“M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-​verità.”—3 ĠWANNI 4.

GĦANJIET: 88, 41

1, 2. (a) Ħafna mit-​tfal tal-​immigranti xi problema jesperjenzaw? (b) X’mistoqsijiet se jiddiskuti dan l-​artiklu?

“MINDU kont żgħir, tkellimt bil-​lingwa tal-​ġenituri tiegħi, li kienu immigranti, kemm fid-​dar u kemm fil-​kongregazzjoni,” jgħid Joshua. “Imma wara li bdejt immur l-​iskola, bdejt nippreferi l-​lingwa lokali. Fi ftit snin, kont nitkellem biss bil-​lingwa lokali. Ma stajtx nifhem dak li jingħad fil-​laqgħat, u ma ħassejtnix nagħmel parti mill-​kultura tal-​ġenituri.” L-​esperjenza taʼ Joshua hi komuni.

2 Illum, hemm iktar minn 240,000,000 persuna li ma jgħixux fil-​pajjiż fejn twieldu. Jekk int ġenitur immigrant, kif tistaʼ tagħti l-​aħjar opportunità possibbli lil uliedek biex jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova u “jkomplu mexjin fil-​verità”? (3 Ġwanni 4) U oħrajn kif jistgħu jgħinu?

ĠENITURI, AGĦTU EŻEMPJU TAJJEB

3, 4. (a) Il-​ġenituri kif jistgħu jagħtu eżempju tajjeb lil uliedhom? (b) Il-​ġenituri x’m’għandhomx jistennew minn uliedhom?

3 Ġenituri, l-​eżempju tagħkom hu importanti ħafna jekk tixtiequ li wliedkom ikollhom relazzjoni personali maʼ  Ġeħova u jgħixu għal dejjem. Meta wliedkom jarawkom ‘tfittxu l-​ewwel is-​saltna,’ huma se jitgħallmu jistrieħu fuq Ġeħova għall-​bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum. (Mattew 6:33, 34) Minflok ma tfittex li tikseb iktar u iktar affarijiet materjali, agħti prijorità lis-​servizz tiegħek lil Ġeħova. Għix b’mod modest u pprova evita d-​dejn. Fittex “teżor fis-​sema,” jiġifieri, l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, u mhux il-​flus jew “il-​glorja tal-​bnedmin.”—Aqra Marku 10:21, 22; Ġwanni 12:43.

4 Qatt issir tant impenjat li ma jifdallekx ħin għal uliedek. Urihom li int kburi bihom meta jiddeċiedu li jpoġġu lil Ġeħova l-​ewwel minflok ma jfittxu li jiksbu l-​fama jew il-​flus, kemm jekk għalihom infushom u kemm jekk għalik. Evita l-​mentalità żbaljata li t-​tfal għandhom jipprovdu ħajja komda ħafna għall-​ġenituri. Ftakar li “t-​tfal m’għandhomx ifaddlu għall-​ġenituri, imma l-​ġenituri għal uliedhom.”—2 Korintin 12:14.

ĠENITURI, IPPROVAW EGĦLBU L-​PROBLEMI TAL-​LINGWA

5. Għala għandhom il-​ġenituri jitkellmu spiss dwar Ġeħova maʼ wliedhom?

5 Bħalma ġie pprofetizzat, nies “mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” qed jidħlu fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (Żakkarija 8:23) Imma jekk uliedek ma jifhmux il-​lingwa tiegħek sew, jistaʼ jkun diffiċli għalik li tgħallimhom il-​verità. Uliedek huma l-​iktar studenti tal-​Bibbja importanti li qatt se jkollok, u li “jieħdu għarfien” dwar Ġeħova jfisser il-​ħajja taʼ dejjem tagħhom. (Ġwanni 17:3) Sabiex it-​tfal tiegħek jitgħallmu t-​tagħlim taʼ Ġeħova, int għandek ‘titkellem dwaru’ spiss.—Aqra Dewteronomju 6:6, 7.

