Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq Ġeħova

Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq Ġeħova

‘Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq [Ġeħova], għax hu jimpurtah minnkom.’—1 PIETRU 5:7.

GĦANJIET: 60, 23

1, 2. (a) Għala nesperjenzaw l-​ansjetà? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

ILLUM, Satana “jħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8; Rivelazzjoni 12:17) B’hekk, il-​ħajja mimlija stress, u anke l-​qaddejja t’Alla jkollhom l-​ansjetà. Il-​qaddejja t’Alla fil-​passat ukoll għaddew minn mumenti t’ansjetà. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid li s-​Sultan David kultant ħassu ansjuż. (Salm 13:2) U l-​appostlu Pawlu esperjenza “ansjetà għall-​kongregazzjonijiet kollha.” (2 Korintin 11:28) Imma x’nistgħu nagħmlu meta nkunu maħkumin mill-​ansjetà?

2 Missierna tas-​sema kollu mħabba għen lill-​qaddejja tiegħu fil-​passat sabiex isibu serħan mill-​ansjetà, u hu jrid jagħmel l-​istess għalina llum. Il-​Bibbja tħeġġiġna: ‘Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.’ (1 Pietru 5:7) Iżda, kif nistgħu nagħmlu dan?  Se nikkunsidraw erbaʼ modi. Int tistaʼ (1) titlob, (2) taqra u timmedita fuq il-​Kelma t’Alla, (3) tħalli l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jgħinek, u (4) titkellem maʼ xi ħadd li tafda dwar kif tħossok. Hekk kif neżaminaw dawn l-​erbaʼ modi, ipprova sib aspetti li fihom tixtieq titjieb.

“IXĦET TOQLOK FUQ ĠEĦOVA”

3. Kif tistaʼ ‘tixħet toqlok fuq Ġeħova’?

3 L-​ewwel mod kif nistgħu nitfgħu l-​ansjetà tagħna fuq Ġeħova hu permezz taʼ talb sinċier. Meta tkun ansjuż, Missierek tas-​sema kollu mħabba jridek tesprimi l-​iktar sentimenti profondi tiegħek miegħu. Is-​salmista David talab lil Ġeħova bil-​ħrara: “Agħti widen, O Alla, għat-​talba tiegħi.” Fl-​istess salm, David qal ukoll: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.” (Salm 55:1, 22) Wara li tkun għamilt kulma stajt biex issolvi problema, talb mill-​qalb lil Ġeħova se jgħin iktar milli toqgħod tinkwieta. Imma t-​talb kif jaħdem? Kif jistaʼ jgħinna nevitaw li nħossuna maħkumin mill-​ansjetà?—Salm 94:18, 19.

4. It-​talb għala hu daqstant importanti meta nħossuna ansjużi?

4 Aqra Filippin 4:6, 7Ġeħova kif iwieġeb għat-​talb mill-​qalb u persistenti tagħna? Hu jistaʼ jgħinna nħossuna kalmi u nevitaw ħsibijiet u sentimenti negattivi. Minflok ma jkollna ansjetà u biżaʼ, Alla jgħinna jkollna paċi ġewwinija l-​iktar profonda li qatt nistgħu nesperjenzaw. Ħafna minn ħutna ħassew din il-​kalma. Int tistaʼ tħossok hekk ukoll. “Il-​paċi t’Alla” tistaʼ tgħinek tegħleb kwalunkwe sfida! Int tistaʼ tafda b’għajnejk magħluqa l-​wegħda taʼ Ġeħova: “Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.”—Isaija 41:10.

PAĊI ĠEWWINIJA MILL-​KELMA T’ALLA

5. Il-​Kelma t’Alla kif tistaʼ tgħinek issib paċi ġewwinija?

5 It-​tieni mod biex insibu paċi ġewwinija hu billi naqraw u nimmeditaw fuq versi mill-​Bibbja. Dan għala hu importanti? Il-​Bibbja hi l-​Kelma t’Alla. Fiha pariri għaqlin u prattiċi mill-​Ħallieq tagħna. Ikun meta jkun li tħossok ansjuż, int tistaʼ taħseb fil-​fond dwar il-​ħsibijiet t’Alla u timmedita fuq kif il-​pariri tiegħu jistgħu jgħinuk. Dan jistaʼ jgħinek tegħleb, tnaqqas, u saħansitra tevita l-​ansjetà. Ġeħova speċifikament rabat il-​qari tal-​Kelma tiegħu maʼ li tkun ‘kuraġġuż u tagħmel il-​ħila’ u mhux maʼ li ‘tinħasad jew titwerwer.’—Ġożwè 1:7-​9.

