Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Li tkun moħħok fl-​ispirtu jfisser ħajja u paċi”

“Li tkun moħħok fl-​ispirtu jfisser ħajja u paċi”

 “Dawk li huma f’armonija maʼ l-​ispirtu [jixħtu moħħhom] fuq l-​affarijiet taʼ l-​ispirtu.”—RUMANI 8:5.

GĦANJIET: 57, 52

1, 2. Il-​Kristjani midlukin għala huma interessati f’​Rumani kapitlu 8?

MATUL iż-​żmien tat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù għandu mnejn qrajt Rumani 8:15-​17. Dawn il-​versi jispjegaw kif il-​Kristjani midlukin jafu li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fis-​sema. Rumani 8:1 jitkellem dwar il-​midlukin bħala “dawk li qegħdin f’unjoni maʼ Kristu.” Imma Rumani kapitlu 8 japplika biss għall-​midlukin? Jew jistaʼ wkoll jgħin lil dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-​art?

2 Rumani kapitlu 8 nkiteb l-​aktar għall-​midlukin. Huma jirċievu “l-​ispirtu” bħala dawk ‘li qed jistennew bil-​ħerqa l-​adozzjoni bħala wlied, li jinħelsu mill-​ġisem [fiżiku tagħhom].’ (Rumani 8:23) Fil-​futur, se jkunu wlied Alla fis-​sema. Ġeħova ħafer id-​dnubiet tagħhom fuq il-​bażi tal-​fidwa. Hu ddikjarahom ġusti ħalli jkunu jistgħu jkunu wliedu.—Rumani 3:23-​26; 4:25; 8:30.

3. Dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-​art għala għandhom ukoll jistudjaw Rumani kapitlu 8?

 3 Madankollu, iktar kmieni fil-​ktieb tar-​Rumani, Pawlu kiteb dwar raġel li ma kienx midluk imma li xorta kien ikkunsidrat ġust minn Ġeħova. Dan kien Abraham. Dar-​raġel leali għex ħafna qabel ma Ġesù ta ħajtu bħala fidwa. (Aqra Rumani 4:20-​22.) Illum, Ġeħova jistaʼ wkoll jikkunsidra ġusti lil dawk il-​Kristjani leali li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Huma wkoll jistgħu jibbenefikaw mill-​parir mogħti f’​Rumani kapitlu 8.

4. X’għandna nistaqsu lilna nfusna meta naqraw Rumani 8:21?

4 F’​Rumani 8:21, insibu l-​garanzija taʼ Ġeħova li d-​dinja l-​ġdida tiegħu se tiġi u li l-​bnedmin se jinħelsu mid-​dnub u l-​mewt. Dal-​vers jgħid li huma se jgawdu “l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” Timmaġinak f’din id-​dinja l-​ġdida? Ejja niddiskutu x’għandna bżonn nagħmlu biex ngħixu hemm.

“LI TKUN MOĦĦOK FIL-​LAĦAM”

5. Pawlu liema sitwazzjoni ddeskriva f’​Rumani 8:4-​13?

5 Aqra Rumani 8:4-​13. Fit-​tmien kapitlu tar-​Rumani, Pawlu ddeskriva żewġ tipi differenti taʼ nies, dawk li jgħixu “skond il-​laħam” u dawk li jgħixu “skond l-​ispirtu.” Xi wħud jaħsbu  li Pawlu kien qed jiddeskrivi dawk li ma kinux Kristjani u dawk li kienu. Imma hawnhekk Pawlu kien qed jikteb lill-​Kristjani, dawk li kienu “msejħin biex ikunu qaddisin.” (Rumani 1:7) Allura kemm dawk li għexu “skond il-​laħam” u kemm dawk li għexu “skond l-​ispirtu” kienu Kristjani. Kif kienu differenti minn xulxin?

6, 7. (a) X’inhuma xi tifsiriet tal-​kelma “laħam” fil-​Bibbja? (b) Il-​kelma “laħam” kif inhi użata f’​Rumani 8:4-​13?

