Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ĠIE DISINJAT?

Il-blu jgħajjat tal-Pollia Berry

Il-blu jgħajjat tal-Pollia Berry

IL-​FROTTA żgħira tal-​pjanta Pollia condensata, li tinsab madwar l-​Afrika, għandha l-​aktar blu qawwi li qatt tistaʼ tara fi pjanta. Madankollu, ma fiha l-​ebda kimika blu li ttebbgħa. X’inhu s-​sigriet wara dan il-​kulur impressjonanti?

Ikkunsidra: Iċ-​ċelluli li jkun hemm fil-​qoxra tal-​frotta fihom ħjut irqaq ħafna li huma rranġati bħalma jkunu sulfarini ġol-​kaxxa tagħhom. Dawn il-​ħjut jifformaw saffi, u kull saff ikun kemm kemm imdawwar mis-​saff taʼ taħtu, sabiex is-​saffi fuq xulxin jifformaw disinn li jdur fuqu nnifsu qisu garigor. Il-​ħjut infushom ma fihomx kulur blu. Il-​kulur jiġi mill-​mod kif il-​ħjut huma mpoġġija fuq xulxin. B’hekk, is-​sigriet tal-​blu qawwi, metalliku, u li jkanġi tal-​frotta hu minħabba kif inhi mfassla u mhux għax għandha xi kimika li tagħti l-​kulur. Il-​biċċa l-​kbira taċ-​ċelluli jidhru blu. Imma minn angoli differenti, xi wħud jidhru fl-​aħdar, fir-​roża, jew fl-​isfar minħabba bidliet żgħar fis-​saffi. Barra minn hekk, meta jiġu eżaminati mill-​qrib, il-​kuluri jidhru bħal tikek maġenb xulxin, bħal kuluri fuq skrin taʼ kompjuter.

Ladarba l-​Pollia berries m’għandhomx kimika li tagħtihom il-​kulur, huma jżommu l-​kulur tagħhom anki wara li jaqgħu mill-​pjanta. Infatti, dawk taʼ aktar minn mitt sena ilu għad għandhom il-​kulur jgħajjat daqs dawk li għadhom jinqatgħu! Minkejja li ma fihomx x’tiekol għax fihom żerriegħa biss, skont ir-​riċerkaturi dawn jibagħtu sinjali li jiġbdu l-​għasafar li jkunu fil-​viċin.

Ix-​xjentisti jemmnu li peress li l-​Pollia berry ma fihiex kimika taʼ kulur, din tistaʼ tgħin biex ikun hemm prodotti innovattivi, minn żebgħa li ma tiċċarax kif ġieb u laħaq sa karta speċjali li jkun diffiċli biex tiġi ffalsifikata.

Int x’taħseb? Il-​blu jgħajjat tal-​Pollia berry ġie bl-​evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?