Fidi soda f’Ġeħova se tgħinna jkollna l-​fiduċja li hu bi mħabba se jipprovdilna l-​affarijiet li neħtieġu

6. Kliem Ġesù kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalik?

6 Fil-​Kelma t’Alla naqraw dwar kif  Ġesù kellem lin-​nies. Kienet l-​għaxqa tagħhom jisimgħuh għaliex kliemu kien taʼ faraġ u serħan, speċjalment għal dawk li kienu dgħajfin jew dipressi. (Aqra Mattew 11:28-​30.) Ġesù kien jinteressah ħafna minn kif ħassewhom oħrajn. (Marku 6:30-​32) Bħalma Ġesù wiegħed li jgħin lill-​appostli li vvjaġġaw miegħu, hu se jgħin lilna llum. M’hemmx bżonn inkunu maʼ Ġesù sabiex nibbenefikaw. Bħala s-​Sultan tagħna fis-​sema, Ġesù jkompli juri mħabba lejna. Allura, meta tkun ansjuż tistaʼ taċċerta ruħek li se jkun hemm għalik u jgħinek fil-​waqt it-​tajjeb. Ġesù jagħtina tama u kuraġġ, li jgħinuna negħlbu l-​ansjetà.—Ebrej 2:17, 18; 4:16.

KWALITAJIET LI JIĠU MILL-​ISPIRTU T’ALLA

7. Kif nibbenefikaw mill-​ispirtu qaddis t’Alla?

7 Ġesù wiegħed li Missierna se jagħtina l-​ispirtu qaddis meta nitolbuhulu. (Luqa 11:10-​13) Dan it-​tielet mod taʼ kif innaqqsu l-​ansjetà kif se jgħinna? L-​ispirtu qaddis t’Alla, jew il-​forza attiva, jgħinna niżviluppaw il-​kwalitajiet pożittivi li l-​Alla li jistaʼ kollox tagħna għandu. (Kolossin 3:10) Fil-​Bibbja, dawn il-​kwalitajiet jissejħu “l-​frott taʼ l-​ispirtu.” (Aqra Galatin 5:22, 23.) Meta niżviluppaw dawn il-​kwalitajiet tajbin, ir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn imorru għall-​aħjar, u se nevitaw sitwazzjonijiet li jistgħu jikkaġunaw l-​ansjetà. Ejja naraw kif il-​frott tal-​ispirtu se jgħinna b’modi speċifiċi.

8-12. Il-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla kif jistaʼ jgħinek?

8 “L-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi.” Meta tittratta lil oħrajn b’rispett, se ssib li tkun inqas ansjuż. Dan kif? Meta turi mħabba, affezzjoni tenera, u unur lejn l-​aħwa spiss tistaʼ tevita sitwazzjonijiet li jikkaġunaw sentimenti negattivi bħal rabja, frustrazzjoni, u stress. Dan se jagħmilha eħfef biex inżommu l-​paċi m’oħrajn.—Rumani 12:10.

Meta niżviluppaw kwalitajiet tajbin, ir-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn imorru għall-​aħjar

9 “Is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija.” Il-​Bibbja tgħid: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb.” (Efesin 4:32) Meta nsegwu dan il-​parir, se jkollna relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn, u se nevitaw li jkun hemm sitwazzjonijiet li jistgħu jqabbduna l-​ansjetà. Ukoll, se jkun eħfef biex nittrattaw maʼ sitwazzjonijiet li jiġu minħabba l-​imperfezzjoni tagħna.

10 “Il-​fidi.” Illum, spiss inkunu ansjużi dwar il-​flus u l-​affarijiet materjali. (Proverbji 18:11) Kif nistgħu nevitaw din it-​tip t’ansjetà? Aħna għandna nsegwu l-​parir tal-​appostlu Pawlu biex ‘inkunu kuntenti b’dak li għandna fil-​preżent.’ Fidi soda f’Ġeħova se tgħinna jkollna l-​fiduċja li hu bi mħabba se jipprovdilna l-​affarijiet li neħtieġu. Hu wiegħed: “Żgur ma nitilqekx u żgur  ma nabbandunakx.” Għalhekk nistgħu bħal Pawlu ngħidu: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?”—Ebrej 13:5, 6.

