Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

It-tbassir tad-Doomsday Clock mhux se jitwettaq, għax Alla jwiegħed futur mill-isbaħ għall-bniedem u għall-art

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | HEMM TAMA GĦAL DIN ID-DINJA?

X’tgħid il-Bibbja?

X’tgħid il-Bibbja?

L-​ISTAT miżerabbli tad-​dinja tal-​lum kien ilu mbassar fil-​Bibbja minn ħafna sekli qabel. Iktar minn hekk, il-​Bibbja qalet bil-​quddiem b’mod speċifiku li l-​bniedem se jkollu futur mill-​isbaħ. Dak li tgħid il-​Bibbja m’għandniex inwarrbuh malajr malajr għax ħafna mit-​tbassir diġà twettaq sal-​iċken dettall.

Pereżempju, ikkunsidra l-​profeziji tal-​Bibbja li ġejjin:

  • “Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-​ieħor.”—Mattew 24:7.

  • “Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-​ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.”—2 Timotju 3:1-4.

Dawn il-​profeziji jiddeskrivu dinja li sejra għall-​agħar b’ħeffa kbira. Sa ċertu punt, id-​dinja tagħna hi bla kontroll—mhux fil-​kontroll tal-​bniedem. Skont il-​Bibbja, il-​bniedem sempliċiment m’għandux l-​għerf u l-​qawwa biex isib soluzzjoni permanenti. Dan hu enfasizzat fl-​iskritturi li ġejjin:

  • “Hemm triq li tidher retta għal bniedem, imma mbagħad tmiemha hu l-​mewt.”—Proverbji 14:12.

  • “Il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.

  • “Triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas . . . jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.

Jekk il-​bniedem jibqaʼ jagħmel kulma jfettillu, id-​dinja tistaʼ faċilment tesperjenza katastrofi globali. Imma dan mhux se jiġri! Għala? Għax hekk tgħid il-​Bibbja:

  • Alla qal: “Sejjist l-​art fuq il-​postijiet stabbiliti tagħha; din qatt u qatt ma se titħarrek.”—Salm 104:5.

  • “Ġenerazzjoni sejra, u ġenerazzjoni ġejja; imma l-​art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Ekkleżjasti 1:4.

  • “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.

  • “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-​art; fuq il-​qċaċet tal-​muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.

 Dan it-​tagħlim mill-​Bibbja jipprovdi tweġibiet ċari. Il-​bniedem mhux se jmut bit-​tinġis, nuqqas t’ikel u ilma, jew mard li jinxtered mad-​dinja kollha. Id-​dinja mhux se tinqered minn olokawst nukleari. Għala le? Għax huwa Alla fil-​kontroll tal-​futur tal-​pjaneta tagħna. Huwa minnu li Alla ta lill-​bniedem il-​libertà tal-​għażla, imma l-​bniedem ikollu jaħsad il-​konsegwenzi taʼ dak li jagħmel. (Galatin 6:7) Id-​dinja mhix bħal trejn bla kontroll li miexja lejn tmiem katastrofiku. Alla għamel limiti fuq kemm il-​bniedem jistaʼ jagħmel ħsara.—Salm 83:18; Ebrej 4:13.

Imma Alla se jagħmel iktar minn hekk. Hu se jġib “sliem kotran.” (Salm 37:11) Din it-​tama li ġiet spjegata f’dan l-​artiklu hi biss ħarsa fuq fuq tal-​futur mill-​isbaħ li hemm għall-​bniedem. Miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova tgħallmu dwarha billi studjaw il-​Bibbja.

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma komunità globali magħmula minn nies taʼ kull età u taʼ kull razza. Huma jqimu l-​uniku Alla veru, li ismu hu Ġeħova, skont kif jidher fil-​Bibbja. Huma mhumiex imbeżżgħin mill-​futur għax il-​Bibbja tgħid: “Hekk qal Ġeħova, il-​Ħallieq tas-​smewwiet, Hu l-​Alla l-​veru, Dak li sawwar l-​art u li għamilha, Hu li stabbiliha fis-​sod, li ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn, li sawwarha biex tkun abitata: ‘Jien Ġeħova, u m’hemm ħadd ieħor.’”—Isaija 45:18.

Dan l-​artiklu eżamina xi tagħlim tal-​Bibbja dwar il-​futur tal-​art u tal-​bniedem. Għal aktar informazzjoni, ara lezzjoni 5 tal-​browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla! ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli fuq www.jw.org/mt

Int tistaʼ tara wkoll il-​vidjow Alla għala ħalaq l-​art? li hu disponibbli fuq www.jw.org/mt. (Ikklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > VIDJOWS)