M’INTIX waħdek jekk int ansjuż jew saħansitra mbeżżgħa minħabba li tismaʼ ħafna aħbarijiet ħżiena. Fl-​2014, Barack Obama, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Istati Uniti, ta x’jifhem li minħabba l-​affarijiet ħżiena li jiġu rrapportati fil-​gazzetti, ħafna jikkonkludu “li m’hemmx tama għad-​dinja u li ħadd ma jistaʼ jagħmel xejn.”

Però, ftit wara din l-​istqarrija, hu tkellem b’ħeġġa dwar li hemm strateġiji biex jitranġaw ħafna mill-​problemi tad-​dinja. Hu rrefera għal ċerti inizjattivi tal-​gvern bħala “aħbar tajba” u qal li għandu “tama kbira” u li hu “ottimist ħafna.” Fi kliem ieħor, hu qal li l-​isforzi li qed jagħmel il-​bniedem b’intenzjoni tajba jistgħu jikkontrollaw id-​dinja u jiskansawna minn katastrofi globali.

Ħafna huma ottimisti bħalu. Pereżempju, xi wħud ipoġġu l-​fiduċja tagħhom fix-​xjenza u jikkonkludu li l-​avvanz mgħaġġel fit-​teknoloġija se jirranġa d-​dinja. Espert fit-​teknoloġija diġitali u f’affarijiet ġodda bassar b’fiduċja li sal-​2030, “it-​teknoloġija tagħna se tkun elf darba iktar qawwija u sal-​2045, se tkun miljun darba iktar qawwija.” Hu żied jgħid: “Sejrin mhux ħażin. Għalkemm il-​problemi li qed niffaċċjaw huma akbar minn taʼ qabel, għandna l-​kapaċità nsolvuhom qabel jinqalgħu.”

Imma l-​kundizzjonijiet tad-​dinja kemm verament huma ħżiena? Vera wasalna fix-​xifer taʼ diżastru globali? Għalkemm xi xjentisti u politikanti jwasslu messaġġ taʼ tama, xorta għad hawn ħafna nies li jħossuhom inċerti dwar il-​futur. Għala?

ARMI TAL-​QERDA TAL-​MASSA. Minkejja l-​isforzi kbar li għamlu l-​Ġnus Magħquda u organizzazzjonijiet oħra, dawn ma rnexxilhomx inaqqsu l-​armi nukleari. Minflok, xi mexxejja ġew jaqgħu u jqumu mil-​liġijiet li jikkontrollaw kemm għandhom ikollhom armi. Pajjiżi magħrufin għal li jkollhom l-​armi nukleari qed jaraw x’jagħmlu biex jimmodernizzaw il-​bombi tagħhom u joħolqu oħrajn iktar qattiela. Pajjiżi li qatt ma kellhom armi tal-​qerda tal-​massa issa jistgħu jeqirdu mases kbar taʼ nies.

Il-​fatt li l-​ġnus huma aktar lesti għal gwerra nukleari minn qatt qabel qed jagħmel id-​dinja post perikoluż ħafna, anki fi żminijiet taʼ “paċi.” “Pereżempju, ikun taʼ inkwiet kbir li jkun hemm armi li jistgħu jiddeċiedu li jaqbdu u joqtlu b’mod awtomatiku jew li jaħdmu mingħajr superviżjoni,” iwissi l-​Bulletin of the Atomic Scientists.

 SAĦĦITNA FIL-PERIKLU. Ix-​xjenza hi limitata f’dak li tistaʼ tagħmel biex taċċertana li jkollna saħħa tajba. Pressjoni għolja, obeżità, tinġis fl-​arja, u abbuż mid-​droga—li lkoll jistgħu jwasslu għal mard—qed jiżdiedu. Qed imutu iktar nies minn mard ieħor li ma jittiħidx, bħal kankru, mard tal-​qalb, u dijabete. Qed ikun hawn iktar nies li qed ibatu minn diżabilità minħabba mard ieħor, inkluż il-​mard mentali. U fis-​snin reċenti rajna li faqqgħu epidemiji taʼ mard perikoluż bħall-​vajrus tal-​Ebola u taz-​Zika. Il-​qofol taʼ dan: Il-​mard mhux qed jiġi kkontrollat mill-​bniedem, u donnu m’hemmx tama li se jispiċċa l-​mard!

IL-ĦSARA TAL-BNIEDEM FUQ IN-NATURA. Il-​fabbriki jkomplu jniġġsu lid-​dinja. Miljuni taʼ nies imutu kull sena minħabba l-​arja kkontaminata li jibilgħu.

Individwi, komunitajiet, u dipartimenti tal-​gvern qed ikomplu jitfgħu dranaġġ, skart mediku, skart tal-​agrikultura, plastik, u ħmieġ ieħor fl-​oċeani. “Dawn l-​affarijiet tossiċi qed jivvelenaw annimali u pjanti tal-​baħar, u kif ukoll lin-​nies li jieklu minn dawn l-​affarijiet ikkontaminati,” tispjega l-​Encyclopedia of Marine Science.

U l-​ilma qed jispiċċa. L-​awtur tax-​xjenza Brittaniku Robin McKie bir-​raġun iwissi: “Id-​dinja qed tiffaċċja kriżi tal-​ilma li se teffettwa kull parti tal-​globu.” Il-​politikanti jammettu li n-​nuqqas t’ilma hija problema li tistaʼ tgħid li l-​bniedem ġabha b’idejh u li hi taʼ periklu kbir.

IL-​ĦSARA TAN-​NATURA FUQ IL-​BNIEDEM. Maltempati, uragani, tempesti qawwijin, tifuni, u terremoti jwasslu biex ikun hemm għargħar li jġib ħafna ħsara, valangi, u affarijiet bħal dawn li jġibu qerda. Aktar nies minn qatt qabel qed jinqatlu jew inkella qed jiġu effettwati minn dawn il-​qawwiet tan-​natura. Studju ppubblikat min-​NASA juri li hemm ċans akbar li jkollna “maltempati qawwijin, heat waves qattiela, u aktar ċikli taʼ għargħar u nixfa estrema.” Sejra n-​natura teqred lill-​bniedem?

Żgur li tistaʼ taħseb f’theddid gravi ieħor għal ħajjitna. Madankollu, int mhux se ssib tweġibiet sodisfaċenti dwar il-​futur billi tanalizza l-​affarijiet ħżiena li qed jiġru llum. Xi wħud forsi jirraġunaw l-​istess meta jisimgħu lill-​politikanti u x-​xjentisti. Però, bħalma ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, ħafna sabu tweġibiet konvinċenti għall-​mistoqsijiet dwar il-​kundizzjonijiet tad-​dinja u l-​futur. Tweġibiet bħal dawn fejn tistaʼ ssibhom?