6 Meta l-​Bibbja tuża l-​kelma “laħam,” tistaʼ tirreferi għal diversi affarijiet. Xi kultant tfisser il-​laħam tal-​ġisem fiżiku tagħna. (Rumani 2:28; 1 Korintin 15:39, 50) Tistaʼ tirreferi wkoll għal relazzjoni taʼ familja. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid “li skond il-​laħam” Ġesù “ġie minn nisel David,” u Pawlu sejjaħ lil-​Lhud ‘qrabatu skond il-​laħam.’—Rumani 1:3; 9:3.

7 Allura, x’ried ifisser Pawlu meta tkellem dwar dawk li għexu “skond il-​laħam” f’​Rumani 8:4-​13? Biex insibu t-​tweġiba, nistgħu naraw Rumani 7:5. Hemmhekk Pawlu kiteb: “Meta konna f’armonija mal-​laħam, il-​passjonijiet midinbin li nkixfu mil-​Liġi kienu qed jaħdmu fil-​membri taʼ ġisimna.” Hawnhekk Pawlu spjega li n-​nies li jgħixu “f’armonija mal-​laħam” huma dawk li jkunu ffokati fuq u jsegwu x-​xewqat midinba tagħhom, u li jagħmlu kulma jridu.

8. Pawlu għala wissa lill-​Kristjani midlukin kontra li jgħixu “f’armonija mal-​laħam”?

 8 Pawlu għala wissa lill-​Kristjani midlukin kontra li jgħixu “f’armonija mal-​laħam”? U għala kull Kristjan illum għandu bżonn din it-​twissija? Dan għaliex kwalunkwe qaddej leali t’Alla jistaʼ jibda jagħmel ix-​xewqat tiegħu l-​ħaġa prinċipali f’ħajtu. Pereżempju, Pawlu kiteb li xi aħwa rġiel f’Ruma kienu lsiera “taʼ żaqqhom stess.” B’dan forsi ried ifisser li s-​sess, l-​ikel, jew pjaċiri oħra kienu l-​iktar affarijiet importanti f’ħajjithom. (Rumani 16:17, 18; Filippin 3:18, 19; Ġuda 4, 8, 12) U għal xi żmien, kien hemm sitwazzjoni fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu fejn ħu kien qed ikollu relazzjoni immorali mal-​“mara taʼ missieru.” (1 Korintin 5:1) B’mod ċar, dawk il-​Kristjani tal-​bidu kellhom bżonn it-​twissija taʼ Pawlu dwar li jgħixu “f’armonija mal-​laħam.”—Rumani 8:5, 6.

9. Rumani 8:6 dwar xiex mhux qed jitkellem?

9 Din it-​twissija tgħodd għal-​lum ukoll. Anke persuna li tkun ilha taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin tistaʼ tibda tgħix “f’armonija mal-​laħam.” Allura, kien Pawlu qed jgħid li m’għandna qatt naħsbu dwar affarijiet bħall-​ikel, l-​impjieg, ir-​rikreazzjoni, jew ir-​romantiċiżmu? Dażgur li le. Dawn huma affarijiet normali fil-​ħajja. Anke Ġesù gawda l-​ikel u temaʼ lil oħrajn. Ukoll irrealizza li kellu bżonn il-​mistrieħ. U Pawlu kiteb li r-​relazzjonijiet sesswali għandhom post importanti fiż-​żwieġ.

X’juru l-konversazzjonijiet tagħna? (Ara paragrafi 10, 11)

10. Xi tfisser l-​espressjoni “li tkun moħħok” f’xi ħaġa?

10 X’ried ifisser Pawlu bl-​espressjoni “li tkun moħħok” f’xi ħaġa? Il-​kelma Griega li Pawlu uża tirreferi għal li tiffoka l-​ħsibijiet u l-​pjanijiet kollha tiegħek fuq xi ħaġa. Studjuż jispjega li din l-​espressjoni tirreferi għal dawk li “huma l-​iżjed interessati fix-​xewqat egoistiċi tagħhom, jitkellmu l-​ħin kollu dwarhom,” u jiffokaw l-​iktar fuqhom. Huma jħallu dawn ix-​xewqat jikkontrollaw il-​mod kif jgħixu.

