Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-​ĦARSA TAL-​BIBBJA

It-tentazzjoni

It-tentazzjoni

Xi ftit mill-​konsegwenzi taʼ meta xi ħadd iċedi għat-​tentazzjoni huma problemi fiż-​żwieġ, saħħa batuta, u kuxjenza mtaqqla. Kif nistgħu nevitaw din in-​nassa?

X’inhi tentazzjoni?

Int tiġi ttantat meta titħajjar għal xi ħaġa—speċjalment għal xi ħaġa ħażina. Biex nagħtu eżempju, waqt li tkun qed tixtri tara xi ħaġa li togħġbok ferm. Jgħaddilek il-​ħsieb minn moħħok li tistaʼ tisraqha bla problemi taʼ xejn u ma tinqabadx. Imma l-​kuxjenza ma tħallikx. Allura tneħħi l-​ħsieb minn moħħok u tkompli bil-​qadi. F’dak il-​ħin, it-​tentazzjoni tkun għaddiet, u int tkun ħriġt rebbieħ!

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

 

Il-​fatt li titħajjar għal xi ħaġa mhix xierqa ma jfissirx li int persuna ħażina. Il-​Bibbja tirrikonoxxi li lkoll niġu ttantati. (1 Korintin 10:13) Dak li jħoll u jorbot hu l-​mod kif se taġixxi meta tiġi ttantat. Xi wħud jibqgħu jhewdnu dwar xewqa ħażina u, illum jew għada, iċedu għaliha. Oħrajn ineħħu l-​ħsieb minn moħħhom mill-​ewwel.

“Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess.”—Ġakbu 1:14.

Għala jkun għaqli li taġixxi mill-​ewwel meta tiġi ttantat?

Il-​Bibbja turi x’inhuma l-​passi li jwasslu lil dak li jkun biex jagħmel xi ħaġa ħażina. Ġakbu 1:15 jgħid: “Meta x-​xewqa [ħażina] ssir fertili, tiled id-​dnub.” Fi kliem sempliċi, bħalma mara tqila ma tistax ma twellidtx meta jasal iż-​żmien tal-​ħlas tagħha, hekk ukoll jekk nibqgħu nhewdnu fuq xewqa ħażina, żgur se naslu biex nagħmlu dak li hu ħażin. Però, nistgħu nevitaw li nsiru skjavi taʼ xewqat ħżiena. Aħna nistgħu nżommuhom taħt kontroll.

KIF IL-​BIBBJA TISTAʼ TGĦIN

 

Bħalma f’moħħna nistgħu ndaħħlu ħsieb ħażin, hekk ukoll nistgħu nneħħuh. Kif? Billi niffokaw fuq xi ħaġ’oħra—bħal pereżempju, immorru nimxu, nitkellmu maʼ ħabib, jew naħsbu fuq xi ħsieb pożittiv. (Filippin 4:8) Ikun t’għajnuna wkoll jekk nirriflettu fuq il-​konsegwenzi li jistaʼ jkun hemm jekk inċedu għat-​tentazzjoni. Dawn jistgħu jinkludu effetti negattivi emozzjonalment, fiżikament, jew spiritwalment. (Dewteronomju 32:29) Anki t-​talb jistaʼ jkun t’għajnuna kbira. Ġesù Kristu qal: “Itolbu kontinwament, sabiex ma tidħlux fit-​tentazzjoni.”—Mattew 26:41.

“Titqarrqux: Alla ma jidħaq bih ħadd. Għax dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Galatin 6:7.

 Kif tistaʼ ssaħħaħ lilek innifsek kontra t-​tentazzjoni?

IR-​REALTÀ

 

Ara t-​tentazzjoni għal dik li hi verament—xi ħaġa li tħajjar bħalma tagħmel lixka. Din tistaʼ twassal persuna stupida, bla esperjenza, u mhux prudenti fil-​periklu. (Ġakbu 1:14) Dan hu speċjalment minnu f’dawk li huma t-​tentazzjonijiet li jinvolvu l-​immoralità sesswali. Dawn jistaʼ jkollhom konsegwenzi diżastrużi.—Proverbji 7:22, 23.

KIF IL-​BIBBJA TISTAʼ TGĦIN

 

Ġesù Kristu qal: “Issa, jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek.” (Mattew 5:29) Naturalment, Ġesù ma kienx qed jitkellem f’sens letterali! Minflok, hu ried ifisser li jekk irridu nogħġbu lil Alla u niksbu l-​ħajja taʼ dejjem, irridu, bħallikieku, immewtu l-​membri taʼ ġisimna f’dak li hu ħażin. (Kolossin 3:5) Dan forsi jfisser li jkollna nieħdu azzjoni deċiżiva biex nagħtu daharna lit-​tentazzjoni. “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi,” talab lil Alla raġel leali.—Salm 119:37.

Ovvjament, jistaʼ jkun diffiċli li tikkontrolla lilek innifsek. Wara kollox, “il-​laħam dgħajjef.” (Mattew 26:41) Allura, ilkoll se nagħmlu xi żbalji. Imma, meta jiddispjaċina verament u nagħmlu ħilitna biex ma niħduhiex drawwa li nagħmlu l-​ħażin, il-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, se jkun “ħanin u grazzjuż” magħna. (Salm 103:8) Kemm hu taʼ faraġ dan!

“Kieku int toqgħod għassa għall-​iżbalji, O Jah, O Ġeħova, min jistaʼ jżomm wieqaf?”—Salm 130:3.