Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Dak li għandek tkun taf dwar kif tuża l-enerġija bil-​għaqal

Dak li għandek tkun taf dwar kif tuża l-enerġija bil-​għaqal

AĦNA niddependu mill-​enerġija biex insaħħnu u nkessħu d-​djar tagħna, biex nagħtu l-​fjuwil il-​vetturi tagħna, u biex nagħmlu ħafna attivitajiet taʼ kuljum. Però, in-​nies madwar id-​dinja qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba l-​enerġija.

Għal Gary, mill-​Afrika t’Isfel, “iż-​żieda fil-​prezz tal-​fjuwil” hi xi ħaġa serja. Jennifer, mill-​Filippini, hi inkwetata għax m’għandhomx sors taʼ enerġija li tistaʼ tistrieħ fuqu, ladarba “d-​dawl jinqataʼ kemm-​il darba.” Fernando, minn El Salvador, jgħid li hu “inkwetat dwar l-​impatt ambjentali.” F’ħafna postijiet madwar id-​dinja, l-​impjanti li jagħtu l-​enerġija jħammġu l-​ambjent.

Forsi għandek mnejn taħseb, ‘Imma jien min-​naħa tiegħi x’nistaʼ nagħmel?’

Ilkoll nistgħu nagħżlu li nużaw l-​enerġija bil-​għaqal. Jekk ma naħlux l-​enerġija u nużawha b’mod effettiv, se jkun taʼ benefiċċju. Billi nużaw inqas, se niffrankaw il-​flus. Barra minn hekk, inkunu qed nipproteġu l-​ambjent u ma nkomplux inżidu għal xejn b’xejn mad-​domanda li dejjem tikber għall-​enerġija.

Ejja nikkunsidraw tliet oqsma li fihom nistgħu nużaw l-​enerġija iktar bil-​għaqal: id-​dar, it-​trasport, u fl-​attivitajiet taʼ kuljum.

ID-​DAR

Uża s-​sistema li ssaħħan u tkessaħ bil-​għaqal. Studju fil-​Gran Brittanja wera li meta t-​termostat ġie mnaqqas b’żewġ gradi biss matul xitwa biex titnaqqas is-​sħana, irriżulta li dan kien l-​iktar mod kif ġiet iffrankata l-​enerġija matul sena. Derek, li jgħix il-​Kanada, jaqbel maʼ dan. Hu jgħid, “Billi fix-​xitwa nilbsu flokkijiet li jsaħħnu minflok inġibu d-​dar qisha forn, il-​familja tagħna tuża inqas enerġija.”

L-​istess prinċipji japplikaw għal meta nkessħu d-​dar meta tkun is-​sħana. Rodolfo, mill-​Filippini, joqgħod attent kif juża l-​arja kundizzjonata billi jissettja t-​termostat. Għala? Hu jgħid, “B’dan il-​mod niffrankaw il-​flus u nibżgħu għall-​enerġija wkoll.”

Żomm it-​twieqi u l-​bibien magħluqin meta tkun qed issaħħan jew tkessaħ id-​dar tiegħek. * Nistgħu nevitaw li naħlu l-​enerġija billi ma nħallux l-​arja sħuna jew kiesħa toħroġ. Pereżempju, jekk tħalli bieb miftuħ meta tkun il-​kesħa, se jkun hemm bżonn li tintuża ħafna iktar enerġija biex id-​dar tisħon.

Minbarra li jżommu t-​twieqi u l-​bibien magħluqin, xi nies waħħlu twieqi apposta li jżommu s-​sħana jew il-​kesħa ġewwa ħalli b’hekk jużaw saħansitra inqas enerġija.

 Uża dawl li jikkonsma inqas enerġija. Jennifer, li ssemmiet qabel, tgħid, “Aħna bdilna l-​bozoz li konna nużaw u minflokhom bdejna nużaw bozoz energy saving.” Għalkemm dawn it-​tip taʼ bozoz ikunu jiswew iktar, huma jaħlu ħafna inqas enerġija, u allura maż-​żmien xorta tkun qed tiffranka l-​flus.