11 ‘Il-​ħlewwa, ir-​rażan.’ Aħseb kemm hu prattiku u t’għajnuna għalik li turi l-​ħlewwa u r-​rażan. Dawn il-​kwalitajiet se jżommuk milli tagħmel jew tgħid affarijiet li jġibulek ansjetà, u meta tevita “mrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir,” int se tibbenefika.—Efesin 4:31.

12 Għandek bżonn l-​umiltà biex tafda fl-​“id setgħana t’Alla” u biex ‘titfaʼ l-​ansjetà kollha tiegħek fuqu.’ (1 Pietru 5:6, 7) Jekk int umli, Ġeħova se jappoġġjak u jieħu ħsiebek. Meta tagħraf x’tistaʼ u x’ma tistax tagħmel, m’intix se tistrieħ fuqek innifsek. Se tkun inqas ansjuż għax tistrieħ fuq Alla.—Mikea 6:8.

“QATT TKUNU ANSJUŻI”

13. X’ried ifisser Ġesù meta qal: “Qatt tkunu ansjużi”?

13 F’​Mattew 6:34 (aqra), insibu l-​parir għaqli taʼ Ġesù: “Qatt tkunu ansjużi.” Dan il-​parir jistaʼ jidher impossibbli għalina biex napplikawh. Imma Ġesù x’ried ifisser? Aħna diġà tgħallimna li David u Pawlu kultant ħassewhom ansjużi. Ġesù ma riedx ifisser li wieħed li jaqdi lil Alla qatt ma kien se jħossu ansjuż. Minflok, Ġesù kien qed jgħin lid-​dixxipli tiegħu jifhmu li ansjetà bla bżonn, jew esaġerata, ma ssolvix problemi. Se jkun hemm sfidi kuljum, allura l-​Kristjani m’għandhomx iżidu iktar ansjetà billi jaħsbu dwar problemi tal-​passat jew tal-​futur. Il-​parir taʼ Ġesù kif jistaʼ jgħinek tnaqqas ansjetà qawwija?

14. Bħal David, kif tistaʼ tnaqqas l-​ansjetà?

14 Xi drabi n-​nies ikunu ansjużi minħabba xi żbalji li għamlu fil-​passat. Jistgħu jħossu ħtija esaġerata dwar dak li għamlu, għalkemm dan kien sar ħafna snin qabel. Kultant, is-​Sultan David ħassu megħlub minħabba l-​iżbalji tiegħu. Hu stqarr: “Għajjatt minħabba l-​krib taʼ qalbi.” (Salm 38:3, 4, 8, 18) F’din is-​sitwazzjoni, David għamel xi ħaġa għaqlija. Hu fada fil-​ħniena u l-​maħfra taʼ Ġeħova. U David imbagħad ħassu ferħan għax kien jaf li Alla kien ħafirlu.—Aqra Salm 32:1-​3, 5.

15. (a) X’nitgħallmu iktar minn David? (b) X’tistaʼ tagħmel biex tnaqqas l-​ansjetà? (Ara l-​kaxxa “ Xi modi effettivi kif tnaqqas l-​ansjetà.”)

 15 Drabi oħra, forsi tkun ansjuż dwar il-​preżent. Pereżempju, meta David kiteb Salm 55, kien qed jibżaʼ li jinqatel. (Salm 55:2-​5) Xorta waħda, ma ħalliex l-​ansjetà teqridlu l-​fiduċja tiegħu f’Ġeħova. David talab bil-​qalb lil Ġeħova biex jgħinu fil-​problemi tiegħu, imma kien jaf li kien importanti wkoll li jagħmel xi ħaġa dwar is-​sitwazzjoni tiegħu. (2 Samwel 15:30-​34) Int tistaʼ titgħallem lezzjoni minn David. Minflok ma tħalli l-​ansjetà tirkbek, agħmel dak li tistaʼ biex issolvi l-​problema u afda f’Ġeħova li se jieħu ħsiebek.

