IL-WERŻIEQ, insett li jixbah lill-ġurat, jgħix f’kull kontinent minbarra l-Antartika. Madankollu, il-werżieq perjodiku (tal-ispeċi Magicicada) li jinsab biss fil-Grigal tal-Amerika, affaxxina lil bijologi għal żmien twil.

Ikkunsidra: Miljuni taʼ wrieżaq perjodiċi jidhru f’daqqa fir-rebbiegħa għal ftit ġimgħat biss. Matul iż-żmien qasir tagħhom fix-xemx, huma jbiddlu l-ġilda, iwerżqu b’mod li jtarrax, itiru, jirriproduċu, imbagħad imutu. Ħaġa tal-iskantament, il-ġenerazzjoni taʼ wara tidher 13 jew 17-il sena wara, skont l-ispeċi. X’jiġri lil dawn l-insetti sadanittant?

Biex nagħtu tweġiba, irridu nifhmu ċ-ċiklu uniku tal-ħajja tal-werżieq perjodiku. Xi ġimgħa wara li jidhru, l-insetti adulti jitgħammru u n-nisa jbidu minn 400 sa 600 bajda fil-friegħi tas-siġar. Ftit wara, l-adulti jmutu. Sa ftit ġimgħat wara, il-bajd ifaqqas u ż-żgħar jaqgħu mal-art, iħaffru ġol-ħamrija u jibdew ħajja taħt l-art, fejn jiġbdu fluwidi mill-għeruq taʼ arbuxxelli jew siġar għal xi snin. Wara 13 jew 17-il sena, tiġi l-ġenerazzjoni l-ġdida taʼ adulti biex jirripetu ċ-ċiklu.

Skont artiklu fir-rivista Nature, iċ-ċiklu kumpless tal-ħajja taʼ dan il-werżieq “ħawwad lix-xjentisti għal sekli sħaħ. . . . Anki issa, entomologi, jew studjużi tal-insetti, qed jipprovaw jifhmu kif evolvew iċ-ċikli straordinarji tal-ħajja tal-insetti.” Huwa misteru li qatt ma kien hawn bħalu fost l-annimali.

X’taħseb int? Jistaʼ ċ-ċiklu tal-ħajja tal-werżieq perjodiku jkun riżultat tal-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?