X’inhu l-​interess prinċipali f’ħajjitna?

11. X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jsiru importanti wisq għalina?

11 Il-​Kristjani f’Ruma kellhom bżonn jeżaminaw lilhom infushom u jaraw fuq xiex kien moħħhom. Kien fuq “l-​affarijiet tal-​laħam”? Illum, aħna wkoll għandna bżonn naħsbu dwar x’inhu l-​iktar importanti għalina. Dwar xiex inħobbu nitkellmu l-​iktar? Xi nħobbu nagħmlu verament? Xi wħud forsi jirrealizzaw li l-​ħin kollu jaħsbu dwar li jipprovaw tipi differenti taʼ nbid, iżejnu djarhom, jixtru ħwejjeġ ġodda, jinvestu l-​flus, jew jippjanaw vaganzi. Dawn l-​affarijiet mhumiex ħżiena. Jistgħu jkunu affarijiet normali f’ħajjitna. Pereżempju, anke Ġesù pprovda l-​inbid waqt tieġ, u Pawlu ssuġġerixxa lil Timotju biex jieħu “naqra nbid” minħabba saħħtu. (1 Timotju 5:23;  Ġwanni 2:3-​11) Imma l-​inbid ma kienx l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom. Xi ngħidu għalina? X’inhu l-​interess prinċipali f’ħajjitna?

12, 13. Għala għandna noqogħdu attenti fuq xiex niffokaw?

12 Pawlu wissa: “Li tkun moħħok fil-​laħam ifisser mewt.” (Rumani 8:6) X’ried ifisser b’dan? Jekk ngħixu “f’armonija mal-​laħam,” nistgħu nitilfu r-​relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova issa u l-​ħajja tagħna fil-​futur. Imma dan m’għandux għalfejn jiġri. Persuna tistaʼ tinbidel. Tiftakru r-​raġel immorali f’Korintu li kellu jiġi maqtugħ mis-​sħubija? Hu nbidel u waqaf isegwi x-​xewqat immorali li kellu. Għal darb’oħra, beda jaqdi lil Ġeħova b’mod nadif.—2 Korintin 2:6-​8.

13 Dar-​raġel kien eżempju estrem taʼ li ngħixu “f’armonija mal-​laħam,” u minkejja dan anke hu setaʼ jinbidel. Għalhekk, jekk Kristjan illum beda jsegwi x-​xewqat midinba tiegħu minflok il-​livelli taʼ Ġeħova, anke hu jistaʼ jinbidel. Li niftakru fit-​twissija taʼ Pawlu jistaʼ jimmotivana nagħmlu kwalunkwe bidla meħtieġa.

“LI TKUN MOĦĦOK FL-​ISPIRTU”

14, 15. (a) Pawlu fuq xiex issuġġerixxa li nitfgħu moħħna? (b) “Li tkun moħħok fl-​ispirtu” x’ma jfissirx?

14 Wara li Pawlu tkellem dwar il-​perikli taʼ “li tkun moħħok fil-​laħam,” hu spjega: “Li tkun moħħok fl-​ispirtu jfisser ħajja u paċi.” Xi premju meraviljuż jistaʼ jkollna!

15 Imma “li tkun moħħok fl-​ispirtu” ma jfissirx li ma tkunx qed tgħix f’dinja. Ma jfissirx li xi ħadd jaħseb u jitkellem dwar Ġeħova jew il-​Bibbja biss. Pereżempju, il-​qaddejja t’Alla fl-​ewwel seklu għexu ħajja normali. Huma gawdew ikel u xorb, iżżewġu, rabbew familji, u kellhom xogħlijiet.—Marku 6:3; 1 Tessalonikin 2:9.

