Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 INTERVISTA | RAJESH KALARIA

Riċerkatur tal-moħħ jispjega t-twemmin tiegħu

Riċerkatur tal-moħħ jispjega t-twemmin tiegħu

IL-​Professur Rajesh Kalaria tal-​Università taʼ Newcastle, l-​Ingilterra, studja l-​moħħ tal-​bniedem għal iktar minn 40 sena. Hu kien jemmen bl-​evoluzzjoni. Imma iktar tard, biddel fehmtu. Ir-​rivista Stenbaħ! saqsietu dwar ix-​xogħol tiegħu u dwar dak li jemmen.

Jekk jogħġbok għidilna ftit dwar ir-​reliġjon li trabbejt fiha.

Missieri twieled l-​Indja, u ommi, għalkemm taʼ oriġini Indjana, twieldet l-​Uganda. Ħajjithom kienet iddominata mid-​drawwiet tal-​Ħindu. Jien it-​tieni minn tlett itfal. Aħna konna ngħixu f’Nairobi, fil-​Kenja. Fil-​madwar kien hemm ħafna nies Ħindu.

X’ġiegħlek tinteressa ruħek fix-​xjenza?

Minn dejjem kont inħobb l-​annimali, u spiss kont immur xi ħajk u nikkampja maʼ sħabi biex naraw l-​annimali salvaġġi mill-​isbaħ. L-​ewwel mira tiegħi kienet li nsir kirurgu veterinarju. Imma wara li ggradwajt minn kulleġġ f’Nairobi, mort nistudja l-​patoloġija fl-​Università taʼ Londra, l-​Ingilterra. Iktar tard, speċjalizzajt f’li nistudja l-​moħħ tal-​bniedem.

L-​istudju li għamilt, effettwa t-​twemmin tiegħek?

Iva. Iktar ma studjajt ix-​xjenza, iktar sibtha diffiċli biex nemmen fil-​mitoloġija u t-​tradizzjonijiet tal-​Ħindu, bħalma huma l-​qima tal-​annimali u x-​xbihat.

Għala aċċettajt it-​tagħlim tal-​evoluzzjoni?

Fi żmieni, ħafna min-​nies taʼ madwari kellhom l-​idea li l-​evoluzzjoni tal-​bniedem bdiet fl-​Afrika, u aħna spiss konna niddiskutu dan fl-​iskola. Apparti minn hekk, lilna l-​istudenti, l-​għalliema u l-​professuri tal-​università tawna l-​impressjoni li x-​xjentisti importanti kollha jemmnu bl-​evoluzzjoni.

 Maż-​żmien erġajt ikkunsidrajt l-​oriġini tal-​ħajja. Għala?

Kont ilni xi snin nistudja l-​bijoloġija u l-​anatomija meta student qalli x’kien qed jitgħallem dwar il-​Bibbja mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għelbitni l-​kurżità. Allura mort assemblea tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li kellhom fis-​sala tal-​kulleġġ tagħna f’Nairobi. Iktar tard, żewġ Xhieda missjunarji spjegawli xi tagħlim tal-​Bibbja. It-​twemmin tagħhom f’Disinjatur Grandjuż li għandu tweġibiet għal mistoqsijiet importanti tal-​ħajja ma kienx jidher bħala mitoloġija. F’għajnejja, dan kien jidher raġunevoli.

L-​għarfien mediku li kellek fixklek milli temmen fil-​ħolqien?

Għall-​kuntrarju! Hekk kif kont nistudja l-​anatomija, stajt nifhem kemm l-​affarijiet ħajjin huma ddisinjati b’reqqa u kemm huma kumplessi. Li tattribwixxi xi ħaġa tant sofistikata bħal din lil xi ħaġa li bdiet mix-​xejn, ma baqax jagħmel sens għalija.

Tistaʼ tagħtina xi eżempju?

