kellha bżonn l-​inkuraġġiment. Missierha, l-​Imħallef Ġefta, kien sejjer jiġġieled kontra l-​Għammonin. Hu għamel wegħda li jekk Ġeħova jgħinu jirbaħ il-​battalja, l-​ewwel persuna li toħroġ tiltaqaʼ miegħu meta jerġaʼ lura daru kienet se taqdi lil Ġeħova fit-​tabernaklu. Iżrael rebaħ il-​battalja, u l-​ewwel persuna li ħarġet tiltaqaʼ maʼ Ġefta kienet bintu, li ma kellux ħliefha. Qalb Ġefta kienet maqsuma. Imma hu żamm kelmtu u bagħat lil bintu biex taqdi fit-​tabernaklu għall-​kumplament taʼ ħajjitha.—Imħallfin 11:30-35.

11 Għalkemm dan kien diffiċli għal Ġefta, żgur li kien ħafna iktar diffiċli għal bintu. Minkejja dan, hi kienet lesta tagħmel dak li wiegħed missierha. (Imħallfin 11:36, 37) Dan kien ifisser li qatt ma kienet se tiżżewweġ jew ikollha tfal. Il-​linja tal-​familja kienet se tispiċċa. Hi kellha bżonn il-​faraġ u l-​inkuraġġiment. Il-​Bibbja tgħid: “Dan sar regola f’Israel: Minn sena għal sena l-​bniet taʼ Israel kienu jmorru jfaħħru lil bint Ġefta l-​Gilegħadi, erbat ijiem fis-​sena.” (Imħallfin 11:39, 40) Bint Ġefta tgħinna naħsbu dwar Kristjani llum li jibqgħu single sabiex ikunu jistgħu jagħmlu iktar għal Ġeħova. Nistgħu aħna  nfaħħruhom u ninkuraġġuhom?—1 Korintin 7:32-35.

L-​APPOSTLI INKURAĠĠEW LIL ĦUTHOM

12, 13. Pietru kif ‘saħħaħ lil ħutu’?

12 Fil-​lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù qal lill-​appostlu Pietru: “Xmun, Xmun, ara! Satana riedkom f’idejh biex jgħarbilkom bħal qamħ. Imma jien tlabt bil-​ħerqa għalik biex il-​fidi tiegħek ma tonqosx; u int, meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ lil ħutek.”—Luqa 22:31, 32.

L-ittri tal-appostli inkuraġġew lill-Kristjani tal-ewwel seklu, u għadhom jinkuraġġixxu lilna llum (Ara paragrafi 12-17)

13 Pietru kien wieħed minn dawk li ħadu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu. (Galatin 2:9) Hu inkuraġġixxa lill-​aħwa bl-​eżempju kuraġġuż tiegħu f’Pentekoste u wara. Lejn l-​aħħar tal-​ministeru twil tiegħu, hu kiteb lil ħutu: “Ktibtilkom bi ftit kliem biex ninkuraġġikom u nixhed bil-​ħeġġa li din hi l-​qalb tajba mhix mistħoqqa vera t’Alla; żommu sod fiha.” (1 Pietru 5:12) L-​ittri taʼ Pietru inkuraġġew lill-​Kristjani taʼ żmienu. U dawn l-​ittri għadhom qed jinkuraġġixxu lilna llum hekk kif nistennew il-​wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu bis-​sħiħ.—2 Pietru 3:13.

14, 15. Il-​kotba tal-​Bibbja li kiteb l-​appostlu Ġwanni kif jinkuraġġuna?

14 Anke l-​appostlu Ġwanni kien wieħed li ħa t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu. Hu kiteb rakkont tal-​Evanġelju interessanti ħafna dwar il-​ministeru taʼ Ġesù. Dan il-​ktieb tal-​Bibbja  inkuraġġixxa lill-​Kristjani għal mijiet taʼ snin u jkompli jinkuraġġixxi lilna llum. Pereżempju, fir-​rakkont taʼ Ġwanni biss naqraw l-​istqarrija taʼ Ġesù li l-​imħabba hi l-​kwalità li tidentifika lid-​dixxipli veri tiegħu.—Aqra Ġwanni 13:34, 35.

15 It-​tliet ittri li Ġwanni kiteb ukoll fihom veritajiet prezzjużi. Meta nħossuna skuraġġiti minħabba l-​iżbalji tagħna, ma nkunux aħna mfarrġin meta naqraw li s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa “jnaddafna minn kull dnub”? (1 Ġwanni 1:7) U jekk nibqgħu nħossuna ħatjin, ma nitfarrġux aħna meta naqraw li “Alla hu akbar minn qlubna”? (1 Ġwanni 3:20) Ġwanni hu l-​uniku kittieb tal-​Bibbja li kiteb li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8, 16) It-​tieni u t-​tielet ittra tiegħu jfaħħru lill-​Kristjani li jibqgħu “mexjin fil-​verità.”—2 Ġwanni 4; 3 Ġwanni 3, 4.

16, 17. L-​appostlu Pawlu kif inkuraġġixxa lill-​Kristjani tal-​bidu?