Uliedek huma l-​iktar studenti tal-​Bibbja importanti li qatt se jkollok

6. It-​tfal tiegħek kif jistgħu jibbenefikaw milli jitgħallmu l-​lingwa tiegħek? (Ara l-​ewwel stampa.)

6 X’aktarx uliedek se jitgħallmu l-​lingwa lokali mill-​iskola u mingħand oħrajn. Imma huma jitgħallmu l-​lingwa tiegħek meta int titkellem magħhom regolarment. Meta wliedek jitkellmu bil-​lingwa tiegħek, se jsibuha iktar faċli biex jitkellmu miegħek u jgħidulek kif iħossuhom. Imma hemm benefiċċji oħra. Meta t-​tfal tiegħek jitkellmu b’iktar minn lingwa waħda, dan itejjeb l-​abbiltà tagħhom li jaħsbu u jgħinhom jifhmu l-​ħarsa t’oħrajn. Dan jistaʼ jagħtihom ukoll opportunità jagħmlu iktar fil-​ministeru. “Nieħu pjaċir naqdi f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija,” tgħid Carolina, li l-​ġenituri tagħha huma immigranti. “U huwa eċċitanti li qed ngħin fejn il-​bżonn hu akbar.”

7. X’tistaʼ tagħmel jekk il-​lingwa hi taʼ sfida fil-​familja tiegħek?

7 Madankollu, hekk kif jitgħallmu l-​lingwa u l-​kultura lokali, xi tfal tal-​immigranti jistgħu jitilfu x-​xewqa u saħansitra l-​abbiltà li jikkomunikaw bil-​lingwa tal-​ġenituri tagħhom. Ġenituri, jekk dan jiddeskrivi lil uliedkom, tistgħu almenu titgħallmu ftit mil-​lingwa  lokali? Se jkun iktar faċli li trabbu lil uliedkom bħala Kristjani jekk tifhmu l-​konversazzjonijiet, id-​divertiment, u l-​ħowmwerk tagħhom u jekk tkunu tistgħu titkellmu direttament mal-​għalliema tagħhom. Veru, li titgħallem lingwa ġdida jirrikjedi l-​ħin, l-​isforz, u l-​umiltà. Imma hi xi ħaġa taʼ min jagħmilha. Pereżempju, jekk it-​tifel tiegħek b’xi mod jitlef is-​smigħ, sejjer int ma tipprovax titgħallem il-​lingwa tas-​sinjali sabiex tkun tistaʼ tikkomunika miegħu? Ma taqbilx li tifel li jikkomunika aħjar b’lingwa oħra jistħoqqlu l-​istess attenzjoni? *—Ara n-​nota taʼ taħt.

8. Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jekk int ma titkellimx sew bil-​lingwa lokali?

8 Jistaʼ jkun diffiċli ħafna għal xi ġenituri immigranti biex isiru fluwenti fil-​lingwa l-​ġdida taʼ wliedhom. Dan jistaʼ ma jagħmilhiex faċli għall-​ġenituri biex jgħinu lit-​tfal tagħhom jifhmu “l-​kitba qaddisa.” (2 Timotju 3:15) Jekk int qiegħed f’din is-​sitwazzjoni, xorta tistaʼ tgħin lil uliedek isiru jafu u jħobbu lil Ġeħova. “Ommna, li trabbina waħedha, ma tantx kienet tifhem il-​lingwa li aħna konna nifhmu l-​iktar, u jien u ħuti l-​bniet ma konniex nitkellmu sew bil-​lingwa tagħha,” jgħid anzjan jismu Shan. “Imma meta rajnieha tistudja, titlob, u tagħmel l-​almu tagħha biex tagħmlilna l-​qima bħala familja kull ġimgħa, aħna fhimna illi li nsiru nafu lil Ġeħova kien importanti ħafna.”

9. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu tfal li jistaʼ jkollhom bżonn jistudjaw b’żewġ lingwi?

9 Xi tfal jistaʼ jkollhom bżonn jitgħallmu dwar Ġeħova b’żewġ lingwi. Għala? Għax jużaw lingwa waħda l-​iskola u oħra d-​dar. Għalhekk, xi ġenituri jużaw letteratura, rekordings bl-​awdjo, u vidjows biż-​żewġ lingwi. Biċ-​ċar, ġenituri immigranti għandhom jaħdmu iktar iebes sabiex jgħinu lil uliedhom jersqu qrib lejn Ġeħova.