Ilni nistudja l-​moħħ tal-​bniedem mill-​1971, u dan l-​organu meraviljuż qatt ma waqaf jaffaxxinani. Dan huwa l-​bażi tal-​ħsieb u l-​memorja u ċ-​ċentru taʼ kontroll taʼ ħafna partijiet tal-​ġisem. Il-​moħħ huwa wkoll il-​qalba tal-​ħafna sensi li għandna. Dan jifhem l-​informazzjoni li tiġi kemm minn ġewwa u kemm minn barra l-​ġisem.

Moħħna jaħdem kif jaħdem, fil-​biċċa l-​kbira, minħabba s-​sistema komplessa li tikkontrolla kif jitħalltu flimkien sustanzi kimiċi fil-​ġisem. Ukoll, minħabba s-​sistema komplessa taċ-​ċelluli primarji tal-​moħħ imsejħin newroni. Il-​moħħ tal-​bniedem għandu biljuni taʼ newroni li jikkomunikaw maʼ xulxin permezz taʼ ħjut, jew fibri, twal li jgħidulhom axons. Minn dawn, newron wieħed jistaʼ jkollu eluf taʼ konnessjonijiet maʼ newroni oħrajn permezz taʼ friegħi taʼ ħjut li jissejħu dendrites. B’hekk, l-​għadd kollu taʼ konnessjonijiet fil-​moħħ huwa kbir immens! Iktar minn hekk, dawn il-​ħafna newroni u dendrites f’xulxin huma konnessi bi preċiżjoni, u mhux bl-​addoċċ. Dan huwa kapolavur tal-​għaġeb!

Tistaʼ tispjegalna aktar?

Il-​konnessjonijiet jibdew jiżdiedu b’ordni preċiża matul l-​iżvilupp taʼ tarbija li tkun fil-​ġuf u anki wara t-​twelid. In-​newroni jibagħtu fibri lejn newroni partikulari li għandhom mnejn ikunu ftit ċentimetri ’l bogħod, imma din hi distanza enormi għan-​newroni. Newron jistaʼ jibgħat fibra mhux biss lejn newron ieħor partikulari imma saħansitra lejn parti partikulari taʼ dak in-​newron.

Hekk kif minn newron toħroġ fibra ġdida, din tiġi gwidata minn sinjali kimiċi li jgħidu affarijiet bħal “ieqaf,” “mur,” jew “dur” sakemm tasal fil-​konnessjoni korretta. Kieku l-​fibri huma hu jikbru ma jkollhomx istruzzjonijiet ċari, ma jdumux ma jintilfu. Il-​proċess sħiħ hu organizzat b’mod eċċezzjonali, u dan jinkludi l-​istruzzjonijiet li jkunu miktubin fid-​DNA tagħna.

Madankollu, għadna ’l bogħod biex nifhmu bi sħiħ kif il-​moħħ jiżviluppa u jaħdem, inkluż kif jiġu fformati l-​memorji, l-​emozzjonijiet, u l-​ħsibijiet. Għalija, is-​sempliċi fatt li l-​moħħ jaħdem—biex ma nsemmux kemm jaħdem bir-​reqqa u kemm jiżviluppa b’mod tal-​għaġeb—juri li hemm moħħ superjuri bil-​qabda aktar minn tagħna.

Għala sirt Xhud taʼ Ġeħova?

Ix-​Xhieda wrewni li l-​Bibbja hi l-​Kelma t’Alla. Pereżempju, il-​Bibbja mhijiex ktieb xjentifiku, imma meta ssemmi affarijiet xjentifiċi, hi dejjem tkun korretta. Fiha wkoll profeziji li twettqu b’mod eżatt. U din ittejjeb il-​ħajjiet taʼ dawk li japplikaw il-​prinċipji tagħha. Ħajti hi evidenza taʼ dan. Mindu sirt Xhud taʼ Ġeħova, mill-​1973, il-​Bibbja saret il-​gwida tiegħi. B’hekk, għandi ħajja verament sodisfaċenti u bi skop.