Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 TITWILA LEJN IL-PASSAT

Alhazen

Alhazen

X’AKTARX li qatt ma smajt b’Abū ‘Alī al-​Ḥasan ibn al-​Haytham. Fl-​Ewropa u fl-​Amerika huwa magħruf bħala Alhazen, l-​isem bil-​Latin tal-​ewwel isem tiegħu bl-​Għarbi, al-​Ḥasan. Però, x’aktarx qed tibbenefika mix-​xogħol li għamel matul ħajtu. Hu ġie deskritt bħala “wieħed mill-​aktar persunaġġi importanti u li ħalla impatt fl-​istorja tax-​xjenza.”

Alhazen twieled fil-​belt taʼ Basra, li llum qiegħda fl-​Iraq, madwar is-​sena 965 WK (wara Kristu). Kien jinteressa ruħu f’diversi oqsma bħall-​astronomija, il-​kimika, il-​matematika, il-​mediċina, il-​mużika, l-​ottika, il-​fiżika, u l-​poeżija. B’mod partikulari, għal xiex għandna nirringrazzjawh?

ILQUGĦ GĦAX-​XMARA NIL

Storja dwar Alhazen infirxet għal żmien twil. Din hi dwar il-​pjan tiegħu biex jiġi kkontrollat kemm jgħaddi ilma mix-​Xmara Nil, xi ħaġa li fir-​realtà twettqet f’Aswân fl-​1902, kważi 1,000 sena wara.

L-​istorja tgħid li Alhazen kellu pjanijiet ambizzjużi biex itaffi l-​problema taċ-​ċikli tal-​għargħar u n-​nixfa fl-​Eġittu billi jagħmel ilqugħ fin-​Nil. Meta l-​ħakkiem taʼ Kajr, il-​Kalif al-​Hakim, semaʼ b’din l-​idea, hu stieden lil Alhazen biex imur l-​Eġittu u jibni dan l-​ilqugħ. Imma malli Alhazen ra b’għajnejh stess ix-​xmara, hu induna li l-​proġett kien wisq għalih. Peress li beżaʼ mill-​kastig li setaʼ tah dan il-​ħakkiem li kien magħruf li jaqbad u jbiddel fehmtu, Alhazen għamel tabirruħu li kien miġnun sakemm miet il-​kalif xi 11-​il sena wara, fl-​1021. Sadanittant, Alhazen kellu ħafna ħin f’idejh biex jiffoka fuq affarijiet oħrajn waqt li kien maqful minħabba li għamilha taʼ miġnun.

IL-​KTIEB TAL-​OTTIKA

Sakemm wasal iż-​żmien li jinħeles, Alhazen kien laħaq kiteb il-​biċċa l-​kbira mis-​sett taʼ sebaʼ volumi tal-​Book of Optics li hu meqjus bħala “wieħed mill-​aktar kotba importanti fl-​istorja tal-​fiżika.” Fih hu kiteb bid-​dettall dwar l-​esperimenti taʼ kif jaħdem id-​dawl, inkluż kif id-​dawl jinqasam f’kuluri differenti, kif jirrifletti fuq il-​mirja, u kif ibiddel id-​direzzjoni meta jgħaddi minn ħaġa għal oħra. Studja wkoll kif l-​għajn tirrikonoxxi l-​affarijiet, kif inhi magħmula, u kif taħdem.

 Sas-​seklu 13, il-​kitbiet taʼ Alhazen ġew tradotti mill-​Għarbi għal-​Latin, u għal mijiet taʼ snin, l-​istudjużi Ewropej irreferew għalihom bħala awtorità. B’hekk, il-​kitbiet taʼ Alhazen dwar kif jaħdmu l-​lentijiet kienu pedament importanti għall-​Ewropej li kienu jipproduċu l-​lentijiet. Permezz t’hekk, huma ivvintaw it-​teleskopju u l-​mikroskopju billi poġġew lenti wara oħra.

IL-​KAMERA TAR-​RITRATTI TAL-​QEDEM

Alhazen identifika l-​prinċipji li huma l-​bażi għall-​fotografija meta għamel dik li tistaʼ tiġi meqjusa bħala l-​ewwel kamera tar-​ritratti fl-​istorja. Din il-​kamera, il-​camera obscura, kienet tikkonsisti “f’kamra mudlama” li fiha kien jidħol dawl daqs t’għajn taʼ labra. Permezz taʼ dan id-​dawl, fuq ġewwa tal-​kamra kienet tidher stampa bil-​maqlub taʼ dak li kien hemm fuq barra.

Alhazen ivvinta dik li x’aktarx kienet l-ewwel camera obscura

Fis-​seklu 19, folji rqaq fotografiċi ġew miżjudin mal-​kamera tal-​qedem biex l-​immaġni li tieħu jibqgħu permanenti. X’kien ir-​riżultat? Il-​kamera tar-​ritratti. Il-​kameras tar-​ritratti li għandna llum—u saħansitra l-​għajn infisha—jużaw l-​istess prinċipji fiżiċi bħall-​camera obscura. *

IL-​METODU XJENTIFIKU

Xi ħaġa li kienet tispikka fix-​xogħlijiet taʼ Alhazen kienet ir-​riċerka li kien jagħmel bir-​reqqa u b’mod sistematiku fuq fenomeni naturali. Il-​mod kif kien jaħdem hu kien differenti għalkollox minn dawk taʼ żmienu. Kien wieħed minn tal-​bidu li kien jagħmel l-​esperimenti biex jara jekk it-​teoriji kinux tajbin. Ukoll, jekk ma kienx ikun hemm evidenza taʼ xi ħaġa, ma kienx jiddejjaq iqajjem dubji, anki jekk din kienet tkun aċċettata.

Prinċipju bażiku tax-​xjenza moderna jistaʼ jinġabar f’dan il-​kliem: “Agħti prova taʼ dak li temmen!” Xi wħud iqisu lil Alhazen bħala “l-​missier tal-​metodu xjentifiku modern.” Minħabba f’hekk, għandna ħafna għal xiex nirringrazzjawh.

^ par. 13 Kien biss fis-​seklu 17, meta Johannes Kepler spjega x’kien ix-​xebh li hemm bejn il-​camera obscura u l-​għajn li l-​Ewropej u l-​Amerikani setgħu jifhmu aħjar x’kien ix-​xebh.