L-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja taʼ Pawlu kienet li jaqdi lil Alla

16. X’kienet l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja taʼ Pawlu?

16 Imma Pawlu u Kristjani oħrajn tal-​bidu ma ħallewx dawn l-​attivitajiet normali jsiru l-​iktar affarijiet importanti f’ħajjithom. Pereżempju, aħna nafu li Pawlu qalaʼ l-​għajxien tiegħu billi jagħmel it-​tined. Imma dan ix-​xogħol ma kienx l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtu. L-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja taʼ Pawlu kienet li jaqdi lil Alla. Pawlu kien iffokat fuq ix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim. (Aqra Atti 18:2-​4; 20:20, 21, 34, 35.) L-​aħwa rġiel u nisa f’Ruma kellhom bżonn jimitaw lil Pawlu, u anke aħna.—Rumani 15:15, 16.

17. X’inhuma l-​benefiċċji taʼ ‘li nkunu moħħna fl-​ispirtu’?

17 Kif tkun ħajjitna jekk niffokaw fuq li naqdu lil Ġeħova? Rumani 8:6 jgħid:  “Li tkun moħħok fl-​ispirtu jfisser ħajja u paċi.” Li nagħmlu dan jinkludi li nħallu ’l moħħna jiġi gwidat bl-​ispirtu taʼ Ġeħova u li nitgħallmu naħsbu kif jaħseb hu. Ġeħova jwegħedna ħajja ferħana u sodisfaċenti issa u ħajja taʼ dejjem fil-​futur.

Grazzi għal Ġeħova, aħna jistaʼ jkollna paċi tal-​moħħ vera

18. Kif jistaʼ jkollna l-​paċi meta ‘nkunu moħħna fl-​ispirtu’?

18 X’ried ifisser Pawlu meta qal ‘li nkunu moħħna fl-​ispirtu’ jistaʼ jġibilna l-​paċi? Kulħadd irid il-​paċi, speċjalment paċi tal-​moħħ, imma ftit li xejn isibuha. Grazzi għal Ġeħova, aħna jistaʼ jkollna paċi tal-​moħħ vera. Jistaʼ jkollna l-​paċi wkoll maʼ dawk fil-​familja tagħna u dawk fil-​kongregazzjoni. Ladarba aħna imperfetti, kultant se jkollna problemi maʼ ħutna. Meta jiġri hekk, aħna nsegwu l-​parir taʼ Ġesù: “Agħmel paċi maʼ ħuk.” (Mattew 5:24) Ftakar li ħutek ukoll jaqdu lil Ġeħova, “l-​Alla li jagħti l-​paċi.”—Rumani 15:33; 16:20.

19. Liema tip taʼ paċi unika nistgħu ngawdu?

19 Jekk ‘inkunu moħħna fl-​ispirtu,’ se jkollna wkoll il-​paċi m’Alla. Il-​profeta Isaija kiteb: “Dak li l-​inklinazzjoni taʼ qalbu hija soda int [Ġeħova] se tħarsu f’paċi kontinwa, għax jafda fik.”—Isaija 26:3; aqra Rumani 5:1.

20. Għala int grat għall-​parir taʼ Rumani kapitlu 8?

20 Kemm jekk nittamaw li ngħixu għal dejjem fis-​sema jew fuq l-​art, ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw mill-​kliem mimli għerf li jinsab f’​Rumani kapitlu 8. Aħna grati li l-​Bibbja tinkuraġġina biex niffokaw fuq li naqdu lil Ġeħova milli fuq ix-​xewqat tagħna. Aħna nafu li billi ‘nkunu moħħna fl-​ispirtu,’ jistaʼ jkollna premju meraviljuż. Pawlu kiteb: “L-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.”—Rumani 6:23.