TAʼ LIEMA LINGWA GĦANDEK TATTENDI L-​LAQGĦAT?

10. (a) Min għandu jiddeċiedi taʼ liema lingwa l-​familja għandha tattendi l-​laqgħat? (b) Il-​kapijiet tal-​familja x’għandhom jagħmlu qabel ma jieħdu deċiżjoni?

10 Meta “residenti barranin” ikunu jgħixu ’l bogħod minn Xhieda oħra li jitkellmu bil-​lingwa tagħhom, huma jkollhom bżonn jassoċjaw maʼ kongregazzjoni li titkellem bil-​lingwa lokali. (Salm 146:9) Imma jekk hemm kongregazzjoni viċin li tuża l-​lingwa tagħhom proprja, il-​kap tal-​familja għandu jiddeċiedi b’liema lingwa hu l-​aħjar li l-​familja tattendi l-​laqgħat. Qabel ma jieħu d-​deċiżjoni, hu se jaħseb sew u jitlob dwarha. Ukoll, se jitkellimha mal-​mara u t-​tfal. (1 Korintin 11:3) Hu x’se jikkunsidra? Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuh jieħu d-​deċiżjoni?

Il-​kap tal-​familja għandu jiddeċiedi b’liema lingwa hu l-​aħjar li l-​familja tattendi l-​laqgħat

11, 12. (a) Il-​lingwa kif taffettwa kemm it-​tfal jibbenefikaw mil-​laqgħat? (b) Xi tfal għaliex ma jridux jitgħallmu l-​lingwa tal-​ġenituri?

 11 Il-​ġenituri għandhom iqisu dak li verament għandhom bżonn uliedhom. Biex jifhmu l-​veritajiet tal-​Bibbja sew, it-​tfal għandhom bżonn iktar minn sempliċement ftit sigħat taʼ tagħlim Bibliku kull ġimgħa fil-​laqgħat. Imma kkunsidra dan: Waqt il-​laqgħat li jsiru bil-​lingwa li t-​tfal jifhmu l-​iktar, huma jistgħu jibbenefikaw sempliċement mill-​fatt li jkunu hemm, u jistaʼ jkun li jitgħallmu iktar minn kemm il-​ġenituri jistgħu jobsru. Imma jekk ma jifhmux il-​lingwa sew, jistgħu ma jkunux qed jitgħallmu. (Aqra l-​1 Korintin 14:9, 11.) U l-​lingwa proprja tat-​tifel mhux bilfors se tibqaʼ l-​lingwa li taffettwa l-​mod kif jaħseb jew iħossu. Fil-​fatt, xi tfal jistgħu jitgħallmu jagħmlu kummenti, preżentazzjonijiet, u taħditiet bil-​lingwa tal-​ġenituri tagħhom imma mingħajr ma jesprimu verament il-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tagħhom.

12 Ukoll, qalb tifel mhix influwenzata biss bil-​lingwa. Dan nistgħu narawh mill-​każ taʼ Joshua, li diġà ssemma. Oħtu Esther tgħid: “It-​tfal huma influwenzati mil-​lingwa, il-​kultura, u r-​reliġjon tal-​ġenituri.” Jekk it-​tfal ma jħossux li huma parti mill-​kultura tal-​ġenituri, huma jistgħu ma jkunux iridu jitgħallmu l-​lingwa u r-​reliġjon t’ommhom u missierhom. Il-​ġenituri immigranti x’jistgħu jagħmlu?

13, 14. (a) Koppja immigranti għala ħadu lill-​familja tagħhom f’kongregazzjoni tal-​lingwa lokali? (b) Il-​ġenituri kif żammew relazzjoni soda maʼ Ġeħova?

