Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-​FAMILJA | IŻ-​ŻWIEĠ

Meta t-tfal ma jibqgħux jgħixu d-dar

Meta t-tfal ma jibqgħux jgħixu d-dar

L-​ISFIDA

Il-​koppji spiss jiffaċċjaw l-​ikbar sfidi tagħhom wara li t-​tfal jilħqu l-​età tagħhom u jitilqu mid-​dar. Meta ma jibqaʼ ħadd mit-​tfal id-​dar, il-​koppja jistgħu jibdew iħossuhom bħal żewġ min-​nies li ma jafux lil xulxin. “Nagħti pariri lil ħafna nies li ma jkunux jafu kif jerġgħu jingwalawha mal-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ,” jikteb espert tal-​familji M. Gary Neuman. “Ladarba t-​tfal ma jibqgħux jgħixu d-​dar, [il-​ġenituri] ftit li xejn ikollhom fuq xiex jitkellmu.” *

Jiddeskrivi dan, sa ċertu punt, iż-​żwieġ tiegħek? Jekk iva, tistaʼ ttejjeb ir-​relazzjoni tiegħek. Imma l-​ewwel, ikkunsidra xi fatturi li forsi huma l-​kaġun għala bħala koppja tbegħedtu minn xulxin.

GĦALA JIĠRI DAN

Għal snin sħaħ, it-​tfal kienu jiġu l-​ewwel. Ħafna ġenituri, b’intenzjoni tajba, ipoġġu l-​bżonnijiet taʼ wliedhom qabel il-​bżonnijiet taż-​żwieġ tagħhom. B’hekk, tant jidraw l-​irwol tagħhom taʼ missier u omm li jinsew x’inhu l-​irwol tagħhom bħala raġel u mara miżżewġin—fatt li jkun jidher pjuttost ovvju ladarba t-​tfal jitilqu. “Meta t-​tfal kienu għadhom magħna, almenu konna nagħmlu affarijiet flimkien,” tgħid mara miżżewġa taʼ 59 sena. Imma wara li telqu t-​tfal mid-​dar, hi tammetti, “il-​prijoritajiet tagħna kienu differenti.” Darba minnhom hi waslet biex tgħid lil żewġha, “Qegħdin f’saqajn xulxin.”

Xi koppji ma jkunux preparati biex jaddattaw għal din il-​fażi ġdida tal-​ħajja. “Għal ħafna koppji, huwa bħallikieku għadhom kif iżżewġu,” jgħid il-​ktieb Empty Nesting. Peress li ħafna mill-​koppji jħossu li ma tantx għad għandhom affarijiet komuni bejniethom, jibdew ifittxu dak li jinteressahom b’mod individwali, u b’hekk isiru iktar bħal uħud li jgħixu fl-​istess dar milli miżżewġin.

L-​aħbar tajba hi li int tistaʼ tevita n-​nassa—u saħansitra tgawdi l-​benefiċċji—taʼ din il-​paġna ġdida tal-​ħajja. Il-​Bibbja tistaʼ tgħin f’dan ir-​rigward. Ejja naraw kif.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Kun determinat li taċċetta l-​bidla. Dwar tfal li kibru, il-​Bibbja tgħid: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu.” (Ġenesi 2:24) Bħala ġenitur, il-​mira tiegħek kienet li tħarreġ ’l uliedek għal dan iż-​żmien, jiġifieri tgħinhom jiżviluppaw abbiltajiet li se jkollhom bżonn bħala adulti. Meta tħares lejha b’dan il-​mod, li t-​tfal jitilqu mid-​dar hi xi ħaġa li għandek għal xiex tkun kburi biha.—Prinċipju Bibliku: Marku 10:7.

M’għandniex xi ngħidu, int se tibqaʼ ġenitur għal uliedek. Però, issa int iktar bħal wieħed li jagħti l-​pariri milli wieħed li jżomm għajnejh fuqhom. Din ir-​relazzjoni ġdida tippermettilek iżżomm rabta mill-​qrib maʼ wliedek waqt li l-​attenzjoni prinċipali tagħtiha lil martek jew lil żewġek. *Prinċipju Bibliku: Mattew 19:6.

Iftaħ qalbek dwar dak li qed jinkwetak. Tkellem mal-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ dwar kif din il-​bidla fil-​ħajja qed teffettwak, u kun lest biex tismaʼ kif tħossha l-​persuna l-​oħra wkoll. Kun paċenzjuż u pprova ifhem. Għandu mnejn jieħu ż-​żmien biex tissaħħaħ ir-​relazzjoni taʼ bejnietkom, imma l-​isforz li jsir ikun worth it.Prinċipju Bibliku: 1 Korintin 13:4.

Sib affarijiet ġodda li tistgħu tagħmlu flimkien. Tkellem dwar miri li tixtiequ tilħqu flimkien jew dwar affarijiet interessanti li tixtiequ tiskopru bħala koppja. Peress li rabbejt it-​tfal, għandek għerf taʼ min joqgħod fuqu. Għax ma tużahx biex tgħin lil ħaddieħor?—Prinċipju Bibliku: Ġob 12:12.

Erġaʼ kkonferma mħabbtek. Aħseb dwar il-​kwalitajiet li kienu ġibdukom lejn xulxin. Bħala koppja, aħsbu minn xiex għaddejtu flimkien u dwar il-​problemi li għelibtu. Din il-​paġna ġdida f’ħajtek tistaʼ tkun waħda tajba. Fil-​fatt, bi sforz min-​naħa tat-​tnejn, issa għandkom l-​opportunità li ttejbu ż-​żwieġ tagħkom u terġgħu ssaħħu dik l-​imħabba li għaqqditkom flimkien fil-​bidu nett.

^ par. 4 Mill-​ktieb Emotional Infidelity.

^ par. 12 Jekk għadek qed trabbi t-​tfal, ftakar li int “ġisem wieħed” mal-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ. (Marku 10:8) It-​tfal iħossuhom aktar protetti meta jaraw li r-​relazzjoni tal-​ġenituri tagħhom hi waħda b’saħħitha.