IT-​TRASPORT

Jekk hu possibbli, uża t-​trasport pubbliku. “Kull meta nkun nistaʼ, ix-​xogħol immur bit-​trejn jew bir-​rota,” jgħid Andrew, mill-​Iskozja. Il-​ktieb Energy: What Everyone Needs to Know ifakkarna li “l-​karozzi jaħlu minn tal-​inqas tliet darbiet iktar mill-​karozzi tal-​linji u t-​trejns għal kull passiġġier.”

Organizza l-​vjaġġi tiegħek. Billi taħseb minn qabel, tistaʼ tnaqqas il-​vjaġġi li jkollok bżonn tagħmel, bħal pereżempju tagħmel xi qadi int u sejjer id-​dar, u b’hekk tkun qed tuża inqas enerġija. Fl-​istess ħin, tkun qed tiffranka l-​ħin u jifdallek xi sold fil-​but.

Jethro, mill-​Filippini, jippjana li juża ċertu ammont taʼ fjuwil kull xahar. “Dan jgħinni biex nippjana aħjar il-​vjaġġi tiegħi.”

L-​ATTIVITAJIET TAʼ KULJUM

Naqqas kemm tuża misħun. Skont studju, “l-​ammont taʼ enerġija biex ikun hemm misħun fid-​djar jikkonsma medja taʼ 1.3% tal-​enerġija kollha li tintuża fil-​bliet Awstraljani, jiġifieri 27% tal-​enerġija li tintuża fid-​djar.”

Ladarba biex issaħħan l-​ilma tikkonsma l-​enerġija, meta tuża inqas misħun, tkun qed taħli inqas enerġija. Mhux taʼ b’xejn li Victor, mill-​Afrika t’Isfel, jgħid: “Aħna nipprovaw nużaw ftit kemm jistaʼ jkun misħun meta ninħaslu.” Skont ix-​xjentist Steven Kenway ‘hemm tliet benefiċċji f’li tuża inqas misħun. Tiffranka l-​ilma u l-​enerġija, tonqos id-​domanda għall-​enerġija, u tiffranka l-​flus lill-​konsumatur.’

Itfi. Dan jinkludi d-​dwal, l-​appliances, u affarijiet oħra bħat-​televixins u l-​kompjuters. Anki meta jkunu mitfijin, ħafna affarijiet bħal dawn xorta jaħlu jekk ma jkunux mitfijin għalkollox. Xi esperti jissuġġerixxu li taqlaʼ l-​plakek minn mal-​ħajt biex tiffranka saħansitra iktar enerġija. Fernando, li ssemma qabel, qabad dan il-​vizzju, “Jien nitfi d-​dwal u naqlaʼ l-​plakek tal-​appliances li ma nkunx qed nuża.”

Forsi personalment ma tantx għandna kontroll fuq kemm tinħela enerġija jew kemm din tagħmel ħsara lill-​ambjent, imma nistgħu nagħżlu li nużaw l-​enerġija bil-​għaqal. Nies madwar id-​dinja qed isibu modi kif jagħmlu dan. Veru, li tibżaʼ għall-​enerġija għandu mnejn jirrikjedi iktar sforz u ħsieb, imma kkunsidra l-​benefiċċji. Valeria, mill-​Messiku, tgħid, “Niffranka l-​flus u nipproteġi l-​ambjent.”

^ par. 10 Segwi mill-​qrib l-​istruzzjonijiet tal-​fabbrika biex tħaddem sew l-​apparat li jsaħħan jew ikessaħ. Pereżempju, xi appliances jistgħu jirrikjedu li jkun hemm xi bieb jew tieqa mbexxqa biex tiċċirkola l-​arja.