13 Ġenituri Kristjani jpoġġu l-​bżonnijiet tat-​tfal qabel il-​preferenzi personali tagħhom. (1 Korintin 10:24) Samuel, missier Joshua u Esther, jgħid: “Jien u marti nnotajna lil uliedna biex naraw liema lingwa l-​iktar li tmissilhom qalbhom, u tlabna għall-​għerf. It-​tweġiba ma kinitx dak li kien jaqblilna nagħmlu personalment. Imma meta rajna li ma tantx kienu qed jibbenefikaw bil-​lingwa tagħna, iddeċidejna li mmorru f’kongregazzjoni tal-​lingwa lokali. Flimkien, aħna attendejna l-​laqgħat u ħadna sehem fil-​ministeru regolarment. Stidinna wkoll ħbieb mil-​lokal biex jieklu magħna u noħorġu flimkien. Dan kollu għen lit-​tfal isiru jafu lill-​aħwa u jsiru jafu lil Ġeħova, mhux biss bħala Alla tagħhom imma wkoll bħala Missier u Ħabib. Aħna nqisu dan taʼ ħafna iktar importanza milli jkunu jafu sew il-​lingwa tagħna.”

14 Samuel iżid: “Biex nibqgħu b’saħħitna spiritwalment, jien u marti attendejna wkoll laqgħat bil-​lingwa tagħna stess. Ħajjitna kienet mimlija ferm, u konna negħjew. Imma nirringrazzjaw lil Ġeħova talli bierek l-​isforzi u s-​sagrifiċċji tagħna. It-​tlett itfal tagħna kollha qed jaqdu lil Ġeħova fil-​ministeru full-​time.”

X’JISTGĦU JAGĦMLU Ż-​ŻGĦAŻAGĦ

15. Oħt jisimha Kristina għala ħasset li setgħet tmur aħjar f’kongregazzjoni li użat il-​lingwa lokali?

15 Meta t-​tfal jikbru, għandhom mnejn jirrealizzaw li jistgħu jaqdu lil Ġeħova aħjar f’kongregazzjoni li tuża l-​lingwa li jifhmu l-​iktar. Jekk inhu hekk, il-​ġenituri m’għandhomx iħossu li wliedhom  qed iwarrbuhom. “Kont naf il-​bażi tal-​lingwa tal-​ġenituri, imma l-​lingwaġġ użat fil-​laqgħat kien diffiċli wisq għalija,” tiftakar Kristina. “Meta kelli 12-​il sena, attendejt konvenzjoni bil-​lingwa tal-​iskola tiegħi. Għall-​ewwel darba, fhimt li dak li kont qed nismaʼ kien il-​verità! Bidla pożittiva oħra kienet meta bdejt nitlob bil-​lingwa tal-​iskola. Stajt nitkellem maʼ Ġeħova minn qalbi!” (Atti 2:11, 41) Meta għalqet 18, Kristina tkellmet dwar il-​kwistjoni mal-​ġenituri u ddeċidiet li tmur f’kongregazzjoni li użat il-​lingwa lokali. Hi tgħid: “Li nitgħallem dwar Ġeħova bil-​lingwa tal-​iskola qanqalni biex naġixxi.” Wara ftit, Kristina bdiet taqdi bħala pijuniera regolari u tinsab ferħana ħafna.

16. Nadia għala hi kuntenta li baqgħet fil-​kongregazzjoni tal-​lingwa barranija?

16 Żagħżugħ jew żagħżugħa, taħseb li tippreferi tkun parti minn kongregazzjoni tal-​lingwa lokali? Jekk iva, aħseb għaliex. Tixtieq int tmur f’din il-​kongregazzjoni għax dan se jgħinek tersaq eqreb lejn Ġeħova? (Ġakbu 4:8) Jew għax ma tridx li ommok u missierek joqogħdu għassa għal kull pass li tagħmel jew għax ma trid tagħmel ebda sforz? “Meta jien u ħuti sirna adoloxxenti, ridna mmorru fil-​kongregazzjoni tal-​lingwa lokali,” tgħid Nadia, li issa taqdi f’Betel. Imma l-​ġenituri tagħha kienu jafu li ċaqliqa bħal din ma kinitx se tkun taʼ ġid għar-​relazzjoni tat-​tfal maʼ Ġeħova. “Issa ninsabu grati li l-​ġenituri ħadmu iebes biex jgħallmuna l-​lingwa tagħhom u jżommuna fil-​kongregazzjoni tal-​lingwa barranija. Dan tejbilna ħajjitna u tana iktar opportunitajiet biex ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova.”