16 L-​appostlu Pawlu kien eżempju eċċellenti f’li jinkuraġġixxi lil ħutu. Ftit wara l-​mewt taʼ Ġesù, il-​biċċa l-​kbira tal-​appostli baqgħu Ġerusalemm, fejn kien hemm il-​ġemgħa li tiggverna. (Atti 8:14; 15:2) Il-​Kristjani fil-​Lhudija ppritkaw dwar Kristu lil nies li diġà kienu jemmnu li hemm Alla wieħed. Imma l-​ispirtu qaddis idderieġa lil Pawlu biex jipprietka lill-​Griegi, lir-​Rumani, u  oħrajn li qiemu ħafna allat.—Galatin 2:7-9; 1 Timotju 2:7.

17 Pawlu vvjaġġa fl-​inħawi fejn illum hemm it-​Turkija, il-​Greċja, u l-​Italja. Hu pprietka lin-​nies li kienu jgħixu hemm u li ma kinux Lhud, u fforma kongregazzjonijiet Kristjani. Il-​ħajja ma kinitx faċli għal dawk li kienu għadhom kemm saru Kristjani. In-​nies taʼ pajjiżhom ippersegwitawhom, allura kienu jeħtieġu l-​inkuraġġiment. (1 Tessalonikin 2:14) Madwar is-​sena 50, Pawlu kiteb ittra inkuraġġanti lill-​kongregazzjoni ġdida taʼ Tessalonika. Hu qal: “Aħna dejjem irroddu ħajr lil Alla meta nsemmukom ilkoll fit-​talb tagħna, għax bla waqfien inżommu f’moħħna l-​għemil tagħkom li ġej mill-​fidi u t-​taħbit tagħkom bl-​imħabba u s-​sabar tagħkom.” (1 Tessalonikin 1:2, 3) Ukoll, hu talabhom biex isaħħu lil xulxin u kiteb: “Ibqgħu farrġu [jew, “inkuraġġixxu” *] lil xulxin u ibnu lil xulxin.”—1 Tessalonikin 5:11.

IL-​ĠEMGĦA LI TIGGVERNA TAGĦTI L-​INKURAĠĠIMENT

18. Il-​ġemgħa li tiggverna fl-​ewwel seklu kif inkuraġġiet lil Filippu?

18 Fl-​ewwel seklu, Ġeħova uża l-​ġemgħa li tiggverna biex jinkuraġġixxi lill-​Kristjani kollha, inkluż dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjonijiet. Meta Filippu pprietka lis-​Samaritani dwar Kristu, il-​ġemgħa li tiggverna appoġġjatu. Din bagħtet lil Pietru u Ġwanni, żewġ membri tal-​ġemgħa li tiggverna, biex jitolbu għal dawk li kienu għadhom kemm saru Kristjani ħalli jirċievu l-​ispirtu qaddis. (Atti 8:5, 14-17) Filippu u dawn l-​aħwa ġodda kienu inkuraġġiti ferm mill-​appoġġ tal-​ġemgħa li tiggverna!

19. Il-​Kristjani tal-​bidu kif ħassewhom meta qraw l-​ittra mingħand il-​ġemgħa li tiggverna?

19 Iktar tard, il-​ġemgħa li tiggverna kellha bżonn tieħu deċiżjoni importanti. Kellhom il-​Kristjani li ma kinux Lhud jiġu ċirkonċiżi bħalma kienet titlob il-​Liġi taʼ Mosè mil-​Lhud? (Atti 15:1, 2) Wara li l-​ġemgħa li tiggverna talbet għall-​ispirtu qaddis u rraġunat mill-​Iskrittura, iddeċidiet li ma kienx għad hemm bżonn taʼ ċirkonċiżjoni. Imbagħad, kitbet ittra biex tispjega d-​deċiżjoni li ttieħdet u bagħtet aħwa rġiel biex iwassluha lill-​kongregazzjonijiet. Meta l-​Kristjani qraw din l-​ittra, huma “ferħu bl-​inkuraġġiment.”—Atti 15:27-32.

20. (a) Illum, il-​Ġemgħa li Tiggverna kif tinkuraġġina lkoll? (b) Liema mistoqsija se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

20 Illum, il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova tinkuraġġixxi lill-​Beteliti, lill-​qaddejja full-​time speċjali li jaqdu fil-​ministeru, u lilna lkoll. Bħall-​aħwa tal-​ewwel seklu, aħna nifirħu bl-​inkuraġġiment! Barra minn hekk, biex il-​Ġemgħa li Tiggverna tinkuraġġixxi lil dawk li telqu mill-​verità jerġgħu lura, fl-​2015 ipprovdiet il-​browxer Erġaʼ lura għand Ġeħova. Imma l-​inkuraġġiment għandu jiġi biss mingħand dawk li jieħdu t-​tmexxija, jew għandu jiġi mingħandna lkoll? Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu din il-​mistoqsija.

^ par. 2 Skont it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bl-​Ingliż, edizzjoni tal-​2013.

^ par. 17 Skont it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bl-​Ingliż, edizzjoni tal-​2013.