16. It-​tifsir tal-​isem t’Alla kif jistaʼ jsaħħaħlek il-​fidi tiegħek?

16 Kultant, Kristjan jistaʼ jħossu ansjuż dwar problemi li jistgħu jinqalgħu fil-​futur. Imma m’għandekx għalfejn tinkwieta dwar affarijiet li għadhom ma ġrawx. Għala le? Għaliex ħafna drabi, l-​affarijiet ma jkunux daqshekk ħżiena daqs kemm ħsibna li jkunu. Ukoll, ftakar li m’hemm ebda sitwazzjoni li Alla ma jistax jikkontrolla. Ismu stess hu mifhum li jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” (Eżodu 3:14) Allura m’għandniex għalfejn ninkwetaw dwar il-​futur, għaliex l-​isem t’Alla juri li l-​iskopijiet kollha tiegħu għall-​bnedmin se jitwettqu. Tistaʼ tkun ċert li Alla se jbierek lil-​leali tiegħu u jgħinhom inaqqsu l-​ansjetà tagħhom dwar il-​passat, il-​preżent, u l-​futur.

TKELLEM MAʼ XI ĦADD LI TAFDA

17, 18. Komunikazzjoni tajba kif tistaʼ tgħinek meta tħossok ansjuż?

17 Ir-​rabaʼ mod kif tistaʼ ssib l-​għajnuna meta tħossok ansjuż hu billi tikkomunika bl-​onestà u bil-​miftuħ maʼ xi ħadd li tafda. Ir-​raġel jew il-​mara tiegħek, ħabib jew ħabiba tal-​qalb, jew xi anzjan fil-​kongregazzjoni jistaʼ jgħinek tifhem is-​sitwazzjoni tiegħek aħjar. Il-​Bibbja tgħidilna: “L-​ansjetà f’qalb il-​bniedem ittaqqalha, imma l-​kelma t-​tajba tferraħha.” (Proverbji 12:25) Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Il-​pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu  meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.”—Proverbji 15:22.

18 Il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni wkoll jgħinuna nnaqqsu l-​ansjetajiet tagħna. Fil-​laqgħat taʼ kull ġimgħa, int tkun fil-​kumpanija taʼ ħutek, li jimpurtahom minnek u jridu jinkuraġġuk. (Ebrej 10:24, 25) ‘Inkuraġġiment lil xulxin’ bħal dan se jsaħħek u jagħmilhielek iżjed faċli biex tegħleb kwalunkwe ansjetà.—Rumani 1:12.

IR-​RELAZZJONI TIEGĦEK M’ALLA TAGĦTIK L-​IKTAR SAĦĦA

19. Għala tistaʼ tkun fiduċjuż li r-​relazzjoni tiegħek m’Alla se ssaħħek?

19 Anzjan fil-​Kanada tgħallem kemm hu importanti li jitfaʼ l-​ansjetà tiegħu fuq Ġeħova. Hu għandu impjieg stressanti ħafna bħala għalliem u guidance teacher, u għandu wkoll kundizzjoni medika li tikkaġunalu ansjetà. X’għenu jkun b’saħħtu? Iktar minn kull ħaġa oħra, hu jaħdem iebes biex isaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova. Ħbieb veri wkoll għenuh ħafna matul żminijiet diffiċli, u hu jitkellem maʼ martu bl-​onestà u bil-​miftuħ dwar kif iħossu. Flimkien maʼ dan, anzjani sħabu u l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet għenuh iħares lejn is-​sitwazzjoni tiegħu minn kif jaraha Ġeħova. Ukoll, tabib għen lil dan il-​ħu jifhem il-​kundizzjoni medika tiegħu, u b’hekk setaʼ jagħmel bidliet fl-​iskeda tiegħu u jsib ħin għal mistrieħ u eżerċizzju. Bil-​mod il-​mod, tgħallem jikkontrolla s-​sitwazzjoni u s-​sentimenti tiegħu. Meta jkun hemm affarijiet li ma jkunx jistaʼ jikkontrolla, hu jistrieħ fuq Ġeħova biex jgħinu.

20. (a) Kif nistgħu nitfgħu l-​ansjetà tagħna fuq Alla? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 F’dan l-​artiklu tgħallimna kemm hu importanti li nitfgħu l-​ansjetà tagħna fuq Alla permezz taʼ talb mill-​qalb u billi naqraw il-​Kelma tiegħu u nimmeditaw fuqha. Tgħallimna wkoll kemm hu importanti li nħallu l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jgħinna, li nitkellmu maʼ xi ħadd li nafdaw, u li nattendu l-​laqgħat Kristjani. Fl-​artiklu li jmiss, se nitgħallmu kif Ġeħova jgħinna billi jagħtina t-​tama għal premju.—Ebrej 11:6.