KIF OĦRAJN JISTGĦU JGĦINU

17. (a) Ġeħova lil min taha r-​responsabbiltà tat-​trobbija tat-​tfal? (b) Il-​ġenituri minn fejn jistgħu jiksbu għajnuna biex jgħallmu l-​verità lil uliedhom?

17 Ġeħova ta lill-​ġenituri r-​responsabbiltà li jgħallmu l-​verità lil uliedhom. Hu la taha lin-​nanniet u lanqas lil xi ħadd ieħor. (Aqra Proverbji 1:8; 31:10, 27, 28.) Xorta waħda, ġenituri li ma jafux il-​lingwa lokali għandhom mnejn ikollhom bżonn l-​għajnuna biex jilħqu qalb uliedhom. Meta l-​ġenituri jitolbu l-​għajnuna, ma jfissirx li qed jipprovaw ifarfru mir-​responsabbiltà li jrabbu lil uliedhom. Anzi, din tistaʼ tkun parti milli jrabbu t-​tfal “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) Pereżempju, il-​ġenituri jistgħu jitolbu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni jagħtuhom suġġerimenti dwar kif jikkonduċu l-​qima bħala familja u jgħinuhom isibu ħbieb tajbin għal uliedhom.

Kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri jibbenefikaw milli jassoċjaw mal-kongregazzjoni (Ara paragrafi 18, 19)

18, 19. (a) Kristjani oħra kif jistgħu jgħinu lit-​tfal? (b) Il-​ġenituri x’għandhom ikomplu jagħmlu?

18 Biex jgħinu lil uliedhom, il-​ġenituri jistgħu minn żmien għall-​ieħor jistiednu għandhom familji oħra għall-​qima bħala familja. Ukoll, ħafna żgħażagħ jitgħallmu minn Kristjani oħrajn meta jaħdmu magħhom fil-​ministeru u jagħmlu affarijiet oħra flimkien. (Proverbji 27:17) “Niftakarhom sew l-​aħwa li ħadu ħsiebi,” jgħid Shan, li diġà ssemma. “Meta kienu jgħinuni fit-​taħditiet tal-​istudenti,  dejjem tgħallimt iktar. U kont nieħu pjaċir inqattaʼ l-​ħin liberu magħhom f’attivitajiet bħala grupp.”

19 Ovvjament, dawk li l-​ġenituri jagħżlu biex jgħinu lil uliedhom għandhom dejjem jinkuraġġixxu lit-​tfal biex jirrispettaw lil ommhom u lil missierhom. Dan jistaʼ jsir billi jitkellmu b’mod pożittiv dwar il-​ġenituri u ma jiħdux ir-​responsabbiltà li dawn għandhom biex irabbu lil uliedhom. Ukoll, dawk li qed jgħinu għandhom jevitaw kwalunkwe kondotta li tistaʼ tidher moralment ħażina f’għajnejn uħud barra jew ġewwa l-​kongregazzjoni. (1 Pietru 2:12) Għalkemm il-​ġenituri jistgħu jitolbu l-​għajnuna t’oħrajn, xorta hi r-​responsabbiltà tagħhom li jgħallmu l-​verità lil uliedhom. Huma għandhom josservaw b’attenzjoni l-​għajnuna li tingħata minn Kristjani oħra.

20. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom isiru qaddejja leali taʼ Ġeħova?

20 Ġenituri, itolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna, u agħmlu l-​aħjar li tistgħu. (Aqra t-​2 Kronaki 15:7.) Poġġu l-​ħbiberija taʼ wliedkom maʼ Ġeħova qabel l-​interessi personali tagħkom. Stinkaw biex tagħmlu ċert li l-​Kelma t’Alla tilħaq qalb uliedkom. Qatt taqtgħu qalbkom li wliedkom jistgħu jsiru qaddejja taʼ Ġeħova. Meta huma jsegwu l-​Kelma t’Alla u l-​eżempju tajjeb tagħkom, se tħossukom bħalma ħassu l-​appostlu Ġwanni dwar it-​tfal figurattivi tiegħu: “M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-​verità.”—3 Ġwanni 4.

^ par. 7 Ara l-​artiklu “You Can Learn Another Language!” fi Stenbaħ! bl-​Ingliż taʼ Marzu 2007, paġni 10-​12.