Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IT-TROBBIJA TAT-TFAL

Għallem lil uliedek ikunu umli

Għallem lil uliedek ikunu umli

L-​ISFIDA

  • Ibnek qed jaġixxi b’mod arroganti—u għad għandu biss 10 snin!

  • Jistenna li jiġi ttrattat b’mod speċjali minn kulħadd.

Għandek mnejn taħseb: ‘Għala qed jagħmel hekk? Jien nixtieq li jħossu tajjeb dwaru nnifsu—imma mhux li jaħseb li hu xi ħaġa!’

Tistaʼ int tgħallem lil uliedek ikunu umli mingħajr ma jħossuhom ħażin dwarhom infushom?

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Fl-​aħħar għaxriet taʼ snin, il-​ġenituri ġew imħeġġin biex jaqtgħu x-​xewqat taʼ wliedhom; biex ifaħħruhom ħafna, anke jekk ma jkunu għamlu xejn li jistħoqqlu t-​tifħir; biex iżommu lura milli jikkoreġuhom u jiddixxiplinawhom. Kien maħsub li jekk it-​tfal iħossuhom speċjali, dawn kien se jkollhom stima tajba lejhom infushom. Imma xi wrew ir-​riżultati? Il-​ktieb Generation Me jgħid: “Minflok ma qed intellgħu tfal ferħanin u jafu kif ikampaw mal-​problemi, it-​tfal qed jispiċċaw ikun moħħhom biss fihom infushom minħabba li l-​ġenituri qed iħeġġuhom ikollhom stima żejda tagħhom infushom.”

Ħafna tfal li trabbew jiġu mfaħħra anki għal xejn b’xejn, meta kibru ma kinux lesti għad-​diżappunti, il-​kritika, u għal xi falliment fil-​ħajja. Peress li jiġu mgħallma jiffokaw fuq ix-​xewqat tagħhom stess, meta jsiru adulti jsibuha bi tqila biex jibqgħu f’relazzjoni. Minħabba f’hekk, ħafna jbatu minn ansjetà u dipressjoni.

It-​tfal jiżviluppaw stima vera lejhom infushom mhux billi l-​ħin kollu jintqalilhom li huma speċjali imma billi verament jirnexxilhom jagħmlu xi affarijiet. Mhux biżżejjed li jemmnu fihom infushom. Hemm bżonn jitgħallmu, jipprattikaw, u jtejbu s-​sengħa li jkunu għażlu, jiġifieri mhux kemm ifaqqgħu subgħajhom. (Proverbji 22:29) Jeħtieġ ukoll li jkun jimpurtahom mill-​bżonnijiet t’oħrajn. (1 Korintin 10:24) Dan kollu jeħtieġ l-​umiltà.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Faħħarhom meta verament ikun ħaqqhom. Jekk bintek tmur tajjeb f’eżami, faħħarha. Jekk iġġib marki baxxi, taqbadx u twaħħal fl-​għalliem. Dan ma tantx se jgħin lil bintek biex tkun umli. Minflok, għinha tara kif id-​darba li jmiss tmur aħjar. It-​tifħir ħallih għal meta verament ikun hemm xi ħaġa xi tfaħħar.

Ikkoreġi meta jkun hemm bżonn. Dan ma jfissirx li għandek tikkritika lit-​tifel tiegħek kull darba li jagħmel żball. (Kolossin 3:21) Imma żbalji serji għandhom jiġu kkoreġuti. L-​istess jistaʼ jingħad għal attitudni ħażina. Inkella se jkun ħafna iktar diffiċli biex it-​tfal jinbidlu.

Pereżempju, ejja ngħidu li t-​tifel tiegħek iħobb jiftaħar. Jekk ma jiġix ikkoreġut, hu jistaʼ jkollu bokka bih innifsu u jibda jara lil ħaddieħor dubbien. Għalhekk, irraġuna maʼ ibnek li l-​ftaħir jitfaʼ dell ikrah fuqu u li dan jistaʼ jwassal għal sitwazzjonijiet imbarazzanti. (Proverbji 27:2) Spjegalu wkoll li individwu li jkollu ħarsa xierqa lejh innifsu ma jħossx il-​bżonn li joqgħod ixandar maʼ kulħadd x’kapaċi jagħmel. Billi tikkoreġih bi mħabba, se tgħallmu jkun umli mingħajr ma jitlef ir-​rispett lejh innifsu.—Prinċipju Bibliku Mattew 23:12.

Ipprepara lil uliedek għar-​realtajiet tal-​ħajja. Li ċċedi għal kull xewqa li jkollu t-​tifel tiegħek, tistaʼ ġġiegħlu jaħseb li għandu d-​dritt għaliha. Pereżempju, jekk it-​tifel tiegħek irid xi ħaġa li ma tistax taffordja, spjegalu għala ma tistax taqbeż il-​baġit. Jekk kellek tħassar xi ħarġa jew vaganza, tistaʼ tispjegalu li d-​diżappunti huma parti mill-​ħajja u forsi tistaʼ tgħidlu kif int kampajt maʼ diżappunti bħal dawn. Minflok ma tipproteġi lil uliedek minn kull tbatija, ippreparahom għall-​isfidi li se jiffaċċjaw bħala adulti.—Prinċipju Bibliku Proverbji 29:21.

Ħeġġiġhom jagħtu. Uri lil ibnek li “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) B’liema mod? Flimkien tistgħu tagħmlu lista bl-​ismijiet taʼ wħud li għandhom bżonn lil xi ħadd imur jixtrilhom, iwassalhom xi mkien, jew jagħmlilhom xi xogħol id-​dar. Imbagħad ħu lit-​tfal miegħek hekk kif tgħin lil xi wħud minnhom. Ħalli lil ibnek jara l-​ferħ u s-​sodisfazzjon tiegħek hekk kif tieħu ħsieb il-​bżonnijiet t’oħrajn, għax bħalma jgħid il-​qawl Malti, il-​kliem iqanqal imma l-​eżempju jkaxkar. B’hekk, l-​eżempju tiegħek hu l-​aqwa mod kif tgħallem.—Prinċipju Bibliku Luqa 6:38.