Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Huwa worth it li tirriskja ħajtek għal naqra eċitament?

Huwa worth it li tirriskja ħajtek għal naqra eċitament?

L-​ISFIDA

“Kont immur f’mina minn fejn kienu jgħaddu trejns b’veloċità kbira bi żbrixx minn miegħi. Għal dak il-​ħin, l-​adrenalina kienet tnessili l-​problemi.”—Leon. *

“Meta kont naqbeż minn xi rdum għoli ħafna għal ġol-​ilma, kont inħossni kompletament libera għal ftit sekondi. Normalment kont nieħu pjaċir, imma xi kultant kont nibżaʼ.”—Larissa.

Bħal Leon u Larissa, ħafna żgħażagħ iħossu eċitament huma u jaraw sa fejn jistgħu jaslu—xi kultant billi jieħdu riskji kbar. Titħajjar tagħmel bħalhom? Jekk inhu hekk, dan l-​artiklu jistaʼ jgħinek.

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Eċitament estrem jistaʼ jsir xi ħaġa li ma tgħaddix mingħajrha. Tistaʼ tħossok eċitat ħafna għal ftit, iżda dan iħallik tixxennaq għal aktar eċitament. Marco, li bħal Leon kien jidħol fil-​mini li jgħaddu t-​trejns minnhom, jgħid: “Kien ċirku vizzjuż. Għal mument kont inkun ferħan, imma wara kien ikolli bżonn xi ħaġ’oħra biex inħoss dik is-​sensazzjoni.”

Justin, li kien jiskejzja b’veloċità qawwija billi jaqbad maʼ karozzi li kienu jkunu għaddejjin, jgħid: “L-​eċitament li kont inħoss kien iġegħelni nkun irrid nerġaʼ nagħmilha. Ridt li n-​nies jammirawni, imma minflok, spiċċajt l-​isptar.”

Dawk taʼ madwarek jistgħu jġegħluk tinjora s-​sens komun. Żagħżugħ jismu Marvin jgħid: “Ħbiebi għamluli pressjoni biex nitlaʼ maʼ bini għoli u bdew jgħiduli: ‘Isa, ejja, żgur se jirnexxilek.’ Ħassejt imsarni f’saqajja u bdejt nitriegħed hekk kif bdejt tielaʼ mal-​ħajt.” Larissa, li ssemmiet qabel, tgħid: “Għamilt bħal ħaddieħor. Sempliċiment għaddast rasi u għamilt bħalhom.”

L-​Internet ukoll jintuża minn xi wħud biex joħolqu pressjoni fuq taʼ madwarhom billi jfaħħru lil dawk li jfittxu eċitament estrem u fl-​istess ħin jagħtu l-​impressjoni li mhuwiex daqstant riskjuż. Infatti, xi vidjows taʼ dawk li għamlu affarijiet estremi jidhru fuq xi siti soċjali u f’ħakka t’għajn jarawhom ħafna nies. B’hekk, dawk li jirriskjaw ħajjithom jiġu ammirati u jkollhom l-​attenzjoni fuqhom.

Pereżempju, xi vidjows popolari juru nies jissuperaw ostakli bħal ħitan, djar, u taraġ billi jiġru, jixxabbtu, jew jaqbżu b’ħeffa  kbira u b’eżattezza mingħajr protezzjoni. B’hekk tistaʼ tasal għal żewġ konklużjonijiet żbaljati: (1) Ma tantx hemm riskji. (2) Kulħadd qed jagħmel hekk. Minħabba f’hekk, inti tistaʼ titħajjar tagħmel affarijiet li jpoġġulek ħajtek fil-​periklu.

Hemm modi aħjar u iktar siguri biex tkun taf sa fejn kapaċi tasal. “It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju għal ftit,” tgħid il-​Bibbja. (1 Timotju 4:8) Imma l-​Iskrittura twissi wkoll biex ‘tgħix sewwa b’moħħ f’loku.’ (Titu 2:12) Kif tistaʼ tagħmel hekk?

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Ikkunsidra r-​riskji. Il-​Bibbja tgħid: “Kulmin hu prudenti se jaġixxi bl-​għarfien, imma min hu stupidu se jxerred il-​bluha maʼ kullimkien.” (Proverbji 13:16) Qabel ma tieħu sehem f’xi attività, sir familjari mar-​riskji involuti. Staqsi lilek innifsek, ‘Jekk nagħmel dan, nistaʼ jien inweġġaʼ serjament jew saħansitra nilgħabha mal-​mewt?’—Prinċipju Bibliku: Proverbji 14:15.

Agħżel ħbieb li jirrispettaw il-​ħajja. Ħbieb taʼ veru mhux se jħeġġuk tirriskja ħajtek jew jipprovaw iġegħluk tagħmel xi ħaġa li ma tħossokx komdu tagħmilha. Larissa tgħid: “Ħbieb tajbin u b’rashom fuq għonqhom għenuni nagħżel aħjar dak li xtaqt nieħu sehem fih. Meta bdilt il-​ħbieb, ħajti nbidlet.”—Prinċipju Bibliku: Proverbji 13:20.

Staqsi lilek innifsek, ‘Jekk nagħmel dan, nistaʼ jien inweġġaʼ serjament jew saħansitra nilgħabha mal-​mewt?’

Gawdi l-​abbiltajiet tiegħek mingħajr ma tpoġġi ħajtek fil-​periklu. Parti milli ssir adult hu li “titgħallem tistabbilixxi prinċipji u limiti għalik innifsek,” jgħid il-​ktieb Adolescent Risk Behaviors. Tistaʼ tara sa fejn kapaċi tasal f’ambjent sigur billi tuża l-​protezzjoni neċessarja u tieħu l-​prekawzjonijiet xierqa.

Aħdem biex ikollok rispett taʼ veru lejk innifsek. In-​nies se jirrispettawk għal kif jirnexxilek tegħleb l-​isfidi tal-​ħajja, u mhux għal dak li tażżarda tagħmel biex tieħu pjaċir. Larissa tgħid: “Li naqbeż minn fuq xi rdum kien biss fażi f’ħajti li fih bdejt nagħmel ħafna affarijiet li setgħu marru żmerċ. Kien ikun aħjar li kieku tgħallimt ngħid le.”

L-​iktar ħaġa importanti: Minflok ma tirriskja ħajtek bla bżonn biex tieħu naqra pjaċir, uża l-​għaqal f’dak li tagħżel bħala rikreazzjoni.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 15:24.

^ par. 4 L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.