Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

L-isem persunali t’Alla miktub b’ittri Ebrajċi tal-qedem jidher kemm-il darba fil-manuskritti antiki tal-Bibbja

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

L-isem t’Alla

L-isem t’Alla

Miljuni taʼ nies jindirizzaw lil Alla b’titli li juru rispett, bħal pereżempju Mulej, l-​Etern, Allah, jew sempliċiment Alla. Però, Alla għandu isem persunali. Għandek tużah?

X’jismu Alla?

DAK LI JGĦIDU XI NIES

 

Ħafna li jsostnu li huma Kristjani jemmnu li Alla jismu Ġesù. Oħrajn jgħidu li la hemm Alla wieħed li jistaʼ kollox, allura m’hemmx għalfejn nużaw l-​isem persunali tiegħu. Jerġaʼ oħrajn jargumentaw li ma jkunx xieraq li jintuża l-​isem propju t’Alla.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

 

Isem Alla li Jistaʼ Kollox mhuwiex Ġesù, għax Ġesù mhuwiex Alla li Jistaʼ Kollox. Infatti, Ġesù għallem lill-​adoraturi sħabu biex jitolbu lil Alla billi jgħidu: “Missier, ħa jitqaddes ismek.” (Luqa 11:2) Ġesù nnifsu talab lil Alla: “Missier, igglorifika lil ismek.”Ġwanni 12:28.

Fil-​Bibbja, Alla ddikjara: “Jien Ġeħova. Dak hu ismi; u lil ħadd iktar ma nagħti l-​glorja tiegħi.” (Isaija 42:8) “Ġeħova” hu traduzzjoni bil-​Malti tal-​erbaʼ konsonanti Ebrajċi יהוה (JĦWH), li jirrappreżentaw l-​isem divin. Dan l-​isem jidher xi 7,000 darba fl-​Iskrittura Ebrajka. * Dan intuża ħafna iktar spiss minn kwalunkwe titlu ieħor bħal “Alla,” “Dak li Jistaʼ Kollox,” jew “Mulej,” u iktar spiss minn kull isem ieħor bħal Abraham, Mosè, jew David.

Imkien fil-​Bibbja ma nsibu li Ġeħova pprojbixxa li jintuża ismu bir-​rispett. Minflok, l-​Iskrittura turi li l-​isem divin kien jintuża bil-​libertà kollha mill-​qaddejja tiegħu. Huma kienu saħansitra jinkluduh fl-​ismijiet li kienu jagħtu lil uliedhom, bħal Elija, li jfisser “Alla Tiegħi Hu Ġeħova,” u Żakkarija, li jfisser “Ġeħova Ftakar.” U ma qagħdux lura milli jużaw l-​isem t’Alla fil-​konversazzjonijiet taʼ kuljum.—Rut 2:4.

Alla jridna nużaw ismu. Aħna mħeġġin biex ‘nirringrazzjaw lil Ġeħova, u nsejħu ismu.’ (Salm 105:1) Hu saħansitra jħares b’approvazzjoni lejn dawk li “jaħsbu fuq ismu.”—Malakija 3:16.

“Biex in-​nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:18.

 Xi jfisser l-isem t’Alla?

Xi studjużi jemmnu li bl-​Ebrajk l-​isem Ġeħova jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Din it-​tifsira tagħti x’tifhem li Alla jistaʼ jġiegħel lilu nnifsu jew il-​ħolqien tiegħu jsir dak li hemm bżonn biex iwettaq ir-​rieda tiegħu. Il-​Ħallieq li jistaʼ kollox biss jistaʼ jgħix fi qbil maʼ dan l-​isem.

DAK LI JFISSER GĦALIK

 

Li tkun taf l-​isem t’Alla se jbiddel il-​mod kif taħseb dwaru. Se jkun iktar faċli biex tersaq qrib lejh. Fuq kollox, kif tistaʼ tkun qrib taʼ xi ħadd li lanqas biss tkun taf ismu? Il-​fatt stess li Alla qalilna ismu juri li hu jridek tersaq qrib lejh.—Ġakbu 4:8.

Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova dejjem jgħix fi qbil maʼ ismu bħala Alla li dejjem iwettaq il-​wegħdi tiegħu. Huwa għalhekk li l-​Bibbja tgħid: “Dawk li jafu ismek jafdaw fik.” (Salm 9:10) Il-​fiduċja tiegħek fih se tikber hekk kif titgħallem li isem Ġeħova hu marbut mill-​qrib mal-​kwalitajiet tiegħu, bħall-​imħabba leali, il-​ħniena, il-​mogħdrija, u l-​ġustizzja. (Eżodu 34:5-7) Kemm hu rassiguranti li tkun taf li filwaqt li Ġeħova dejjem iżomm il-​wegħdi tiegħu, hu qatt ma jmur kontra l-​kwalitajiet tiegħu!

B’mod ċar, li tkun taf isem Alla li Jistaʼ Kollox huwa privileġġ. Dan jistaʼ jagħtik opportunità biex ikollok barkiet issa u fil-​futur. Alla jwiegħed: “Nipproteġih għax sar jaf ismi.”—Salm 91:14.

“Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.”—Ġoel 2:32.

Isem Alla b’diversi lingwi

^ par. 9 Ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja jneħħu isem Alla u minfloku jagħmlu t-​titlu “MULEJ” b’ittri kbar, waqt li xi traduzzjonijiet oħra jinkludu l-​isem t’Alla biss f’xi versi magħżulin jew f’xi noti taʼ taħt. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa użat l-​isem divin ħafna drabi fit-​test kollu.